21.11.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

144


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2005/77/KE

tal-11 ta’ Novembru 2005

li temenda l-Anness V tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE dwar miżuri protettivi kontra d-dħul fil-Komunità ta' organiżmi li jagħmlu l-ħsara lill-pjanti jew lill-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom fil-Komunità

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta' Mejju 2000 dwar miżuri protettivi kontra d-dħul fil-Komunità ta' organiżmi li jagħmlu l-ħsara lill-pjanti u lill-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom fil-Komunità (1), u partikularment il-punt (d) tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 14 tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2000/29/KE tipprevedi ċerti miżuri kontra t-tixrid fil-Komunità ta’ organiżmi li jagħmlu l-ħsara lill-pjanti jew lill-prodotti tal-pjanti. Tipprevedi wkoll l-użu ta’ passaporti għall-pjanti, li jixhdu li l-pjanti jew il-prodotti tal-pjanti għaddew b’suċċess mis-sistema ta’ kontrolli tal-Komunità.

(2)

Il-passaporti għall-pjanti huma attwalment mitluba għaċ-ċaqliq ta’ żerriegħa ċċertifikata tal-Helianthus annuus L., tal-Lycopersicon lycopersicum (L.) Karsten ex Farw. u tal-Phaseolus L. fil-Komunità, għajr lokalment.

(3)

Sabiex titjieb il-protezzjoni fitosanitarja taż-żerriegħa tal-Helianthus annuus L., tal-Lycopersicon lycopersicum (L.) Karsten ex Farw. u tal-Phaseolus L., ir-rekwiżit li ż-żerriegħa għandha tkun akkumpanjata minn passaport għall-pjanti meta mċaqalqla fil-Komunità, għajr lokalment, għandu jgħodd għaż-żerriegħa kollha ta' dik l-ispeċi.

(4)

L-Anness V mad-Direttiva 2000/29/KE għandu, għalhekk, jkun emendat kif imiss.

(5)

Il-miżuri pprovduti f'din id-Direttiva jaqblu mal-fehma tal-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Fil-punt 2.4 tas-Sezzjoni I tal-Parti A ta’ l-Anness V mad-Direttiva 2000/29/KE l-aħħar inċiż huwa mibdul b’li ġej:

“—

Iż-żerriegħa tal-Helianthus annuus L., tal-Lycopersicon lycopersicum (L.) Karsten ex Farw. u tal-Phaseolus L.”

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard mit-30 ta' April 2006, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-testi ta' dawn id-dispożizzjonijiet u tabella ta' korrispondenza bejn dawn id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta' Mejju 2006.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn referenza bħal din meta dawn jkunu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir din ir-referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenija tal-liġijiet nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, nhar il-11 ta’ Novembru 2005.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 169, ta’ l-10.7.2000, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2005/16/KE (ĠU L 57, tat-3.3.2005, p. 19).