3.11.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

1


REGOLAMENT (KE) Nru 1775/2005 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-28 ta' Settembru 2005

dwar il-kondizzjonijiet għall-aċċess għan-netwerks ta' trasmissjoni tal-gass naturali

(Test b'relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw mal-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2003/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2003 rigward regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali (3) għamlet kontribut sinifikanti għall-ħolqien ta' suq intern tal-gass. Issa jeħtieġ li jiġu mwettqa bidliet strutturali fil-kwadru regolatorju sabiex jiġu megħluba l-barrieri li baqa' għat-twettiq tas-suq intern b'mod partikolari dwar il-kummerċ tal-gass. Jinħtieġu regoli tekniċi addizzjonali, b'mod partikolari dwar is-servizzi ta' aċċess għal terzi, il-prinċipji tal-mekkaniżmi ta' allokazzjoni tal-kapaċità, il-proċeduri ta' l-immaniġġar tal-konġestjoni u r-rekwiżiti ta' trasparenza.

(2)

L-esperjenza miksuba fl-implementazzjoni u l-monitoraġġ ta' l-ewwel sett ta' Linji Gwida għall-Prattika Tajba, adottat mill-Forum Regolatorju Ewropew dwar il-Gass (il-Forum) fl-2002, turi li sabiex tiġi żgurata l-implementazzjoni sħiħa tar-regoli stabbiliti fil-Linji Gwida fl-Istati Membri kollha, u sabiex tiġi pprovduta garanzija minima għal kondizzjonijiet ugwali ta' aċċess għas-suq fil-prattika, jeħtieġ li jiġi pprovdut li dawn isiru nfurzabbli legalment.

(3)

Sett ieħor ta' regoli komuni, intitolat “it-Tieni Linji Gwida għall-Prattika Tajba” ġie adottat fil-laqgħa tal-Forum fl-24-25 ta' Settembru 2003 u l-għan ta' dan ir-Regolament huwa li jistabbilixxi, fuq il-bażi ta' dawk il-Linji Gwida, prinċipji u regoli bażiċi dwar l-aċċess għan-netwerk u s-servizzi ta' aċċess għal terzi, l-immaniġġar tal-konġestjoni, it-trasparenza, il-bilanċjament u l-kummerċ ta' drittijiet tal-kapaċità.

(4)

L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/55/KE jippermetti operatur ta' sistema kombinata ta' trasmissjoni u distribuzzjoni. Għalhekk, ir-regoli stabbiliti f'dan ir-Regolament ma jeħtiġux tibdil ta' l-organizzazzjoni tas-sistema nazzjonali ta' trasmissjoni u distribuzzjoni li huma konsistenti mad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2003/55/KE u b'mod partikolari ma' l-Artikolu 15 tagħha.

(5)

Il-pipelines ta' pressjoni għolja li jqabbdu d-distributuri lokali man-netwerk tal-gass li mhumiex użati primarjament fil-kuntest tad-distribuzzjoni lokali huma inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(6)

Jeħtieġ li jiġu speċifikati l-kriterji skond liema jkunu determinati tariffi għall-aċċess għan-netwerk, sabiex jiġi żgurat li jkunu konformi bis-sħiħ mal-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni u mal-ħtiġijiet ta' suq intern li jiffunzjona korrettament u li jittieħed kont bis-sħiħ tal-bżonn ta' l-integrità tas-sistema u li jiġu riflessi l-ispejjeż magħmula, sakemm dawn l-ispejjeż jikkorrispondu ma' dawk ta' operatur effiċjenti u strutturalment komparabbli tan-netwerk u jkunu trasparenti, filwaqt li jinkludu qligħ xieraq mill-investimenti, u fejn xieraq, b'kont meħud tal-benchmarking tat-tariffi mill-awtoritajiet regolatorji.

(7)

Fil-kalkolu tat-tariffi għall-aċċess għan-netwerks huwa importanti li jittieħed kont ta' l-ispejjeż fattwalment magħmula, sakemm dawn l-ispejjeż jaqblu ma dawk ta' operatur effiċjenti u strutturalment komparabbli tan-netwerk u jkunu trasparenti, kif ukoll tal-ħtieġa li jiġi provdut qligħ xieraq fuq l-investimenti u inċentivi sabiex jinbnew infrastrutturi ġodda. F'dan ir-rigward, u b'mod partikolari jekk teżisti kompetizzjoni effettiva ta' pipeline ma' pipeline, il-benchmarking ta' tariffi mill-awtoritajiet regolatorji tkun konsiderazzjoni rilevanti.

(8)

L-użu ta' arranġamenti bbażati fuq is-suq, bħal ma huma rkantijiet, sabiex jiġu determinati t-tariffi, għandu jkun kompatibbli mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 2003/55/KE.

(9)

Sett minimu komuni ta' servizzi ta' aċċess għal terzi huwa meħtieġ sabiex jiġi provdut standard minimu ta' aċċess fil-prattika fil-Komunità kollha, sabiex jiġi żgurat li s-servizzi ta' aċċess għal terzi ikunu suffiċjentement kompatibbli u sabiex jippermettu li jiġu sfruttati l-benefiċċji li jirriżultaw minn suq intern tal-gass li jiffunzjona korrettament.

(10)

Ir-referenzi għall-kuntratti armonizzati ta' trasport fil-kuntest ta' aċċess non-diskriminatorju għan-netwerk ta' operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni ma jfissrux li t-termini u l-kondizzjonijiet tal-kuntratti ta' trasport ta' operatur partikolari tas-sistema fi Stat Membru għandhom ikunu l-istess bħal dawk ta' operatur ieħor tas-sistema ta' trasmissjoni f'dak l-Istat Membru jew fi Stat Membru ieħor, sakemm ma jiġux stabbiliti rekwiżiti minimi li jridu jintlaħqu mill-kuntratti kollha ta' trasport.

(11)

L-immaniġġar tal-konġestjoni kontrattwali ta' netwerks hija kwistjoni importanti fit-tkomplija tas-suq intern tal-gass. Jeħtieġ li jiġu żviluppati regoli komuni li jibbilanċaw il-ħtieġa li tinħeles kapaċità mhux użata skond il-prinċipju use-it-or-lose-it mad-drittijiet tad-detenturi tal-kapaċità li jużawha meta dan ikun meħtieġ, filwaqt li fl-istess ħin tiġi msaħħa l-likwidità tal-kapaċità.

(12)

Minkejja li l-konġestjoni fiżika tan-netwerks fil-preżent rarament hija problema fil-Komunità, tista' ssir problema fil-futur. Huwa għalhekk importanti li jiġi provdut il-prinċipju bażiku għall-allokazzjoni tal-kapaċità staġnata f'tali ċirkostanzi.

(13)

Sabiex l-utenti tan-netwerk jiksbu aċċess effettiv għal netwerks tal-gass għandhom bżonn ta' informazzjoni b'mod partikolari dwar rekwiżiti tekniċi u kapaċità disponibbli sabiex ikunu jistgħu jisfruttaw opportunitajiet ta' negozju li jiżviluppaw fil-kwadru tas-suq intern. Huma meħtieġa standards minimi komuni dwar tali trasparenza. Il-pubblikazzjoni ta' tali informazzjoni tista' ssir b'mezzi differenti, inklużi mezzi elettroniċi.

(14)

Is-sistemi non-diskriminatorji u trasparenti ta' bilanċjament għall-gass, imħaddma minn operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni, huma mekkaniżmi importanti, b'mod partikolari għal suġġetti ġodda li jidħlu fis-suq li jistgħu jkollhom iktar diffikultà minn kumpanniji diġà stabbiliti f'suq rilevanti sabiex jibbilanċaw il-portafoll ġenerali tal-bejgħ tagħhom. Għalhekk jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli li jiżguraw li l-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni joperaw tali mekkaniżmi b'mod li jkun kompatibbli ma' kondizzjonijiet ta' aċċess għan-netwerk li jkunu trasparenti, effettivi u non-diskriminatorji.

(15)

L-iskambju tad-drittijiet primarji ta' kapaċità huwa parti importanti fl-iżvilupp ta' suq kompetittiv u fil-ħolqien ta' likwidità. Dan ir-Regolament għandu għalhekk jistabbilixxi regoli bażilari għal din il-materja.

(16)

Jeħtieġ li jiġi żgurat li impriżi li jkunu qegħdin jiksbu drittijiet tal-kapaċità jkunu jistgħu jbigħuhom lil impriżi oħra liċenzjati sabiex jiġi żgurat livell xieraq ta' likwidità fis-suq tal-kapaċità. Dan l-approċċ, madankollu, ma jeskludix sistema li fiha kapaċita' mhux użata għal perjodu partikolari, determinat fuq livell nazzjonali, tkun disponibbli mill-ġdid għas-suq fuq bażi kostanti.

(17)

L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom jiżguraw konformità mar-regoli li jinsabu f'dan ir-Regolament u l-Linji Gwida adottati bħala riżultat tiegħu.

(18)

Fil-Linji Gwida annessi ma' dan ir-Regolament, hemm definiti regoli dettaljati speċifiċi ta' implementazzjoni, fuq il-bażi tat-tieni Linji Gwida għall-Prattika Tajba. Fejn ikun xieraq, dawn ir-regoli għandhom jiżviluppaw tul iż-żmien, filwaqt li jittieħed kont tad-differenzi bejn is-sistema nazzjonali tal-gass.

(19)

Meta tipproponi l-emendament tal-Linji Gwida stabbiliti fl-Anness ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tiżgura konsultazzjoni minn qabel mal-partijiet kollha rilevanti konċernati mill-Linji Gwida, rappreżentati mill-organizazzjonijiet professjonali, u ma' l-Istati Membri fil-Forum u għandha titlob il-kontribut tal-Grupp ta' Regolaturi Ewropej għall-Elettriku u l-Gass.

(20)

L-Istati Membri u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom ikollhom l-obbligu jipprovdu lill-Kummissjoni informazzjoni rilevanti. Tali informazzjoni għandha tiġi trattata b'mod kunfidenzjali mill-Kummissjoni.

(21)

Dan ir-Regolament u l-Linji Gwida adottati skond dan ir-Regolament ikunu mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Komunità dwar il-kompetizzjoni.

(22)

Il-miżuri meħtieġa għall-implementazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' l-implementazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (4).

(23)

Peress li l-għan ta' dan ir-Regolament, prinċipalment li jiġu stabbiliti regoli ġusti għall-kondizzjonijiet għall-aċċess għas-sistema ta' trasmissjoni tal-gass naturali, ma jistax jintlaħaq suffiċjentement mill-Istati Membri u jista' għalhekk, minħabba l-firxa u l-effetti ta' l-azzjoni, jintlaħaq aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak il-għan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jimmira sabiex jistabbilixxi regoli non-diskriminatorji għall-kondizzjonijiet ta' aċċess għas-sistema ta' trasmissjoni tal-gass naturali filwaqt li jieħu kont tal-karatteristiċi speċifiċi tas-swieq nazzjonali u reġjonali bil-ħsieb li jiġi żgurat il-funzjonament korrett tas-suq intern tal-gass.

Dan l-objettiv għandu jinkludi d-definizzjoni ta' prinċipji armonizzati għat-tariffi, jew il-metodoloġiji li jkunu l-bażi tal-kalkolu tagħhom, għal aċċess għan-netwerk, għall-istabbiliment ta' servizzi għall-aċċess ta' terzi u d-definizzjoni ta' prinċipji armonizzati għall-allokazzjoni tal-kapaċità u l-immaniġgar tal-konġestjoni, għad-determinazzjoni ta' rekwiżiti ta' trasparenza, għar-regoli ta' bilanċjament u ħlasijiet ta' żbilanċ, u għall-faċilitazzjoni ta' l-iskambju tal-kapaċità.

2.   L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu organu jew korp stabbilit b'mod konformi mad-Direttiva 2003/55/KE bil-għan tat-twettiq ta' waħda jew aktar mill-funzjonijiet tipikament attribwiti lill-operatur tas-sistema tat-trasmissjoni, li għandu jkun suġġett għar-rekwiżi ta' dan ir-Regolament.

L-Artikolu 2

Definizzjonijiet

1.   Għall-iskop ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1)

“trasmissjoni” tfisser it-trasport ta' gass naturali permezz ta' netwerk, li prinċipalment fih pipelines ta' pressjoni għolja, li hu divers minn netwerk upstream pipeline u divers mill-parti ta' pipelines ta' pressjoni għolja użati primarjament fil-kuntest ta' distribuzzjoni lokali ta' gass naturali, bil-ħsieb li jiġi konsenjat lill-klijent, iżda ma jinkludix il-fornitura;

2)

“kuntratt ta' trasport” tfisser kuntratt li l-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni ikun ikkonkluda ma' utent tan-netwerk bil-ħsieb li titwettaq trasmissjoni;

3)

“kapaċità” tfisser il-fluss massimu, espress f'metri kubi normali għal kull unità ta' ħin jew f'unità ta' enerġija għal kull unità ta' ħin, li għalih ikun intitolat l-utent tan-netwerk skond id-dispożizzjonijiet tal-kuntratt ta' trasport;

4)

“kapaċità mhux użata” tfisser kapaċità kostanti li utent tan-netwerk ikun akkwista b'kuntratt ta' trasport iżda li l-utent ma jkunx innomina sa l-iskadenza speċifikata fil-kuntratt;

5)

“l-immaniġġar tal-konġestjoni” tfisser l-immaniġġar tal-portafoll tal-kapaċità ta' l-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni bil-ħsieb ta' l-aqwa u l-iżjed użu tal-kapaċità teknika u tal-perċezzjoni fil-ħin ta' konġestjoni futura u ta' punti ta' saturazzjoni;

6)

“suq sekondarju” tfisser is-suq ta' l-iskambju tal-kapaċità għajr fuq is-suq primarju;

7)

“nominazzjoni” tfisser in-notifika preliminari mill-utent tan-netwerk lill-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni tal-fluss effettiv li huwa jkun jixtieq jitfa' fis-sistema jew jieħu minnha;

8)

“nominazzjoni mill-ġdid” tfisser in-notifika sussegwenti ta' nominazzjoni li tkun ġiet korretta;

9)

“integrità tas-sistema” tfisser kwalunkwe sitwazzjoni fir-rigward ta' netwerk ta' trasmissjoni li tinkludi l-faċilitajiet meħtieġa ta' trasmissjoni li fihom il-pressjoni u l-kwalità tal-gass naturali jibqgħu fil-limiti minimi u massimi stabbiliti mill-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni, sabiex b'hekk it-trasmissjoni ta' gass naturali tkun garantita mil-lat tekniku;

10)

“perjodu ta' bilanċjament” tfisser il-perjodu li fih it-teħid ta' ammont ta' gass naturali, espress f'unitajiet ta' enerġija, għandu jiġi kkumpensat minn kull utent tan-netwerk permezz tat-tfigħ ta' l-istess ammont ta' gass naturali fin-netwerk ta' trasmissjoni skond il-kuntratt ta' trasport jew il-kodiċi tan-netwerk;

11)

“utent tan-netwerk” tfisser klijent jew klijent potenzjali ta' operatur tas-sistema ta' trasmissjoni, u l-operaturi nnifishom tas-sistema ta' trasmissjoni sa fejn ikunu meħtieġa li jwettqu l-funzjonijiet tagħhom fir-rigward tat-trasmissjoni;

12)

“servizzi interrompibbli” tfisser servizzi offruti mill-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni fir-rigward ta' kapaċità interrompibbli;

13)

“kapaċità interrompibbli” tfisser kapaċità ta' trasmissjoni ta' gass li tista' tiġi interrotta mill-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni skond il-kondizzjonijiet stipulati fil-kuntratt ta' trasport;

14)

“servizzi għal perjodu fit-tul” tfisser servizzi offruti mill-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni għal perjodu ta' sena jew iktar;

15)

“servizzi għal perjodu qasir” tfisser servizzi offruti mill-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni għal perjodu ta' inqas minn sena;

16)

“kapaċità kostanti” tfisser kapaċità ta' trasmissjoni ta' gass kontrattwalment garantita mill-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni bħala waħda mhux interrompibbli;

17)

“servizzi kostanti” tfisser servizzi offruti mill-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni fir-rigward ta' kapaċità kostanti;

18)

“kapaċità teknika” tfisser il-kapaċità kostanti massima li l-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni jista' joffri lill-utenti tan-netwerk, b'kont meħud ta' l-integrità tas-sistema u tar-rekwiżiti operattivi tan-netwerk ta' trasmissjoni;

19)

“kapaċità kontrattata” tfisser kapaċità li l-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni jkun alloka lil utent tan-netwerk permezz ta' kuntratt ta' trasport;

20)

“kapaċità disponibbli” tfisser il-parti mill-kapaċità teknika li ma tkunx allokata u li tkun għadha disponibbli għas-sistema f'dak il-mument;

21)

“konġestjoni kontrattwali” tfisser sitwazzjoni fejn il-livell tad-domanda għall-kapaċità kostanti jaqbeż il-kapaċità teknika;

22)

“suq primarju” tfisser is-suq tal-kapaċità skambjata direttament mill-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni;

23)

“konġestjoni fiżika” tfisser sitwazzjoni fejn il-livell tad-domanda għall-provvista effettiva f'xi ħin partikolari jaqbeż il-kapaċità teknika.

2.   Id-definizzjonijiet fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/55/KE li huma rilevanti għall-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw ukoll bl-eċċezzjoni tad-definizzjoni ta' trasmissjoni fil-punt 3 ta' dak l-Artikolu.

L-Artikolu 3

Tariffi għal aċċess għan-netwerks

1.   It-tariffi, jew il-metodoloġiji użati sabiex dawn jiġu kalkolati, applikati minn operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni u approvati mill-awtoritajiet regolatorji skond l-Artikolu 25(2) tad-Direttiva 2003/55/KE, kif ukoll it-tariffi pubblikati skond l-Artikolu 18(1) ta' dik id-Direttiva, għandhom ikunu trasparenti, jieħdu kont tal-ħtieġa ta' l-integrità tas-sistema u t-titjib tagħha u jirriflettu l-ispejjeż effettivament magħmula, sa fejn dawn l-ispejjeż jikkorrispondu ma' dawk ta' operatur effiċjenti u strutturalment komparabbli tan-netwerk u jkunu trasparenti filwaqt li jinkludu qligħ xieraq fuq l-investimenti, u fejn ikun il-każ b'kont meħud tal-benchmarking ta' tariffi mill-awtoritajiet regolatorji. It-tariffi, jew il-metodoloġiji użati sabiex dawn jiġu kalkolati, għandhom jiġu applikati b'mod non-diskriminatorju.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li t-tariffi jistgħu jiġu determinati wkoll permezz ta' arranġamenti bbażati fuq is-suq, bħal irkantijiet, sakemm tali arranġamenti u d-dħul li jirriżulta minnhom ikunu approvati mill-awtorità regolatorja.

It-tariffi, jew il-metodoloġiji użati sabiex dawn jiġu kalkolati, għandhom jiffaċilitaw il-kummerċ effiċjenti tal-gass u l-kompetizzjoni, filwaqt li jevitaw sussidji inkroċjati bejn utenti tan-netwerk u jipprovdu inċentivi għal investiment u jżommu jew joħolqu l-interoperabbiltà tan-netwerks ta' trasmissjoni.

2.   It-tariffi għal aċċess għan-netwerk ma għandhomx jirrestrinġu l-likwidità tas-suq u lanqas iġibu distorsjoni fil-kummerċ transkonfinali bejn sistema ta' trasmissjoni differenti. Fejn id-differenzi fl-istrutturi tat-tariffi jew fil-mekkaniżmi ta' bilanċjament ifixklu l-kummerċ bejn sistema ta' trasmissjoni, u minkejja l-Artikolu 25(2) tad-Direttiva 2003/55/KE, l-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom, f'koperazzjoni mill-qrib ma' l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, ifittxu b'mod attiv il-konverġenza ta' l-istrutturi ta' tariffi u tal-prinċipji ta' ħlas anke fir-rigward tal-bilanċjament.

L-Artikolu 4

Servizzi ta' Aċċess għal Terzi

1.   L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom:

(a)

jiżguraw li joffru servizzi fuq bażi non-diskriminatorja lill-utenti kollha tan-netwerk. B'mod partikolari, fejn operatur tas-sistema ta' trasmissjoni joffri l-istess servizz lil klijenti differenti, għandu jagħmel dan skond termini u kondizzjonijiet kontrattwali ekwivalenti, jew billi juża kuntratti ta' trasport armonizzati jew kodiċi komuni tan-netwerk approvati mill-awtorità kompetenti skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 25 tad-Direttiva 2003/55/KE;

(b)

jipprovdu servizzi ta' aċċess, lill-terzi, li jkunu kemm kostanti kif ukoll interrompibbli. Il-prezz tal-kapaċità interrompibbli għandha tirrifletti l-probabbiltà ta' l-interruzzjoni;

(ċ)

joffru lill-utenti tan-netwerk servizzi kemm għal perjodu fit-tul kif ukoll għal perjodu qasir.

2.   Il-kuntratti ta' trasport iffirmati b'dati ta' bidu li mhumiex standard jew għal żmien iqsar minn dak ta' kuntratt standard ta' trasport annwali ma għandhomx jirriżultaw f'tariffi li jkunu arbitrarjament ogħla jew iktar baxxi li ma jirriflettux il-valur fis-suq tas-servizz, skond il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 3(1).

3.   Fejn ikun il-każ, jistgħu jingħataw servizzi ta' aċċess għal terzi suġġett għal garanziji adegwati minn utenti tan-netwerk fir-rigward ta' l-affidabbiltà finanzjarja ta' tali utenti. Tali garanziji ma għandhomx jikkostitwixxu barrieri żejda għad-dħul fis-suq u għandhom ikunu non-diskriminatorji, trasparenti u proporzjonati.

L-Artikolu 5

Prinċipji tal-mekkaniżmi ta' allokazzjoni tal-kapaċità u proċeduri ta' l-immaniġġar tal-konġestjoni

1.   Il-kapaċità massima fil-punti kollha rilevanti msemmija fl-Artikolu 6(3) għandha tkun disponibbli għall-parteċipanti tas-suq, b'kont meħud ta' l-integrità tas-sistema u l-operazzjoni effiċjenti tan-netwerk.

2.   L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom jimplementaw u jippubblikaw mekkaniżmi ta' allokazzjoni tal-kapaċità li jkunu non-diskriminatorji u trasparenti, li għandhom:

(a)

jipprovdu sinjali ekonomiċi adegwati għall-użu effiċjenti u massimu tal-kapaċità teknika u jiffaċilitaw investiment f'infrastruttura ġdida;

(b)

ikunu kompatibbli mal-mekkaniżmi tas-suq inklużi swieq spot u punti fokali ta' kummerċ filwaqt li jkunu flessibbli u kapaċi jadattaw għaċ-ċirkostanzi li jevolvu fis-suq;

(ċ)

ikunu kompatibbli mas-sistema ta' l-Istati Membri ta' aċċess għan-netwerk.

3.   Meta l-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni jikkonkludu kuntratti ġodda ta' trasport jew jinnegozjaw mill-ġdid kuntratti eżistenti ta' trasport, dawn il-kuntratti għandhom jieħdu kont tal-prinċipji segwenti:

(a)

fl-eventwalità ta' konġestjoni kontrattwali, l-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni għandu joffri l-kapaċità mhux użata fis-suq primarju għall-inqas fuq bażi interrrompibbli u ta' jum bil-quddiem,

(b)

utenti tan-netwerk li jixtiequ jbigħu mill-ġdid jew jissullokaw il-kapaċità kontrattata mhux użata fis-suq sekondarju għandhom ikunu intitolati li jagħmlu dan. L-Istati Membri jistgħu jesiġu notifikazzjoni jew informazzjoni dwar l-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni mill-utenti tan-netwerk.

4.   Meta kapaċità kontrattata taħt kuntratti eżistenti ta' trasport tibqa' mhux użata u sseħħ konġestjoni kontrattwali, l-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom japplikaw il-paragrafu 3 sakemm dan ma jiksirx ir-rekwiżiti tal-kuntratti eżistenti ta' trasport. Fejn dan imur kontra l-kuntratti eżistenti ta' trasport, l-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom, wara konsultazzjoni ma' l-awtoritajiet kompetenti, jippreżentaw talba lill-utent tan-netwerk għall-użu fis-suq sekondarju tal-kapaċità mhux użata skond il-paragrafu 3.

5.   Jekk eventwalment teżisti konġestjoni fiżika, għandhom jiġu applikati mill-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni jew, skond il-każ, mill-awtoritajiet regolatorji mekkaniżmi ta' allokazzjoni tal-kapaċità li jkunu trasparenti u non-diskriminatorji.

L-Artikolu 6

Rekwiżiti ta' trasparenza

1.   L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom jippubblikaw informazzjoni dettaljata dwar is-servizzi li huma joffru u l-kondizzjonijiet rilevanti applikati, flimkien ma' l-informazzjoni teknika meħtieġa mill-utenti tan-netwerk sabiex ikunu jistgħu jiksbu aċċess effettiv għan-netwerk.

2.   Sabiex jiġu żgurati tariffi trasparenti, oġġettivi u non-diskriminatorji u sabiex jiġi faċilitat l-użu effiċjenti tan-netwerk tal-gass, l-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni jew l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jippubblikaw informazzjoni raġonevolment u suffiċjentement dettaljata dwar id-derivazzjoni, il-metodoloġija u l-istruttura tat-tariffi.

3.   Għas-servizzi provduti, kull operatur tas-sistema ta' trasmissjoni għandu jippubblika informazzjoni dwar il-kapaċitajiet tekniċi, kontrattati u disponibbli fuq bażi numerika għall-punti kollha rilevanti inklużi l-punti ta' dħul u ta' ħruġ fuq bażi regolari u rotattiva b'mod standardizzat għall-użu faċli mill-utenti.

4.   Il-punti rilevanti ta' sistema ta' trasmissjoni li dwarhom għandha tiġi pubblikata l-informazzjoni għandhom jiġu approvati mill-awtoritajiet kompetenti wara konsultazzjoni ma' l-utenti tan-netwerk.

5.   Meta operatur tas-sistema ta' trasmissjoni jikkonsidra ruħu mhux intitolat, minħabba raġunijiet ta' kunfidenzjalità, li jippubblika d-data kollha rekwiżita, għandu jfittex l-awtorizzazzjoni ta' l-awtoritajiet kompetenti sabiex jillimita l-pubblikazzjoni fir-rigward tal-punt jew punti in kwistjoni.

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħtu jew jirrifjutaw l-awtorizzazzjoni fuq bażi ta' każ b'każ, b'kont meħud partikolarment tal-ħtieġa li tiġi rispettata l-kunfidenzjalità kummerċjali leġittima u ta' l-għan li jinħoloq suq intern tal-gass kompetittiv. Jekk tiġi mogħtija l-awtorizzazzjoni, il-kapaċità disponibbli għandha tiġi ppubblikata mingħajr ma tiġi indikata d-data numerika li tikser il-prinċipju ta' kunfidenzjalità.

L-ebda awtorizzazzjoni bħal din kif imsemmija f'dan il-paragrafu ma għandha tingħata fejn tlitt utenti tan-netwerk jew iżjed ikunu kkuntrattaw għall-kapaċità fl-istess punt.

6.   L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom dejjem jiżvelaw l-informazzjoni rekwiżita minn dan ir-Regolament b'mod loġiku, kwantifikabbilment ċar u faċilment aċċessibli u fuq bażi non-diskriminatorja.

L-Artikolu 7

Regoli ta' bilanċjament u ħlasijiet ta' żbilanċ

1.   Għandhom jiġu mfassla regoli ta' bilanċjament b'mod ġust, non-diskriminatorju u trasparenti u għandhom ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi. Ir-regoli ta' bilanċjament għandhom jirriflettu l-ħtiġijiet ġenwini tas-sistema b'kont meħud tar-riżorsi disponibbli għall-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni.

2.   Fil-każ ta' sistema ta' bilanċjament li ma jkunux ibbażati fuq is-suq, il-livelli ta' tolleranza għandhom jiġu mfassla b'mod li jirrifletti l-varjazzjonijiet staġjonali jew li jirriżulta f'livell ta' tolleranza ogħla minn dak li jirriżulta mill-varjazzjonijiet staġjonali, u li jirrifletti l-kapaċitajiet tekniċi attwali tas-sistema ta' trasmissjoni. Il-livelli ta' tolleranza għandhom jirriflettu l-ħtiġijiet ġenwini tas-sistema b'kont meħud tar-riżorsi disponibbli għall-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni.

3.   Sa fejn ikun possibbli, il-ħlasijiet ta' żbilanċ għandhom jirriflettu l-ispejjeż, filwaqt li jipprovdu inċentivi adegwati lill-utenti tan-netwerk sabiex jibbilanċjaw il-gass li jitfgħu (l-input) u l-gass li jieħdu (l-offtake). Għandhom jevitaw is-sussidjar inkroċjat bejn l-utenti tan-netwerk u ma għandhomx jostakolaw id-dħul ta' parteċipanti ġodda fis-suq.

Kwalunkwe metodoloġija ta' kalkolu għal ħlasijiet ta' żbilanċ kif ukoll it-tariffi finali għandhom jiġu pubblikati mill-awtoritajiet kompetenti jew mill-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni skond il-każ.

4.   L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni jistgħu jimponu ħlasijiet ta' penali fuq utenti tan-netwerk li t-tfigħ (l-input) tagħhom fis-sistema u t-teħid (l-offtake) tagħhom mis-sistema ta' trasmissjoni ma jkunux f'bilanċ skond ir-regoli ta' bilanċjament imsemmija fil-paragrafu 1.

5.   Il-ħlasijiet ta' penali li jeċċedu l-ispejjeż ta' bilanċjament effettivament magħmula, sa fejn dawn l-ispejjeż jikkorrispondu ma' dawk ta' operatur effiċjenti u strutturalment komparabbli tan-netwerk u jkunu trasparenti, għandhom jiġu kunsidrati meta jiġu kalkolati t-tariffi, b'mod li ma jnaqqasx l-interess fil-bilanċjament u għandhom jiġu approvati mill-awtoritajiet kompetenti.

6.   Sabiex ikun possibli għall-utenti tan-netwerk li jieħdu azzjoni korrettiva tempestivament, l-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom jipprovdu informazzjoni on-line li tkun suffiċjenti, f'waqtha u affidabbli dwar l-istatus tal-bilanċjament ta' l-utenti tan-netwerk. Il-livell ta' informazzjoni provduta għandu jirrifletti l-livell ta' informazzjoni disponibbli għall-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni. Fejn ikunu imposti, il-ħlasijiet għall-provvista ta' tali informazzjoni għandhom jiġu approvati mill-awtoritajiet kompetenti u għandhom jiġu pubblikati mill-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni.

7.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni jaħdmu sabiex jarmonizzaw ir-reġimi ta' bilanċjament u sabiex jirrazzjonalizzaw l-istrutturi u l-livelli ta' ħlasijiet ta' bilanċjament sabiex jiġi faċilitat il-kummerċ tal-gass.

L-Artikolu 8

Skambju ta' drittijiet tal-kapaċità

Kull operatur tas-sistema ta' trasmissjoni għandu jieħu passi raġonevoli sabiex jippermetti l-iskambju liberu ta' drittijiet tal-kapaċità u sabiex jiffaċilita tali skambju. Kull operatur konċernat għandu jiżviluppa kuntratti armonizzati ta' trasport u proċeduri dwar is-suq primarju sabiex jiġi faċilitat l-iskambju sekondarju tal-kapaċità u jiġi rikonoxxut it-trasferiment tad-drittijiet primarji tal-kapaċità meta jiġi notifikat minn utenti tan-netwerk. Il-kuntratti armonizzati ta' trasport u l-proċeduri għandhom jiġu notifikati lill-awtoritajiet regolatorji.

L-Artikolu 9

Linji Gwida

1.   Fejn ikun il-każ, il-Linji Gwida li jipprovdu l-grad minimu ta' armonizzazzjoni meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan ta' dan ir-Regolament għandhom jispeċifikaw:

(a)

id-dettalji ta' servizzi ta' aċċess għal terzi inklużi n-natura, it-tul ta' żmien u rekwiżiti oħra ta' dawn is-servizzi, skond l-Artikolu 4;

(b)

id-dettalji dwar il-prinċipji bażilari għall-mekkaniżmi ta' allokazzjoni tal-kapaċità u dwar l-applikazzjoni ta' proċeduri ta' l-immaniġġar ta' konġestjoni f'każ ta' konġestjoni kontrattwali, skond l-Artikolu 5;

(ċ)

id-dettalji dwar id-definizzjoni ta' l-informazzjoni teknika meħtieġa għall-utenti tan-netwerk sabiex jiksbu aċċess effettiv għas-sistema u d-definizzjoni tal-punti kollha rilevanti għar-rekwiżiti ta' trasparenza, inklużi l-informazzjoni li l-pubblikazzjoni tagħha tkun meħtieġa fil-punti kollha rilevanti u l-iskeda kalendarja tal-pubblikazzjoni ta' din l-informazzjoni, skond l-Artikolu 6.

2.   Il-Linji Gwida dwar il-kwistjonijiet elenkati fil-paragrafu 1 huma stabbiliti fl-Anness. Jistgħu jiġu emendati mill-Kummissjoni; dan għandu jsir skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(2).

3.   L-applikazzjoni u l-emendament tal-Linji Gwida adottati skond dan ir-Regolament għandhom jirriflettu d-differenzi eżistenti bejn is-sistema tal-gass nazzjonali, u għalhekk ma għandhomx jeħtieġu termini u kondizzjonijiet uniformi u dettaljati ta' aċċess għal terzi fil-livell Komunitarju. Jistgħu, madankollu, jistabbilixxu rekwiżiti minimi li jridu jintlaħqu sabiex jinkisbu kondizzjonijiet trasparenti u non-diskriminatorji għal aċċess għan-netwerk li jkunu meħtieġa għal suq intern tal-gass, li jistgħu mbagħad jiġu applikati fid-dawl ta' differenzi bejn is-sistema tal-gass nazzjonali.

L-Artikolu 10

Awtoritajiet regolatorji

Fit-twettiq tar-responsabbiltajiet tagħhom skond dan ir-Regolament, l-awtoritajiet regolatorji ta' l-Istati Membri stabbiliti skond l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2003/55/KE għandhom jiżguraw konformità ma' dan ir-Regolament u l-Linji Gwida adottati skond l-Artikolu 9 ta' dan ir-Regolament.

Fejn ikun il-każ, huma għandhom jikkoperaw ma' xulxin u mal-Kummissjoni.

L-Artikolu 11

Provvista ta' informazzjoni

L-Istati Membri u l-awtoritajiet regolatorji għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni, fuq it-talba tagħha, l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-finijiet ta' l-Artikolu 9.

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi limitu ta' żmien raġonevoli li fih għandha tiġi provduta l-informazzjoni, b'kont meħud tal-komplessità ta' l-informazzjoni meħtieġa u l-urġenza li biha tkun meħtieġa l-informazzjoni.

L-Artikolu 12

Id-dritt ta' Stati Membri li jintroduċu miżuri aktar dettaljati

Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta' l-Istati Membri li jżommu jew jintroduċu miżuri li jikkontjenu dispożizzjonijiet iktar dettaljati minn dawk stabbiliti f'dan ir-Regolament u l-Linji Gwida msemmija fl-Artikolu 9.

L-Artikolu 13

Penali

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li jiġu implementati. Il-penali previsti jridu jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-1 ta' Lulju 2006 u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien bi kwalunkwe emenda sussegwenti li tolqothom.

2.   Il-penali previsti skond il-paragrafu 1 ma għandhomx ikunu ta' natura kriminali.

L-Artikolu 14

Proċedura ta' kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 30 tad-Direttiva 2003/55/KE.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi stabbilit għal tliet xhur.

3.   Il-Kumitat għandu jadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu.

L-Artikolu 15

Rapport tal-Kummissjoni

Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-implementazzjoni ta' dan ir-Regolament. Fir-rapport tagħha skond l-Artikolu 31(3) tad-Direttiva 2003/55/KE, il-Kummissjoni għandha tirraporta wkoll dwar l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. B'mod partikolari r-rapport għandu jeżamina sa liema punt ir-Regolament irnexxielu jiżgura kondizzjonijiet għal aċċess għan-netwerks ta' trasmissjoni tal-gass li ma jkunux diskriminatorji u li jirriflettu l-ispejjeż sabiex jikkontribwixxu għall-għażla għall-klijent f'suq intern li jiffunzjona korrettament u għas-sigurtà tal-fornitura għal perijodu fit-tul. Jekk meħtieġ, ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposti u/jew rakkomandazzjonijiet adegwati.

L-Artikolu 16

Derogi u eżenzjonijiet

Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal:

(a)

sistemi ta' trasmissjoni ta' gass naturali li jinsabu fi Stati Membri sakemm jibqgħu fis-seħħ id-derogi mogħtija taħt l-Artikolu 28 tad-Direttiva 2003/55/KE; Stati Membri li ġew mogħtija derogi taħt l-Artikolu 28 tad-Direttiva 2003/55/KE jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni għal deroga temporanja mill-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, għal perijodu ta' mhux aktar minn sentejn mid-data li fiha tiskadi d-deroga msemmija f'dan il-punt;

(b)

interkonnetturi bejn Stati Membri u żidiet sinifikattivi tal-kapaċità f'infrastrutturi eżistenti u modifiki ta' tali infrastrutturi li jippermettu l-iżvilupp ta' sorsi ġodda ta' fornitura ta' gass kif imsemmi fl-Artikolu 22(1) u (2) tad-Direttiva 2003/55/KE li jkunu eżentati mid-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 18, 19, 20 u 25(2), (3) u (4) ta' dik id-Direttiva sakemm ikunu eżentati mid-dispożizzjonijiet imsemmija f'dan is-subparagrafu; jew

(ċ)

sistema ta' trasmissjoni ta' gass naturali li ġew mogħtija derogi taħt l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2003/55/KE.

L-Artikolu 17

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Lulju 2006 bl-eċċezzjoni tat-tieni sentenza ta' l-Artikolu 9(2), li għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2007.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, nhar it-28 ta' Settembru 2005.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

D. ALEXANDER


(1)  ĠU C 241, tat-28.9.2004, p. 31.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-20 ta' April 2004 (ĠU C 104 E, tat-30.4.2004, p. 306), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-12 ta' Novembru 2004 (ĠU C 25 E, ta' l-1.2.2005, p. 44), Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Marzu 2005 (għadha mhijiex ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2005.

(3)  ĠU L 176, tal-15.7.2003, p. 57.

(4)  ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.


L-ANNESS

LINJI GWIDA DWAR

1.

Servizzi ta' aċċess għal terzi

2.

Prinċipji bażilari għall-mekkaniżmi ta' allokazzjoni tal-kapaċità, għall-proċeduri ta' l-immaniġġar tal-konġestjoni u għall-applikazzjoni tagħhom f'każ ta' konġestjoni kontrattwali, u

3.

Definizzjoni ta' l-informazzjoni teknika meħtieġa għall-utenti tan-netwerk sabiex jiksbu aċċess effettiv għas-sistema, definizzjoni tal-punti kollha rilevanti għar-rekwiżiti ta' trasparenza u informazzjoni li l-pubblikazzjoni tagħha tkun meħtieġa fil-punti kollha rilevanti u skeda kalendarja tal-pubblikazzjoni ta' din l-informazzjoni

1.   Servizzi ta' aċċess għal terzi

(1)

L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom joffru servizzi kostanti u interrompibbli għal perijodu minimu ta' jum.

(2)

Il-kuntratti ta' trasport armonizzati u l-kodiċi komuni tan-netwerk għandhom jiġu mfassla b'mod li jiffaċilita l-iskambju u l-użu mill-ġdid tal-kapaċità kontrattata minn utenti tan-netwerk mingħajr ma jiġi mfixkel ir-rilaxx tal-kapaċità.

(3)

L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom jiżviluppaw kodiċi tan-netwerk u kuntratti armonizzati wara konsultazzjoni adegwata ma' l-utenti tan-netwerk.

(4)

L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom jimplementaw proċeduri standardizzati ta' nominazzjoni u nominazzjoni mill-ġdid. Dawn għandhom jiżviluppaw sistema ta' informazzjoni u mezzi ta' komunikazzjoni elettroniċi sabiex jipprovdu data adegwata lill-utenti tan-netwerk u sabiex jissimplifikaw it-transazzjonijiet, bħan-nominazzjonijiet, il-kontrattazzjoni tal-kapaċità u t-trasferiment ta' drittijiet tal-kapaċità bejn l-utenti tan-netwerk.

(5)

L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom jarmonizzaw il-proċeduri ta' rikjesti formalizzati u l-perijodi sa meta jingħata rispons skond l-aħjar prattika fl-industrija bil-għan li jiġu minimizzati l-perjiodi sa meta jingħata rispons. Għandhom jipprovdu għal sistema online ta' prenotazzjoni u ta' konferma tal-kapaċità, proċeduri ta' nominazzjonijiet u nominazzjonijiet mill-ġdid sa mhux aktar tard mill-1 ta' Lulju 2006 wara konsultazzjoni ma' l-utenti tan-netwerks rilevanti.

(6)

L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni ma għandhomx, separatament, jesiġu ħlas minn utenti tan-netwerk għal talbiet għal informazzjoni u transazzjonijiet assoċjati mal-kuntratti tagħhom ta' trasport u li jiġu mwettqa skond regoli u proċeduri standard.

(7)

Għal talbiet għal informazzjoni li jeħtieġu spiżi straordinarji jew eċċessivi, bħal ma huma studji ta' fattibbiltà, jista' jintalab ħlas separat, sakemm il-ħlasijiet jistgħu jiġu adegwatament sostanzjati.

(8)

L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom jikkoperaw ma' operaturi oħra ta' sistema ta' trasmissjoni fil-kordinazzjoni tal-manutenzjoni tan-netwerks rispettivi tagħhom sabiex jimminimizzaw kull interruzzjoni tas-servizzi ta' trasmissjoni għall-utenti tan-netwerk u għall-operaturi ta' sistema ta' trasmissjoni f'żoni oħra u sabiex jiġu żgurati benefiċċji ugwali fir-rigward tas-sigurtà tal-fornitura anke fir-rigward ta' tranżitu.

(9)

L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom jippubblikaw għall-inqas darba fis-sena, skadenza pre-determinata, il-perijodi kollha ta' manutenzjoni previsti li jistgħu jolqtu d-drittijiet ta' l-utenti tan-netwerk derivanti minn kuntratti ta' trasport u l-informazzjoni operattiva korrispondenti b'avviż adegwat minn qabel. Dan għandu jinkludi l-pubblikazzjoni f'waqtha u fuq bażi rapida u non-diskriminatorja ta' kwalunkwe tibdil fil-perijodi ta' manutenzjoni previsti, u n-notifika ta' manutenzjoni mhux prevista, hekk kif dik l-informazzjoni issir disponibbli għall-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni. Matul perijodi ta' manutenzjoni, l-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom jippubblikaw regolarment informazzjoni aġġornata dwar id-dettalji, it-tul ta' żmien antiċipat u l-effetti tal-manutenzjoni.

(10)

L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom iżommu reġistru ta' kuljum dwar il-manutenzjoni effettiva u l-interruzzjonijiet tal-fluss li jkunu seħħu u jqegħduh għad-dispożizzjoni ta' l-awtorità kompetenti. Għandha wkoll titqiegħed, meta mitluba, informazzjoni għad-dispożizzjoni ta' dawk milquta minn kwalunkwe interruzzjoni.

2.   Prinċipji bażilari għall-mekkaniżmi ta' allokazzjoni tal-kapaċità, għall-proċeduri ta' l-immaniġġar tal-konġestjoni u għall-applikazzjoni tagħhom f'każ ta' konġestjoni kontrattwali

2.1.   PRINĊIPJI BAŻILARI GĦALL-MEKKANIŻMI TA' ALLOKAZZJONI TAL-KAPAĊITÀ U GĦALL-PROĊEDURI TA' L-IMMANIĠĠAR TAL-KONĠESTJONI

(1)

Il-mekkaniżmi ta' allokazzjoni tal-kapaċità u l-proċeduri ta' l-immaniġġar tal-konġestjoni għandhom jiffaċilitaw l-iżvilupp tal-kompetizzjoni u l-fluwidità ta' l-iskambji tal-kapaċità u għandhom ikunu kompatibbli mal-mekkaniżmi tas-suq, inklużi s-swieq spot u l-punti fokali ta' kummerċ. Għandhom ikunu flessibli u kapaċi jadattaw għaċ-ċirkostanzi li jevolvu fis-suq.

(2)

Dawn il-mekkaniżmi u proċeduri għandhom jieħdu kont ta' l-integrità tas-sistema konċernata kif ukoll tas-sigurtà tal-fornitura.

(3)

Dawn il-mekkaniżmi u proċeduri la għandhom ifixklu d-dħul ta' parteċipanti ġodda fis-suq u lanqas għandhom joħolqu barrieri żejda għad-dħul fis-suq. Ma għandhomx jimpedixxu l-parteċipanti fis-suq, inklużi suġġetti ġodda u kumpanniji b'sehem żgħir fis-suq, milli jikkompetu b'mod effettiv.

(4)

Dawn il-mekkaniżmi u proċeduri għandhom jipprovdu sinjali ekonomiċi adegwati għall-użu effiċjenti u massimu tal-kapaċità teknika u għandhom jiffaċilitaw l-investiment f'infrastruttura ġdida.

(5)

L-utenti tan-netwerk għandhom jiġu avżati dwar iċ-ċirkostanzi li jistgħu jolqtu d-disponibbiltà tal-kapaċità kontrattata. L-informazzjoni dwar interruzzjonijiet għandha tirrifletti l-livell ta' informazzjoni disponibbli għall-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni.

(6)

F'każ li, għal raġunijiet konnessi ma' l-integrità tas-sistema, jinqalgħu diffikultajiet fit-twettiq ta' l-obbligi kontrattwali ta' provvista, l-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom javżaw lill-utenti tan-netwerk u jfittxu mingħajr dewmien soluzzjoni non-diskriminatorja.

L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom jikkonsultaw ma' l-utenti tan-netwerk dwar proċeduri qabel l-implementazzjoni tagħhom u jiftiehmu dwarhom ma' l-awtorità regolatorja.

2.2.   PROĊEDURI TA' L-IMMANIĠĠAR TA' KONĠESTJONI F'KAŻ TA' KONĠESTJONI KONTRATTWALI

(1)

Fl-eventwalità li l-kapaċità kontrattata ma tintużax, l-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom jagħmlu disponibbli din il-kapaċità fis-suq primarju fuq bażi interrompibbli permezz ta' kuntratti ta' perijodi diversi, sakemm din il-kapaċita' ma tkunx offruta mill-utent rilevanti tan-netwerk fis-suq sekondarju bi prezz raġonevoli.

(2)

Id-dħul mir-rilaxx tal-kapaċità interrompibbli għandu jinqasam skond regoli stabbiliti jew approvati mill-awtorità regolatorja kompetenti. Dawn ir-regoli għandhom ikunu kompatibbli mar-rekwiżit ta' l-użu effettiv u effiċjenti tas-sistema.

(3)

Jista' jiġi determinat prezz raġonevoli għall-kapaċità interrompibbli rilaxxata mill-awtoritajiet regolatorji kompetenti b'kont meħud taċ-ċirkostanzi speċifiċi prevalenti.

(4)

Fejn ikun il-każ, l-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom jagħmlu sforzi raġonevoli sabiex joffru lis-suq għall-inqas partijiet mill-kapaċità mhux użata bħala kapaċità kostanti.

3.   Definizzjoni ta' l-informazzjoni teknika meħtieġa mill-utenti tan-netwerk sabiex jiksbu aċċess effettiv għas-sistema, definizzjoni tal-punti kollha rilevanti għar-rekwiżiti ta' trasparenza u informazzjoni li l-pubblikazzjoni tagħha tkun meħtieġa fil-punti kollha rilevanti u skeda kalendarja tal-pubblikazzjoni ta' din l-informazzjoni

3.1.   Definizzjoni ta' l-informazzjoni teknika meħtieġa mill-utenti tan-netwerk sabiex jiksbu aċċess effettiv għas-sistema

L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom għall-inqas jippubblikaw l-informazzjoni segwenti dwar is-sistema u s-servizzi tagħhom:

(a)

deskrizzjoni dettaljata u komprensiva tas-servizzi differenti offruti u l-ħlas għalihom;

(b)

it-tipi differenti ta' kuntratti ta' trasport disponibbli għal dawn is-servizzi u, skond kif ikun applikabbli, il-kodiċi tan-netwerk u/jew il-kondizzjonijiet standard li jiddefinixxu d-drittijiet u r-responsabbiltajiet ta' l-utenti kollha tan-netwerk inklużi kuntratti armonizzati ta' trasport u dokumenti rilevanti oħra;

(ċ)

il-proċeduri armonizzati applikati għall-użu tas-sistema ta' trasmissjoni, inkluża d-definizzjoni ta' termini prinċipali;

(d)

dispożizzjonijiet dwar l-allokazzjoni tal-kapaċità, l-immaniġġar tal-konġestjoni u l-proċeduri kontra l-ħżin u dwar l-użu mill-ġdid;

(e)

ir-regoli applikabbli għall-iskambju tal-kapaċità fis-suq sekondarju vis-à-vis l-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni;

(f)

fejn ikun applikabbli, il-livelli ta' flessibilità u tolleranza inklużi fit-trasport u servizzi oħra mingħajr ħlas separat, kif ukoll kwalunkwe flessibbiltà offruta flimkien ma' dan u l-ħlasijiet korrispondenti;

(g)

deskrizzjoni dettaljata tas-sistema tal-gass ta' l-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni li tindika l-punti rilevanti kollha ta' interkonnessjoni tas-sistema tiegħu ma' dawk ta' operaturi ta' sistema oħra ta' trasmissjoni u/jew infrastrutturi tal-gass bħall-gass naturali likwefatt (LNG) u infrastrutturi meħtieġa għall-provvista ta' servizzi anċillari kif previst fl-Artikolu 2(14) tad-Direttiva 2003/55/KE;

(h)

informazzjoni dwar il-kwalità tal-gass u r-rekwiżiti ta' pressjoni;

(i)

ir-regoli applikabbli għal konnessjoni mas-sistema mħaddma mill-operatur tas-sistema tat-trasport;

(j)

kwalunkwe informazzjoni, f'waqtha, dwar tibdiliet proposti u/jew tibdiliet effettivi fis-servizzi jew kondizzjonijiet, inklużi l-elementi elenkati fil-punti (a) sa (i).

3.2.   DEFINIZZJONI TAL-PUNTI KOLLHA RILEVANTI GĦAR-REKWIŻITI TA' TRASPARENZA

Il-punti rilevanti għandhom jinkludu għall-inqas:

(a)

il-punti kollha ta' dħul f'netwerk imħaddem minn operatur tas-sistema ta' trasmissjoni;

(b)

il-punti ta' ħruġ l-aktar importanti u ż-żoni ta' ħruġ li jkopru għall-inqas 50 % tal-kapaċità totali ta' ħruġ tan-netwerk ta' operatur partikolari ta' sistema ta' trasmissjoni, inklużi l-punti kollha ta' ħruġ jew iż-żoni ta' ħruġ li jkopru iktar minn 2 % tal-kapaċita totali ta' ħruġ tan-netwerk;

(ċ)

il-punti kollha ta' konnessjoni bejn netwerks differenti ta' operaturi ta' sistema ta' trasmissjoni;

(d)

il-punti kollha li jikkonnettu n-netwerk ta' operatur ta' sistema ta' trasmissjoni ma' terminal LNG;

(e)

il-punti kollha essenzjali fin-netwerk ta' operatur partikolari ta' sistema ta' trasmissjoni inklużi l-punti ta' konnessjoni mal-punti fokali tal-gass, filwaqt li jkunu kunsidrati essenzjali l-punti kollha li fir-rigward tagħhom, mill-esperjenza, teżisti l-probabbiltà li jkunu suġġetti għal konġestjoni fiżika;

(f)

il-punti kollha li jikkonnettu n-netwerk ta' operatur partikolari tas-sistema ta' trasmissjoni ma' infrastruttura meħtieġa għall-provvista ta' servizzi anċillari kif previst mill-Artikolu 2(14) tad-Direttiva 2003/55/KE.

3.3.   INFORMAZZJONI LI L-PUBBLIKAZZJONI TAGĦHA TKUN MEĦTIEĠA FIL-PUNTI KOLLHA RILEVANTI U SKEDA KALENDARJA TAL-PUBBLIKAZZJONI TA' DIN L-INFORMAZZJONI

(1)

Fil-punti kollha rilevanti, l-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom jippubblikaw l-informazzjoni segwenti dwar is-sitwazzjoni tal-kapaċità, sa matul perijodi ta' kuljum, fuq l-Internet fuq bażi perjodika/rotattiva u b'mod standardizzat għall-użu faċli mill-utenti:

(a)

il-kapaċità teknika massima għall-flussi fiż-żewġ direzzjonijiet,

(b)

il-kapaċità totali kontrattata u interrompibbli,

(ċ)

il-kapaċità disponibbli.

(2)

Għall-punti kollha rilevanti, l-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom jippubblikaw il-kapaċitajiet disponibbli għal perijodu ta' mill-inqas 18-il xahar minn qabel u għandhom jaġġornaw din l-informazzjoni għall-inqas kull xahar jew iktar frekwentement, jekk issir disponibbli informazzjoni ġdida.

(3)

L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom jippubblikaw aġġornamenti ta' kuljum dwar id-disponibbiltà ta' servizzi għal perijodu qasir (minn jum qabel u minn ġimgħa qabel) ibbażati, inter alia, fuq nominazzjonijiet, impenji kontrattwali fis-seħħ u previżjonijiet regolari għall-perijodu fit-tul ta' kapaċitajiet disponibbli fuq bażi annwali sa 10 snin għall-punti kollha rilevanti.

(4)

L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom jippubblikaw, fuq bazi rotattiva, ir-rati minimi u massimi għall-użu ta' kull xahar ta' kapaċità u l-flussi medji annwali fil-punti kollha rilevanti għall-aħħar tliet snin.

(5)

L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom iżommu reġistru ta' kuljum ta' flussi aggregati effettivi għal mill-inqas tliet xhur.

(6)

L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom iżommu records effettivi tal-kuntratti kollha tal-kapaċità u l-informazzjoni l-oħra kollha rilevanti fir-rigward tal-kalkolu u l-għoti ta' l-aċċess għal kapaċitajiet disponibbli, li għalihom l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom ikollhom aċċess sabiex iwettqu d-doveri tagħhom.

(7)

L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom jipprovdu strumenti għall-użu faċli mill-utenti għall-kalkolu ta' tariffi għas-servizzi disponibbli u għall-verifika online tal-kapaċità disponibbli.

(8)

Fejn l-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni ma jkunux f'pożizzjoni li jippubblikaw informazzjoni skond il-paragrafi 1, 3 u 7, huma għandhom jikkonsultaw ma' l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tagħhom u jistabbilixxu Pjan ta' Azzjoni għall-implementazzjoni kemm jista' jkun malajr, iżda mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2006.