16.6.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

230


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1111/2005

ta' l-24 ta' Ġunju 2005

li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1365/75 dwar il-ħolqien ta’ Fondazzjoni Ewropea għal titjib tal-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 308 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (2),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1365/75 tas-26 ta' Mejju 1975 dwar il-ħolqien ta' Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (3) jinkludi dispożizzjonijiet dwar l-organizzazzjoni tal-Fondazzjoni, u b’mod partikolari tal-Bord Governattiv tagħha. Dawn id-dispożizzjonijijet ġew emendati diversi drabi wara kull adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda, meta kellhom jiżdiedu membri ġodda mal-Bord Governattiv.

(2)

Il-valutazzjoni esterna tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (minn hawn 'il quddiem “il-Fondazzjoni”) esegwita fl-2001 tenfasizza l-ħtieġa ta' l-adattament tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 1365/75 sabiex jinżammu l-effiċjenza u l-effikaċja tal-Fondazzjoni u ta' l-istrutturi direttivi tagħha, inkluża reviżjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-Kumitat ta' Esperti.

(3)

Il-Parlament Ewropew sejjaħ lill-Kummissjoni sabiex tirrikonsidra l-kompożizzjoni u l-metodi operattivi tal-bordijiet ta’ l-aġenziji u sabiex tippreżenta proposti xierqa.

(4)

Ġiet preżentata lill-Kummissjoni Opinjoni Konġunta dwar il-governanza u l-funzjonament futuri tal-Bordijiet tal-Fondazzjoni, ta' l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol u taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp tat-Taħriġ Vokazzjonali mill-Bordijiet direttivi jew amministrattivi rispettivi tagħhom.

(5)

Il-governanza tripartitika tal-Fondazzjoni, ta’ l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol u ċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp tat-Taħriġ Vokazzjonali minn rappreżentanti tal-gvernijiet nazzjonali, organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem u organizzazzjonijiet ta’ impjegati hija essenzjali għas-suċċess ta’ dawk il-korpi.

(6)

Il-parteċipazzjoni tas-sħab soċjali fil-governanza ta’ dawk it-tliet korpi Komunitarji toħloq speċifiċità li tobbligahom jiffunzjonaw skond regoli komuni.

(7)

L-eżistenza fil-Bord tripartitiku tat-tliet gruppi meħuda mill-gvern, minn organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem u minn organizzazzjonijiet ta’ impjegati u l-ħatra ta’ koordinatur tal-gruppi ta’ min iħaddem u ta’ l-impjegati urew li huma essenzjali. Dak l-arranġament għandu għalhekk jiġi formalizzat kif ukoll estiż għall-grupp tal-gvernijiet.

(8)

Iż-żamma ta' rappreżentanza tripartitika minn kull Stat Membru tiżgura li l-partijiet interessati maġġuri jkunu nvoluti u li jiġi meħud kont tad-diversità ta' interessi u approċċi li jikkaratterizzaw kwistjonijiet soċjali.

(9)

Huwa meħtieġ li jiġu antiċipati l-konsegwenzi prattiċi għall-Fondazzjoni tat-tkabbir li jmiss ta’ l-Unjoni. Il-kompożizzjoni u l-funzjonament tal-Bord tagħha għandhom jiġu aġġustati sabiex jittieħed kont ta’ l-adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda.

(10)

Il-Bureau li huwa previst fir-Regoli ta’ Proċedura tal-Bord jeħtieġ li jiġi msaħħaħ sabiex jiġu żgurati l-kontinwità fil-funzjonament tal-Fondazzjoni u l-effiċjenza fit-teħid ta' deċiżjonijiet minnha; il-kompożizzjoni tal-Bureau għandha tibqa' tirrifletti l-istruttura tripartitika tal-Bord.

(11)

Skond l-Artikolu 3 tat-Trattat, il-Komunità għandha timmira li telimina l-inugwaljanzi u tippromwovi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fl-attivitajiet kollha tagħha. Għalhekk, huwa xieraq li ssir dispożizzjoni sabiex tiġi mħeġġa rappreżentanza bilanċjata ta' rġiel u nisa fil-kompożizzjoni tal-Bord.

(12)

Il-Bord għandu jkun jista' jiżgura kontribut formali ta’ esperti indipendenti għal perjodu limitat skond il-ħtiġijiet speċifiċi fir-rigward ta’ l-implementazzjoni tal-programm ta' ħidma.

(13)

Huwa xieraq li l-persunal tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol, li hija l-unika Aġenzija Komunitarja bir-Regolamenti tagħha tal-Persunal, ikun trattat bl-istess manjiera bħal impjegati oħra li jaħdmu b'kuntratt mal-Komunitajiet u li jkun intitolat għall-istess benefiċċji mogħtija fir-Regolamenti tal-Persunal riformati billi jiġu rispettati drittijiet miksuba, speċjalment fir-rigward ta' karrieri u drittijiet ta' pensjoni.

(14)

Ir-Regolament (KEE) Nru 1365/75 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ.

(15)

It-Trattat ma jipprovdi għal ebda poter għajr dawk previsti fl-Artikolu 308 tiegħu għall-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KEE) Nru 1365/75 għandu jiġi emendat kif ġej:

1)

Fl-Artikolu 3, il-paragrafu 2 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Il-Fondazzjoni għandha tikkopera mill-qrib kemm jista’ jkun ma’ istituzzjonijiet, fondazzjonijiet u korpi speċjalizzati fl-Istati Membri u fil-livell internazzjonali. B’mod partikolari, il-Fondazzjoni għandha tiżgura koperazzjoni adegwata ma’ l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol, mingħajr preġudizzju għall-għanijiet tagħha.”

;

2)

L-Artikolu 5 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 5

L-istruttura governattiva u direttiva tal-Fondazzjoni għandha tikkonsisti minn:

a)

Bord Governattiv;

b)

Bureau;

ċ)

Direttur u Deputat Direttur.”

;

3)

L-Artikolu 6 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 6

1.   Il-Bord Governattiv għandu jikkonsisti minn:

a)

membru wieħed li jirrappreżenta l-Gvern ta' kull Stat Membru;

b)

membru wieħed li jirrappreżenta l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem minn kull Stat Membru;

ċ)

membru wieħed li jirrappreżenta l-organizzazzjonijiet ta’ impjegati minn kull Stat Membru;

d)

tliet membri li jirrappreżentaw lill-Kummissjoni.

2.   Il-membri msemmija fil-paragrafu 1(a), (b) u (ċ) għandhom jinħatru mill-Kunsill abbażi ta’ membru għal kull Stat Membru u għal kull waħda mill-kategoriji msemmija hawn fuq. Fl-istess waqt il-Kunsill għandu jaħtar membru supplenti taħt l-istess kondizzjonijiet applikabbli għall-membri sabiex jattendi għal-laqgħat tal-Bord Governattiv biss fl-assenza tal-membru.

Il-Kummissjoni għandha taħtar il-membri u dawk supplenti li għandhom jirrappreżentawha, b'kont meħud ta' rappreżentanza bilanċjata bejn irġiel u nisa.

Fil-preżentazzjoni tal-listi tal-kandidati, l-Istati Membri, l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem u l-organizzazzjonijiet ta’ impjegati għandhom jagħmlu li jistgħu sabiex jiżguraw rappreżentanza bilanċjata bejn irġiel u nisa fil-kompożizzjoni tal-Bord Governattiv.

Il-lista tal-membri tal-Bord Governattiv għandha tiġi pubblikata mill-Kunsill fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea u mill-Fondazzjoni fuq is-sit ta’ l-Internet tagħha.

3.   Il-mandat tal-membri tal-Bord Governattiv għandu jkun ta' tliet snin. Huwa għandu jkun jista' jiġġedded.

Meta jiskadi l-mandat tagħhom jew fl-eventwalità tar-riżenja tagħhom, il-membri għandhom jibqgħu fil-kariga sakemm il-ħatriet tagħhom jiġu mġedda jew sakemm jiġu sostitwiti.

4.   Il-Bord Governattiv għandu jeleġġi l-president tiegħu u tliet viċi-presidenti, wieħed minn kull wieħed mit-tliet gruppi msemmija fil-paragrafu 7 u wieħed minn fost ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni, sabiex iservu għal perjodu ta’ sena, li jistgħu ikollhom il-mandat tagħhom imġedded.

5.   Il-president għandu jsejjaħ il-Bord Governattiv mill-inqas darba fis-sena. Il-president għandu jsejjaħ laqgħat addizzjonali fuq it-talba ta’ mill-inqas terz tal-membri tal-Bord Governattiv.

6.   Id-deċiżjonijiet tal-Bord Governattiv għandhom jittieħdu b’maġġoranza assoluta tal-membri tiegħu.

7.   Fi ħdan il-Bord Governattiv, ir-rappreżentanti tal-gvernijiet, ta' l-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem u ta' l-organizzazzjonijiet ta' impjegati għandhom rispettivament jifformaw grupp. Kull grupp għandu jaħtar koordinatur li jieħu sehem fil-laqgħat tal-Bord Governattiv. Il-koordinaturi tal-gruppi ta' l-impjegati u ta' min iħaddem għandhom ikunu r-rappreżentanti ta' l-organizzazzjonijiet rispettivi tagħhom fil-livell Ewropew. Koordinaturi li mhumiex maħtura membri tal-Bord fis-sens tal-paragrafu 1 għandhom jieħdu sehem fil-laqgħat mingħajr id-dritt għal vot.

8.   Il-Bord Governattiv għandu jistabbilixxi Bureau ta' 11-il membru. Il-Bureau għandu jkun kompost mill-president u t-tliet viċi-presidenti tal-Bord Governattiv, koordinatur wieħed għal kull grupp kif imsemmi fil-paragrafu 7, u rappreżentant ieħor ta' kull grupp u tal-Kummissjoni. Kull grupp jista' jaħtar sa tliet membri supplenti sabiex jattendu l-laqgħat tal-Bureau, fl-assenza tal-membri sħaħ.

9.   In-numru annwali tal-laqgħat tal-Bureau għandu jiġi deċiż mill-Bord Governattiv. Il-president tal-Bureau għandu jsejjaħ laqgħat addizzjonali fuq talba tal-membri tiegħu.

10.   Id-deċiżjonijiet tal-Bureau għandhom jittieħdu b’unanimità. Jekk ma tintlaħaqx l-unanimità, il-Bureau għandu jirreferi l-kwistjoni lill-Bord Governattiv għal deċiżjoni.

11.   Il-Bord Governattiv għandu jiġi informat kompletament u rapidament dwar l-attivitajiet tal-Bureau u d-deċiżjonijiet meħuda mill-Bureau.”

;

4)

L-Artikolu 7 jiġi emendat kif ġej:

a)

Il-Paragrafu 1 jiġi sostitwit b'dan il-ġej:

“1.   Il-Bord Governattiv għandu jiggverna l-Fondazzjoni li tagħha għandu jistabbilixxi l-linji ta’ gwida. Abbażi ta’ abbozz imressaq mid-direttur, il-Bord Governattiv għandu, bi qbil mal-Kummissjoni, jadotta l-programm annwali u l-programm miftuħ kwadriennali tal-Fondazzjoni.”

;

b)

Il-Paragrafu 2 jiġi sostitwit b'dan il-ġej:

“2.   Il-Bord Governattiv, wara li jirċievi opinjoni mill-Kummissjoni, għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu, li għandhom jistabbilixxu l-arranġamenti prattiċi ta' l-attivitajiet tiegħu. Ir-regoli ta' proċedura għandhom jiġu trasmessi għall-fini ta' informazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Madankollu, fi żmien tliet xhur minn meta r-regoli ta' proċedura jiġu trasmessi lilu, u b'maġġoranza sempliċi, il-Kunsill jista' jimmodifika dawk ir-regoli.”

;

ċ)

jiġi miżjud il-paragrafu li ġej:

“4.   Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet tad-Direttur stabbiliti fl-Artikoli 8 u 9, il-Bureau għandu, kif delegat mill-Bord Governattiv, jissorvelja l-implementazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Bord Governattiv u jieħu l-miżuri meħtieġa kollha għall-amministrazzjoni adegwata tal-Fondazzjoni bejn il-laqgħat tal-Bord Governattiv. Il-Bord Governattiv ma jistax jiddelega lill-Bureau l-kompetenzi msemmija fl-Artikoli 12 u 15.”

;

5)

L-Artikoli 9 u 10 jiġu sostitwiti b'dan li ġej:

“Artikolu 9

1.   Id-Direttur għandu jkun responsabbli għat-tmexxija tal-Fondazzjoni kif ukoll għall-implementazzjoni tad-deċiżjonijiet u programmi adottati mill-Bord Governattiv u mill-Bureau. Id-Direttur għandu jkun ir-rappreżentant legali tal-Fondazzjoni.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8(1), id-Direttur għandu jeżerċita s-setgħat imsemmija fl-Artikolu 17(1).

3.   Id-direttur għandu jħejji l-attivitajiet tal-Bord Governattiv u tal-Bureau. Id-direttur jew id-Deputat Direttur jew it-tnejn li huma għandhom jattendu l-laqgħat tal-Bord u tal-Bureau.

4.   Id-direttur għandu jkun responsabbli lejn il-Bord Governattiv għat-tmexxija tal-Fondazzjoni.

Artikolu 10

Abbażi ta' proposta mid-Direttur, il-Bord Governattiv jista' jagħżel esperti indipendenti u jitlob l-opinjonijiet tagħhom dwar kwistjonijiet speċifiċi fir-rigward tal-programm miftuħ kwadriennali u l-programm annwali ta' ħidma.”

;

6)

L-Artikolu 11 jiġi mħassar;

7)

L-Artikolu 12 jiġi emendat kif ġej:

a)

Fl-Artikolu 12(1), l-ewwel u t-tieni sub-paragrafi jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

“1.   Id-direttur għandu jfassal programm annwali ta' ħidma qabel l-1 ta' Lulju kull sena abbażi tal-linji gwida msemmija fl-Artikolu 7. Il-programm annwali ta' ħidma għandu jkun parti minn programm miftuħ kwadriennali. Il-proġetti fil-programm annwali ta' ħidma għandhom ikunu akkumpanjati bi stima tan-nefqa meħtieġa.

Fit-tfassil tal-programmi, id-direttur għandu jieħu kont ta' l-opinjonijiet ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji u tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.”

;

b)

L-Artikolu 12(2) jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Id-direttur għandu jippreżenta l-programmi lill-Bord Governattiv għall-approvazzjoni.”

;

8)

L-Artikolu 17 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 17

1.   Il-persunal tal-Fondazzjoni reklutat wara l-24 ta' Ġunju 2005 għandu jkun suġġett għar-Regolamenti tal-Persunal ta' l-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew għall-Kondizzjonijiet ta' l-Impjieg ta’ Uffiċjali Oħra tal-Komunitajiet (CEOS) stabbiliti fir-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (4). Għandha tapplika t-Taqsima 2 ta' l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

2.   Il-kuntratti kollha tax-xogħol konklużi mill-Fondazzjoni u l-membri tal-persunal tagħha taħt ir-Regolament (KEFA, KEE, EURATOM) Nru 1860/76 (5) qabel … * għandhom ikunu kunsidrati bħala konklużi taħt l-Artikolu 2(a) CEOS. Id-dispożizzjonijiet tat-Taqsimiet 1, 3 u 4, bl-eċċezzjoni tal-paragrafu 2 ta' l-Artikolu 22 ta' l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, għandhom japplikaw għal dawn il-kuntratti mill-istess data.

Il-membri tal-persunal għandhom ikollhom il-jedd li jitterminaw il-kuntratt fl-istess data mingħajr il-bżonn li jirrispettaw il-perjodu ta' preavviż previst fl-Artikolu 45 tar-Regolament (KEFA, KEE, EURATOM) Nru 1860/76. Għall-finijiet ta' l-allowances mat-terminazzjoni ta' kuntratt u għall-benefiċċji tal-qgħad, tali terminazzjoni ta' kuntratt għandha titqies bħala r-riżultat ta' azzjoni tal-Fondazzjoni.

3.   Il-Fondazzjoni għandha teżerċita, fir-rigward tal-persunal, is-setgħat konferiti lill-awtorità tal-ħatra jew l-awtorità awtorizzata li tikkonkludi kuntratti skond il-każ.

4.   Il-Bord Governattiv għandu, bi ftehim mal-Kummissjoni, jadotta ir-regoli adegwati ta’ implementazzjoni.

(4)  ĠU L L 56, 4.3.1968, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE, Euratom) Nru 31/2005 (ĠU L 8, 12.1.2005, p. 1)."

(5)  Regolament tal-Kunsill (KEFA, KEE, Euratom) Nru 1860/76 tad-29 ta' Ġunju 1976 li jistabbilixxi l-Kondizzjonijiet ta' l-Impjieg tal-persunal tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (ĠU L 214, 6.8.1976, p. 24). Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (Euratom, KEFA, KEE) Nru 680/87 (ĠU L 72, 14.3.1987, p. 15).”;"

9.

It-terminu “Bord Amministrattiv” jew “Bord ta’ Maniġġar” jiġi sostitwit bit-terminu “Bord Governattiv” kull darba li jidher fl-Artikoli.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, 24 ta' Ġunju 2005.

Għall-Kunsill

Il-President

L. LUX


(1)  Il-proposta tat-23 ta' April 2005 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Opinjoni tat-28 ta' April 2005 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  ĠU L 139. 30.5.1975, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1649/2003 (ĠU L 245, 29.9.2003, p. 25).