27.12.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

40


ID-DIRETTIVA 2005/84/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

ta’ l-14 ta’ Diċembru 2005

li temenda għat-tnejn u għoxrin darba d-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mar-restrizzjonijiet dwar il-marketing u l-użu ta’ ċerti sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi (ftalati f’ġugarelli u artikoli għall-kura tat-tfal)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

Billi:

(1)

L-Artikolu 14 tat-Trattat jistabbilixxi żona mingħajr fruntieri interni li fiha huwa żgurat il-moviment liberu ta’ merkanzija, persuni, servizzi u kapital.

(2)

Ix-xogħol fuq is-suq intern għandu jtejjeb il-kwalità tal-ħajja, il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-konsumatur. Din id-Direttiva tikkonforma mal-ħtiġijiet li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa u protezzjoni tal-konsumatur fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika u l-attivitajiet kollha tal-Komunità.

(3)

L-użu ta’ ċerti ftalati f’ġugarelli u artikoli għall-kura tat-tfal magħmula minn materjal plastiċizzat jew li jinkludu partijiet ta’ materjal plastiċizzat għandu jiġi projbit minħabba li l-preżenza ta’ ċerti ftalati tippreżenta jew tista’ potenzjalment tippreżenta riskji relatati mas-saħħa tat-tfal. Ġugarelli u artikoli għall-kura tat-tfal li, għalkemm mhux maħsuba għal dak l-iskop jistgħu jitpoġġew fil-ħalq, jistgħu f’ċertu ċirkostanzi iqajjmu riskju għas-saħħa ta’ tfal żgħar jekk dawn ikunu magħmula minn materjal plastiċizzat, jew jekk jinkludu partijiet magħmula minn materjal plastiċizzat, li jikkontjeni ċertu flalati.

(4)

Il-Kumitat Xjentifiku dwar it-Tossiċità, l-Ekotossiċità u l-Ambjent (SCTEE), wara li ġie kkonsultat mill-Kummissjoni, ta opinjonijiet dwar ir-riskji għas-saħħa kkawżati minn dawn il-ftalati.

(5)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 98/485/KE ta’ l-1 ta’ Lulju 1998 dwar artikoli għall-kura tat-tfal u ġugarelli intiżi biex jitqiegħdu fil-ħalq minn tfal ta’ taħt it-tliet snin, magħmula minn PVC artab li fih ċerti ftalati (4), stiednet lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri sabiex jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tat-tfal fir-rigward ta’ dawn il-prodotti.

(6)

Mill-1999, l-użu ta’ sitt ftalati f’ġugarelli u artikoli għall-kura tat-tfal intiżi biex jitqiegħdu fil-ħalq minn tfal ta’ taħt it-tliet snin huwa soġġett għal projbizzjoni temporanja fuq il-livell ta’ l-Unjoni Ewropea wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/815/KE (5) fil-qafas tad-Direttiva tal-Kunsill 92/59/KEE tad-29 ta’ Ġunju 1992 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti (6). Din id-Deċiżjoni qiegħda tiġi mġedda regolarment.

(7)

Limitazzjonijiet diġà adottati minn ċerti Stati Membri dwar it-tqegħid fis-suq ta’ ġugarelli u artikoli għall-kura tat-tfal minħabba l-kontenut tagħhom ta’ ftalati jaffettwaw b’mod dirett l-ikkompletar u l-funzjonament tas-suq intern. Huwa għalhekk meħtieġ li l-liġijiet ta’ l-Istati Membri f’dan il-qasam jiġu approssimati u b’konsegwenza li jiġi emendat l-Anness I għad-Direttiva 76/769/KEE (7).

(8)

Il-prinċipju ta’ prekawzjoni għandu jiġi applikat fejn l-evalwazzjoni xjentifika ma tippermettix li r-riskju jiġi determinat b’ċertezza biżżejjed sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa, b’mod partikolari għat-tfal.

(9)

It-tfal bħala organiżmi li qed jiżviluppaw huma partikolarment vulnerabbli għal sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni. Għaldaqstant, l-esposizzjoni ta’ tfal għal kull fonti ta’ emissjoni ta’ dawn is-sustanzi li jistgħu jiġu evitati b’mod prattiku, speċjalment minn artikoli li jitqiegħdu fil-ħalq mit-tfal, għandha titnaqqas kemm jista’ jkun.

(10)

Matul l-istimi ta’ riskju u/jew fi ħdan id-Direttiva kwadru tal-Kunsill 67/548/KEE tas-27 ta’ Ġunju 1967 rigward l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-disposizzjonijiet amministrattivi rigward il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettjar ta’sustanzi perikolużi (8), di(2-ethylhexyl) phthalate (DEHP), dibutyl phthalate (DBP) u benzyl butyl phthalate (BBP) ġew identifikati bħala sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni u għalhekk ġew klassifikati bħala tossiċi għar-riproduzzjoni, kategorija 2.

(11)

Informazzjoni xjentifika fir-rigward tad-di-isononyl phthalate (DINP), di-isodecyl phthalate (DIDP) u di-n-octyl phthalate (DNOP) hija nieqsa jew kontradittorja, iżda ma jistax jiġi eskluż li jistgħu jkunu ta’ riskju potenzjali jekk użati f’ġugarelli u artikoli għall-kura tat-tfal, li mid-definizzjoni tagħhom huma prodotti għat-tfal.

(12)

L-inċertezzi fl-evalwazzjoni ta’ esposizzjoni għal dawn il-ftalati, bħal ħinijiet li fihom il-prodotti konċernati jkunu fil-ħalq u esposizzjoni għal emissjonijiet oħra minn fonti oħra, jeħtieġu li jittieħed kont ta’ konsiderazzjonijiet ta’ prekawzjoni. Għalhekk, għandhom jiġu introdotti restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ dawn il-ftalati għal ġugarelli u artikoli għall-kura tat-tfal u fuq it-tqegħid fis-suq ta’ tali artikoli. Madankollu, ir-restrizzjonijiet għad-DINP, id-DIDP u d-DNOP għandhom inkunu inqas ħarxa minn dawk proposti għad-DEHP, id-DBP u d-BBP għal raġunijiet ta’ proporzjonalità.

(13)

Il-Kummissjoni għandha tirrevedi applikazzjonijiet oħra ta’ artikoli magħmula minn materjal plastiċizzat jew li jinkludu partijiet magħmula minn materjal plastiċizzat li jista’ jesponi lil persuni għal riskji, speċjalment dawk użati f’apparat mediku.

(14)

F’konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Prinċipju tal-Prekawzjoni, il-miżuri bbażati fuq dan il-prinċipju għandhom ikunu soġġetti għal reviżjoni fid-dawl ta’ informazzjoni xjentifika ġdida.

(15)

F’ koperazzjoni ma’ l-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri responsabbli għas-sorveljanza u l-infurzar tas-suq għal ġugarelli u artikoli għall-kura tat-tfal, u b’konsultazzjoni ma’ l-organizzazzjonijiet rilevanti ta’ produtturi u importaturi, il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-użu ta’ ftalati u sustanzi oħra bħal plastifikanti f’ġugarelli u artikoli għall-kura tat-tfal.

(16)

Għall-fini tad-Direttiva 76/769/KEE, għandu jiġi definit it-terminu “artikolu għall-kura tat-tfal”.

(17)

Skond il-paragrafu 34 tal-ftehim Interistituzzjonali dwar it-tfassil aħjar ta’ liġijiet (9), l-Istati Membri huma mħeġġa biex ifasslu, għalihom infushom u fl-interess tal-Komunità, it-tabelli tagħhom li, sa fejn ikun possibbli, jillustraw il-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta’ trasposizzjoni, u jagħmluhom pubbliċi.

(18)

Il-Kummissjoni sejra tirrevedi l-użu tal-ftalati elenkati fl-Anness I għad-Direttiva 76/769/KEE fi prodotti oħra meta l-evalwazzjoni tar-riskju taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 793/93 tat-23 ta’ Marzu 1993 dwar l-evalwazzjoni u l-kontroll tar-riskji ta’ sustanzi eżistenti (10) tkun intemmet.

(19)

Din id-Direttiva tapplika mingħajr preġudizzju għal-leġislazzjoni Komunitarja li tistabbilixxi ħtiġijiet minimi għall-protezzjoni tal-ħaddiema fid-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri li jinkoraġġixxu t-titjib fis-sigurta’ u s-saħħa tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol (11) u fid-direttivi individwali bbażati fuqha, b’mod partikolari d-Direttiva tal-Kunsill 90/394/KEE tat-28 ta’ Ġunju 1990 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji relatati ma’ l-espożizzjoni għall-kanċeroġeni fuq il-post tax-xogħol (12) u d-Direttiva tal-Kunsill 98/24/KE tas-7 ta’ April 1998 dwar il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema mir-riskji relatati ma’ aġenti kimiċi fuq il-post tax-xogħol (13).

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 76/769/KEE qiegħda hawn tiġi emendata kif ġej:

1.

Il-punt li ġej għandu jiġi miżjud ma’ l-Artikolu 1 (3):

“(ċ)

‘artikolu għall-kura tat-tfal’ tfisser kwalunkwe prodott intiż biex jiffaċilita l-irqad, ir-rilassament, l-iġjene, it-tmigħ tat-tfal jew l-irdigħ min-naħa tat-tfal.”

2.

L-Anness I għandu jiġi emendat kif stabbilit fl-Anness għal din id-Direttiva.

Artikolu 2

Il-Kummissjoni għandha terġa’ tevalwa, sa 16 ta’ Jannar 2010 l-aktar tard, il-miżuri previsti fid-Direttiva 76/769/KEE kif emendata minn din id-Direttiva fid-dawl ta’ informazzjoni xjentifika ġdida dwar sustanzi deskritti fl-Anness ta’ din id-Direttiva u s-sostituti tagħhom, u jekk ikun ġustifikat, dawn il-miżuri għandhom jiġu modifikati kif xieraq.

Artikolu 3

1.   Sa 16 ta’ Lulju 2006 l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Għandhom jinformaw b’dan lill-Kummissjoni minnufih.

Għandhom japplikaw dawn id-disposizzjonijiet mill-16 ta’ Jannar 2007.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali referenza fil-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta’ kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tad-disposizzjonijiet prinċipali ta’ liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 4

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak li fih tkun ġiet pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Din id-Direttiva qed tiġi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Strasburgu, nhar l-14 ta’ Diċembru 2005.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

C. CLARKE


(1)  ĠU C 116 E, tas-26.4.2000, p. 14.

(2)  ĠU C 117, tas-26.4.2000, p. 59.

(3)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta’ Lulju 2000 (ĠU C 121, tal-24.4.2001, p. 410), Posizzjoni Komuni tal-Kunsill ta’ l-4 ta’ April 2005 (ĠU C 144 E, tal-14.6.2005, p. 24) Posizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Lulju 2005 (għadha mhux pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Novembru 2005.

(4)  ĠU L 217, tal-5.8.1998, p. 35.

(5)  ĠU L 315, tad-9.12.1999, p. 46. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2004/781/KE (ĠU L 344, ta’ l-20.11.2004, p. 35).

(6)  ĠU L 228, tal-11.8.1992, p. 24. Direttiva mħassra bid-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 11, tal-15.1.2002, p. 4).

(7)  ĠU L 262, tas-27.9.1976, p. 201. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/98/KE (ĠU L 305, ta’ l-1.10.2004, p. 63).

(8)  ĠU 196, tas-16.8.1967, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/73/KE (ĠU L 152, tat-30.4.2004, p. 1).

(9)  ĠU C 321, tal-31.12.2003, p. 1.

(10)  ĠU L 84, tal-5.4.1993, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, tal-31.10.2003, p. 1).

(11)  ĠU L 183, 29.6.1989, p. 1. Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003.

(12)  ĠU L 196, 26.7.1990, p. 1. Direttiva mħassra bid-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 50).

(13)  ĠU L 131, 5.5.1998, p. 11.


ANNESS

Il-punti li ġejjin għandhom jiġu miżjuda ma’ l-Anness I għad-Direttiva 76/769/KEE:

“[XX.] Il-ftalati li ġejjin (jew numri CAS- u EINECS oħra li jkopru s-sustanza):

 

ftalat ta’ di (2-ethylhexyl) (DEHP)

Nru CAS 117-81-7

Nru Einecs 204-211-0

 

ftalat ta’ dibutyl (DBP)

Nru CAS 84-74-2

Nru Einecs 201-557-4

 

ftalat ta’ butyl benzyl (BBP)

Nru CAS 85-68-7

Nru Einecs 201-622-7

M’għandhomx jintużaw bħala sustanzi jew bħala kostitwenti ta’ preparazzjonijiet, f’konċentrazzjonijiet akbar minn 0,1 % tal-massa tal-materjal plastiċizzat, f’ġugarelli u artikoli għall-kura tat-tfal.

Tali ġugarelli u artikoli għall-kura tat-tfal li fihom dawn il-ftalati f’konċentrazzjoni akbar mil-limitu msemmi hawn fuq m’għandhomx jitqiegħdu fis-suq.

[XXa.] Il-ftalati li ġejjin (jew numri CAS- u EINECS oħra li jkopru s-sustanza):

 

ftalat ta’ di-‘isononyl’ (DINP)

Nru CAS 28553-12-0 u 68515-48-0

Nru Einecs 249-079-5 u 271-090-9

 

ftalat ta’ di-‘isodecyl’ (DIDP)

Nru CAS 26761-40-0 u 68515-49-1

Nru Einecs 247-977-1 u 271-091-4

 

ftalat ta’ di-n-octyl (DNOP)

Nru CAS 117-84-0

Nru Einecs 204-214-7

M’għandhomx jintużaw bħala sustanzi jew bħala kostitwenti ta’ preparazzjonijiet, f’konċentrazzjonijiet akbar minn 0,1 % tal-massa tal-materjal plastiċizzat, f’ġugarelli u artikoli li jistgħu jitqiegħdu fil-ħalq mit-tfal.

Ġugarelli u artikoli għall-kura tat-tfal li fihom dawn il-ftalati f’konċentrazzjoni akbar mil-limitu msemmi hawn fuq m’għandhomx jitqiegħdu fis-suq.”