9.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

248


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1854/2005

ta' l-14 ta' Novembru 2005

jissupplimenta l-Anness għar-Regolament (KE) Nru 2400/96 fir-rigward tad-dħul ta' isem fir-Reġistru tad-denominazzjonijiet protetti ta' oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċci protetti (Miel de Provence) [PGI]

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat t-trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 tal-14 ta' Lulju 1992 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni tal-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti ta’ l-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 7(5)(b), l-Artikolu 6(3) u l-Artikolu 6(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament (KEE) Nru 2081/92, l-applikazzjoni ta' Franza biex tirreġistra l-Miel de Provence ġie ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2)

(2)

Il-Ġermanja opponiet ir-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2081/92. Id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjoni hija dwar in-nuqqas ta' konformità mal-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2 u t-theddida possibbli għall-eżistenza ta' prodott li ilu legalment fuq is-suq għal mhux inqas minn ħames snin qabel id-data tal-pubblikazzjoni Prevista fl-Artikolu 6(2).

(3)

B'ittra mibgħuta fil-11 ta' Jannar 2005, il-Kummissjoni talbet lill-Istati Membri kkonċernati jfittxu qbil bejniethom skont il-proċeduri interni tagħhom.

(4)

Minħabba li ma kien għadu ntleħaq l-ebda qbil bejn Franza u l-Ġermanja wara tliet xhur, il-Kummissjoni jkollha tadotta deċiżjoni skont il-proċedura pprovduta fl-Artikolu 15 tar-Regolament (KEE) Nru 2081/92.

(5)

Id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjoni mibgħuta mill-Ġermanja tressaq tliet argumenti kontra r-reġistrazzjoni. L-ewwelnett, il-Ġermanja tiddikkjara li r-reġistrazzjoni tmur kontra l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KEE) Nru 2081/92. Il-parti opposta tiddikkjara li l-karatteristiċi organoleptiċi, il-karatteristiċi li għandhom x'jaqsmu mal-metodu ta' produzzjoni u l-kriterji ta' kwalità għall-prodott li applikaw għalih ma jistgħux jiġu kkonsidrati speċifiċi għar-reġjun ta' Provence.

(6)

Bil-kuntrarju, il-Kummissjoni tikkonsidra li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hija bbażata kemm fuq ir-reputazzjoni tal-għasel ta' Provence kif ukoll fuq il-kwalità speċjali tiegħu, li huwa l-oriġini tal-għasel mill-fjuri, speċifika għall-ambjent botaniku ta' Provence.

(7)

Il-Ġermanja mbagħad irreferiet għat-theddida possibbli għall-eżistenza ta' isem jew marka totalment jew parzjalment identika jew għall-eżistenza ta' prodotti li ilhom legalment fis-suq għal mhux inqas minn ħames snin qabel id-data ta' pubblikazzjoni prevista fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament (KEE) Nru 2081/92. B'mod partikolari tirreferi għall-possibbiltà li l-produtturi attwali li jikkumerċjalizzaw l-għasel bl-isem ta' Miel de Provence ma jkunux jistgħu jkomplu jużaw dak l-isem wara r-reġistrazzjoni jekk il-prodotti tagħhom ma jaqblux mal-ispeċifikazzjoni, kemm jekk dan ikun riżultat tal-oriġini mill-fjuri jew taż-żona ta' produzzjoni.

(8)

Il-Kummissjoni tħoss li dan l-argument huwa bbażat fuq ipoteżi bla provi. Skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament (KEE) Nru 2081/92, il-parti opposta għandha “turi” l-periklu ipotizzat. Il-Ġermanja qajmet biss il-possibiltà ta' periklu mingħajr ma wriet li hemm fil-fatt produtturi li jispiċċaw ibatu bħala riżultat tar-reġistrazzjoni.

(9)

Fl-aħħarnett, il-Ġermanja targumenta li l-użu tal-isem Miel de Provence huwa permess skont id-Direttiva tal-Kunsill 2001/110/KE tal-20 ta' Diċembru 2001 dwar l-għasel (3)għal għasel mir-reġjun Franċiż ta' Provence-Alpes-Côte-d’Azur. Issostni li dan ir-reġjun huwa differenti miż-żona ġeografika koperta mill-ispeċifikazzjoni stipulata skont ir-Regolament (KEE) Nru 2081/92. Apparti minn hekk, l-ispeċifikazzjoni għall-applikazzjoni tar-reġistrazzjoni teskludi l-għasel magħmul mill-fjuri tax-xemx, tal-lift jew tax-xnien (alfalfa), li huma florali u oriġini tal-pjanti preżenti fiż-żona ġeografika. Minħabba f'hekk, biex jikkonformaw mal-ispeċifikazzjoni, in-negozjanti li attwalment jikkumerċjalizzaw dan il-prodott bl-isem Miel de Provence iridu jeskludu l-għasel li joriġina mill-fjuri li m'hemmx provvediment għalihom fl-ispeċifikazzjoni. Skont il-Ġermanja, ir-reġistrazzjoni tal-Miel de Provence skont ir-Regolament(KEE) Nru 2081/92 joħloq kunflitt mad-Direttiva 2001/110/KE dwar l-għasel.

(10)

Kif innutat fil-premessa Nru 8, l-argument dwar l-eżistenza tal-periklu ma ġietx ipprovata. Barra minn hekk, il-ksur ipotizzat tad-Direttiva 2001/110/KE dwar l-għasel mhuwiex waħda mir-raġunijiet li jistgħu jintużaw għall-oġġezzjonijiet skont l-Artikolu 7(4) tar-Regolament (KEE) Nru 2081/92. Ukoll, id-Direttiva 2001/110/KE tippermetti ċertu ismijiet mingħajr ma tagħmilhom obbligatorji. Bil-kontra ta' dan, ir-Regolament (KEE) Nru 2081/92 huwa maħsub biex jirregola l-użu ta' ismijiet irreġistrati, anki fejn qabel setgħu jintużaw b'mod aktar liberu. B'riżultat ta' dan, in-nuqqas ta' restrizzjoni f'mument partikolari mhuwiex raġuni biex tirrifjuta reġistrazzjoni.

(11)

Minħabba dan kollu, l-isem għandu jiddaħħal fir-Reġistru ta' denominazzjonijiet ta' oriġini protetti u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti.

(12)

Il-miżuri pprovduti f'dan fir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Regolatorju dwar il-Ħarsien tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi u d-Denominazzjonijiet ta' Oriġini għal Prodotti Agrikoli u għal Prodotti tal-Ikel,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-isem fl-Anness għal dan ir-Regolament huwa miżjud fl-Anness għar-Regolament (KE) Nru 2400/96 (4).

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara d-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 14 ta' Novembru 2005.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 208, 24.7.1992, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 806/2003 (ĠU L 122, 16.5.2003, p. 1).

(2)  ĠU C 261, 30.10.2003, p. 4.

(3)  ĠU L 10, 12.1.2002, p. 47.

(4)  ĠU L 327, 18.12.1996, p. 11.


ANNESS

Il-prodotti elenkati fl-anness i għat-trattat tal-ke, maħsub għall-konsum mill-bniedem

Prodotti oħra tal-annimali (bajd, għasel, prodotti varji tal-ħalib minbarra l-butir, eċċ.)

FRANZA

Miel de Provence [PGI]