6.10.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

136


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 214/2005

tad-9 ta' Frar 2005

li jemenda l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-monitoraġġ ta' l-enċefalopatiji sponġiformi li jixterdu fil-bhejjem kaprini

(Test b'relevanza għall-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2001 li jistabblixxi regoli għall-prevenzjoni, l-kontroll u l-qerda ta' ċerti enċefalopatiji sponġiformi li jixterdu (1), u b'mod partikolari l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 23 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 jistabbilixxi r-regoli għall-monitoraġġ ta' enċefalopatiji sponġiformi li jixterdu (TSE) f'bhejjem kaprini.

(2)

Fit-28 ta' Jannar 2005, bord ta' esperti dwar it-TSE f'bhejjem żgħar li jixtarru, ippresjedut mil-laboratorju Komunitarju ta' Referenza għat-TSEs (CRL) ikkonferma s-sejba ta' enċefalopatija sponġiformi bovina (BSE) f' mogħża maqtula fi Franza. Dan kien l-ewwel każ ta' BSE f'bhima żgħira li tixtarr taħt kundizzjonijiet naturali.

(3)

Il-Kumitat preċedenti għad-Direzzjoni Xjentifika (SSC) f' laqgħa fl-4-5 ta' April 2002, adotta opinjoni dwar il-kisba sigura ta' materjali ta' l-annimali żgħar li jixtarru jekk il-BSE ssir probabbli f' annimali żgħar li jixtarru. Fl-opinjoni tiegħu, adottata waqt laqgħa fis-26 ta' Novembru 2003, il-Bord Xjentifiku dwar il-Perikoli Bijoloġiċi ta' l-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà ta' l-Ikel (EFSA) approva l-istqarrija ta' l-opinjoni ta' l-SSC fir-rigward tas-sigurtà ta' ċerti prodotti ta' annimali żgħar li jixtarru f' dak li għandu x'jaqsam mat-TSE. Fl-istqarrija tiegħu tat-28 ta' Jannar 2005, il-Bord ta' l-EFSA li ssemma hawn fuq saħaq ukoll li wieħed għad irid iqis xi tfisser sewwa sew is-sejba ta' dan il-każ wieħed ta' infezzjoni BSE f' mogħża fi Franza. Sabiex dan jista' jsir, jeħtieġ li jinkisbu r-riżultati ta' monitoraġġ miżjud tat-TSEs fil-mogħoż.

(4)

Bi qbil ma' l-opinjonijiet u l-istqarrijiet ta' l-SSC u l-EFSA msemmija hawn fuq, il-monitoraġġ tal-mogħoż għandu jkun estiż sabiex jittejbu l-programmi ta' qerda tal-Komunità. Dawk il-programmi wkoll iżidu l-livell ta' protezzjoni tal-konsumaturi, minkejja li l-kisba sigura ta' prodotti tal-mogħoż hija żgurata wkoll bil-miżuri kurrenti, b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet dwar it-tneħħija ta' materjali speċifiċi ta' riskju, fir-Regolament (KE) Nru 999/2001.

(5)

Il-monitoraġġ estiż għandu jkun ibbażat fuq rakkomandazzjoni għal studju li huwa statistikament validu mis-CRL sabiex il-prevalenza tal-BSE fil-mogħoż tiġi ddeterminata malajr kemm jista' jkun, kif ukoll sabiex jittejjeb l-għarfien dwar id-distribuzzjoni ġeografika u t-tqassim fl-imrieħel. Għandu għalhekk japplika għall-Istati Membri kollha b'importanza speċjali mogħtija lil dawk l-Istati Membri li fihom irriżultat il-BSE.

(6)

Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 għandu għalhekk ikun emendat konformament.

(7)

Fid-dawl ta' l-importanza mogħtija lill-iżgurar ta' l-ogħla livell ta' ħarsien tal-konsumaturi u sabiex il-prevalenza tal-BSE fil-mogħoż tista' titqies, l-emendi magħmula minn dan ir-Regolament għandhom jidħlu fis-seħħ mill-iktar fis.

(8)

Il-programm ta' monitoraġġ tal-bhejjem kaprini għandu jkun rivedut wara għall-inqas 6 xhur ta' monitoraġġ effettiv u meta l-EFSA tkun wasslet opinjoni dwar evalwazzjoni kwantitattiva dwar ir-riskju reżidwali li jirriżulta mil-laħam tal-mogħoż u prodotti tal-laħam idderivati minnu.

(9)

Il-miżuri provduti f'dan ir-Regolament huma fi qbil ma' l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina ta' l-Ikel u s-Saħħa ta' l-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 huwa emendat skond l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, nhar id-9 ta' Frar 2005.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 147, tal-31.5.2001, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 36/2005 (ĠU L 10, tat-13.1.2005, p. 9)


ANNESS

Fl-Anness III, f' Parti II tal-Kapitolu A, il-punti 2 u 3 jinbidlu b'dan li ġej:

“2.   Monitoraġġ ta' bhejjem ovini jew kaprini maqtula għall-konsum mill-bniedem

a)

Annimali ovini

Stati Membri li fihom il-popolazzjoni ta' mogħoż u gidjien nisa mgħammra teċċedi l-750 000 bhima, għandhom jittestjaw kampjun annwali minimu ta' 10 000 bhima ovina maqtula għall-konsum mill-bniedem, skond il-punti dwar il-kampjunar elenkati f'punt 4 (1)

b)

Annimali kaprini

Stati Membri għandhom jittestjaw bhejjem maqtula f'saħħithom skond ir-regoli ta' kampjunar elenkati f'punt 4 u bid-daqsijiet minimi tal-kampjuni elenkati fit-Tabella A.

Fejn Stat Membru jsibha diffiċli jiġbor numru biżżejjed ta' bhejjem kaprini maqtula f'saħħithom sabiex ikun jista' jilħaq id-daqs minimu ta' kampjun allokat lilu, jista' jagħżel li jibdel il-massimu ta' 50 % tad-daqs minimu tal-kampjun tiegħu billi jittestja bhejjem kaprini mejta ta' età 'l fuq minn 18-il xahar b' rata ta' wieħed għal wieħed, u flimkien mad-daqs minimu tal-kampjuni stabbilit f'punt 3.

Tabella A

Stat Membru

Daqs minimu tal-kampjuni f'bhejjem kaprini maqtula f'saħħithom (1)

Spanja

125 500

Franza

93 000

L-Italja

60 000

Il-Greċja

20 000

Ċipru

5 000

L-Awstrija

5 000

Stati Membri oħra

kollha

3.   Monitoraġġ ta' bhejjem ovini u kaprini mhux maqtula għall-konsum mill-bniedem.

Stati Membri għandhom jittestjaw skond ir-regoli tal-kampjunar stabbiliti f'punt 4 u d-daqsijiet minimi tal-kampjuni indikati fit-tabella B u t-tabella C, bhejjem ovini u kaprini li mietu jew inqatlu, iżda li ma kinux:

maqtula fil-qafas ta' kampanja għall-qerda ta' mard, jew

maqtula għall-konsum mill-bniedem.

Tabella B

Popolazzjoni fl-Istati Membri ta' mogħoż u gidjien nisa mgħammra

Daqs minimu tal-kampjuni ta' bhejjem ovini mejta (1)

> 750 000

10 000

100 000 – 750 000

1 500

40 000 – 100 000

500

< 40 000

100


Tabella C

Popolazzjoni tal-mogħoż fl-Istati Membri li diġà kellhom il-gidhien jew li huma mgħammra

Daqs minimu tal-kampjuni ta' bhejjem kaprini mejta (2)

> 750 000

10 000

250 000 – 750 000

3 000

40 000 – 250 000

1 000

< 40 000

100 % sa 200”


(1)  Id-daqs minimu tal-kampjun ġie kkalkulat sabiex jidentifika prevalenza ta' 0,03 % fil-bhejjem maqtula b'kunfidenza ta' 95 %.

(1)  Daqsijiet minimi ta' kampjuni iqisu n-numru ta' bhejjem kaprini maqtula f' saħħithom u l-prevalenza tal-BSE fl-Istat Membru individwali. Huma maħsuba wkoll sabiex jipprovdu għanijiet li jistgħu jintlaħqu. Id-daqs minimu tal-kampjuni 'l fuq minn 60 000 jippermetti l-identifikazzjoni ta' prevalenza ta' 0,0017 % b'kunfidenza ta' 95 %.

(1)  Daqsijiet minimi ta' kampjuni iqisu d-daqs tal-popolazzjoni ta' bhejjem ovini fl-Istati Membri individwali u huma maħsuba sabiex jipprovdu għanijiet li jistgħu jintlaħqu. Id-daqs minimu tal-kampjuni ta' 10 000, 500 u 100 bhima għandu jippermetti l-identifikazzjoni ta' prevalenza ta' 0,03 %, 0,2 %, 0,6 % u 3 % rispettivament b'kunfidenza ta' 95 %.

(2)  Daqsijiet minimi ta' kampjuni iqisu d-daqs tal-popolazzjoni ta' bhejjem kaprini fl-Istati Membri individwali u huma maħsuba sabiex jipprovdu għanijiet li jistgħu jintlaħqu. Id-daqs minimu tal-kampjuni ta' 10 000, 500 u 100 bhima għandu jippermetti l-identifikazzjoni ta' prevalenza ta' 0,03 %, 0,2 %, 0,6 % u 3 % rispettivament b'kunfidenza ta' 95 %.