9.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

246


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1820/2005

tat-8 ta' Novembru 2005

jemenda r-Regolament (KE) Nru 1623/2000 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 dwar l-organizazzjoni komuni tas-suq ta’ l-inbid fir-rigward tal-mekkaniżmi tas-suq

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat t-rattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 tas-17 ta' Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni tas-suq tal-inbid (1), u b'mod partikolari Artikolu 33 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1623/2000 (2) jipprovdi għal sistema biex l-alkoħol tal-inbid, b'sejħa għall-offerti, jintuża bħala bijoetanol fis-settur tal-fjuwil tal-Komunità. Sabiex jinkiseb l-ogħla prezz ta' bejgħ għal dan l-alkoħol, il-kundizzjonijiet għall-kompetizzjoni tas-suq fl-alkoħol tal-inbid iridu jittejbu.

(2)

Għal dan il-għan, l-ewwelnett, irid jiżdied l-għadd ta' offerenti billi tiġi ssimplifikata l-proċedura tal-approvazzjoni. It-tieni, fejn applikabbli, dawk l-impriżi għandu jkollhom il-possibbiltà jagħżlu liberament fis-suq il-klijenti lil min se jbiegħu l-alkoħol proċessat għall-użu aħħari tiegħu.

(3)

Għladaqstant, l-offerenti ma jridx ikollhom bżonn, meta jippreżentaw l-offerti tagħhom, jindikaw id-destinazzjoni u x-xerrejja aħħarija tal-alkoħol, sakemm l-użu aħħari jsir fis-sura ta' bijoetanol fis-settur tal-fjuwil fil-Komunità.

(4)

Sabiex ikun żgurat aħjar li dawn jikkonformaw mal-użu aħħari ppjanat tal-alkoħol, l-ammont tal-garanzija ta' l-adempjament għandu jiżdied.

(5)

Il-kondizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-impriżi fuq is-sejħa għall-offerti dwar id-data tal-approvazzjoni tagħhom għandha titniżżel f'aktar dettall.

(6)

L-iskambju ta' informazzjoni bejn l-aġenziji ta' intervent, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhu jsir aktar trasparenti u effiċjenti.

(7)

Ir-Regolament (KE) Nru 1623/2000 għandu jiġi emendat skont dan.

(8)

Il-miżuri pprovduti għal dan fir-Regolament jaqblu mal-opinjoni tal-Kumitat ta' Tmexxija għall-inbid,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 1623/2000 huwa emendat kif ġej:

1.

L-Artikolu 92 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-unt (ċ) jinbidel f'dan li ġej:

“(ċ)

il-post ta' stabbiliment u kopja tal-pjan tal-impjant fejn jiġi pproċessat l-alkoħol f'alkoħol assolut, u indikazzjoni tal-kapaċità annwali tal-ipproċessar;”

(ii)

il-unt (e) jinbidel f'dan li ġej:

“(e)

l-impenn ta' l-impriża li tiżgura li x-xerrejja aħħarija kollha tal-alkoħol jużaw dak li jixtru biss għall-produzzjoni ta' fjuwil fil-Komunità fis-sura ta' bijoetanol;”

(b)

il-paragrafu 5 jinbidel f'dan li ġej:

“5.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni malajr dwar xi dewmien f'approvazzjoni ġdida jew it-tneħħija ta' approvazzjoni u jindikaw id-data eżatta tad-deċiżjoni.”

2.

L-Artikolu 94(1) u (2) jinbidel f'dan li ġej:

“1.   L-offerti għandhom jiġu minn impriżi li jkunu approvati meta jiġi ppublikat l-avviż dwar is-sejħa għall-offerti.

2.   L-offerenti jistgħu jibgħatu talba waħda biss għal kull lott li jingħata. Jekk xi proponent jibgħat aktar minn talba waħda għal kull lott, l-ebda minn dawk l-offerti ma jiġu aċċettati.”

3.

L-Artikolu 94a(c) tħassar.

4.

L-Artikolu 94b(3) jinbidel f'dan li ġej:

“3.   Il-Kummissjoni tavża lil dawk l-Istati Membri u aġenziji ta' intervent li għandhom l-alkoħol li jkunu saru l-offerti fuqu, dwar id-deċiżjonijiet meħuda skont dan l-Artikolu”

5.

L-Artikolu 94c jinbidel f'dan li ġej:

“Artikolu 94c

Dikkjarazzjoni ta' għotja u avviż lill-Kummissjoni

1.   L-aġenzija ta' intervent għandha tinforma lil-proponenti bil-miktub, bla dewmien u b'irċevuta, dwar x'deċiżjoni ttieħdet dwar l-offerti tagħhom.

2.   Fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol minn meta tirċievi n-notifika msemmija fl-Artikolu 94b(3), l-aġenzija ta' intervent għandha tinforma lill-Kummissjoni bl-isem u l-indirizz tal-proponent għal kull offerta mibgħuta.

3.   Fi żmien ġimagħtejn minn meta tirċievi l-avviż tal-informazzjoni msemmi fil-paragrafu 1, l-aġenzija ta' intervent għandha tibgħat lil kull offerent dikjarazzjoni tal-għoti li tiċċertifika li l-offerta tagħhom ġiet aċċettata.

4.   Fi żmien ġimgaħtejn minn meta tirċievi l-avviż tal-informazzjoni msemmi fil-paragrafu 1, kull offerent rebbieħ għandu jipprovdi evidenza li ddepożita għand l-aġenzija tal-intervent ikkonċernata garanzija ta’ l-adempjament ta' EUR 40 għal kull ettolitru ta' alkoħol b'volum ta' 100 % biex jiżgura li l-alkoħol kollu mogħti jiġi użat skont l-għan iddikjarat fl-Artikolu 92(1).”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara d-data tal-pubblikazzjoni tiegħu fi Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2006.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 8 ta' Novembru 2005.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 179, 14.7.1999, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1188/2005 (ĠU L 193, 23.7.2005, p. 24).

(2)  ĠU L 194, 31.7.2000, p. 45. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 1219/2005 (ĠU L 199, 29.7.2005, p. 45).