30.9.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

160


ID-DIRETTIVA 2005/45/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-7 ta' Settembru 2005

dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' ċertifikati tal-baħħara maħruġa mill-Istati Membri u li temenda d-Direttiva 2001/25/KE

(Test b' relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 80(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-5 ta' Ġunju 2003 dwar titjib fl-immaġini tat-trasport bil-baħar Komunitarju u dwar it-tħajjir ta' żgħażagħ lejn il-professjoni ta' baħħara, il-Kunsill ġibed l-attenzjoni għall-ħtieġa li titrawwem il-mobilità professjonali tal-baħħara fl-Unjoni Ewropea, b'enfasi partikolari fuq il-proċeduri ta' rikonoxximent ta' ċertifikati ta' kompetenza tal-baħħara, filwaqt li tiġi żgurata konformità sħiħa mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni ta' l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) dwar Standards ta' Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa għall-Baħħara, ta' l-1978 (Konvenzjoni STCW) kif emendata minn żmien għal żmien.

(2)

It-trasport marittimu huwa settur ta' karattru partikolarment internazzjonali li qed jiżviluppa b'mod intensiv u mgħaġġel. B'hekk, meta jitqies in-nuqqas dejjem jikber ta' baħħara tal-Komunità, il-bilanċ bejn il-provvista u t-talba għal persunal jista' jinżamm b'mod iktar effiċjenti fil-livell tal-Komunità, milli fil-livell nazzjonali. Huwa għalhekk essenzjali li l-politika komuni dwar it-trasport fil-qasam tat-trasport marittimu tiġi estiża sabiex tiffaċilita il-moviment ta' baħħara fil-Komunità.

(3)

Fir-rigward ta' kwalifiki tal-baħħara, il-Komunità stabbiliet rekwiżiti minimi ta' edukazzjoni marittima, taħriġ u ċertifikazzjoni permezz tad-Direttiva 2001/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-4 ta' April 2001 dwar il-livell minimu ta' taħriġ tal-baħħara (3). Dik id-Direttiva tinkorpora fil-liġi Komunitarja l-istandards ta' Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa stabbiliti mill-Konvenzjoni STCW.

(4)

Id-Direttiva 2001/25/KE tipprovdi li baħħara għandhom ikollhom ċertifikat ta' kompetenza maħruġ u approvat mill-awtorità kompetenti ta' Stat Membru skond dik id-Direttiva u li jintitola lid-detentur legali tiegħu li jaħdem fuq il-vapuri fil-kapaċità fih speċifikata u li jwettaq il-funzjonijiet involuti fil-livell ta' responsabbiltà fih speċifikata.

(5)

Taħt id-Direttiva 2001/25/KE, ir-rikonoxximent reċiproku bejn Stati Membri ta' ċertifikati miżmuma minn baħħara sew jekk ċittadini ta' xi Stat Membru u sew jekk m'humiex huwa suġġett għad-Direttivi 89/48/KEE (4) u 92/51/KEE (5) li jistabbilixxu, rispettivament l-ewwel u t-tieni sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta' edukazzjoni u taħriġ professjonali. Dawk id-Direttivi ma jipprovdux għar-rikonoxximent awtomatiku ta' kwalifiki formali ta' baħħara, billi l-baħħara jistgħu ikunu suġġetti għal miżuri ta' kumpens.

(6)

Kull Stat Membru għandu jirrikonoxxi kwalunkwe ċertifikat u prova oħra ta' kwalifiki formali maħruġa minn Stat Membru ieħor skond id-Direttiva 2001/25/KE. Għaldaqstant, kull Stat Membru għandu jippermetti baħħar li jkun kiseb iċ-ċertifikat ta' kompetenza tiegħu fi Stat Membru ieħor, u li jkun jissodisfa ir-rekwiżiti ta' dik id-Direttiva, li jaqbad jew isegwi l-professjoni marittima li fiha huwa kwalifikat, mingħajr prerekwiżiti oħra ħlief dawk imposti fuq ċittadini tiegħu stess.

(7)

Peress li din id-Direttiva hija mmirata sabiex tiffaċilita r-rikonoxximent reċiproku ta' ċertifikati, din ma tirregolax il-kondizzjonijiet dwar l-aċċess għax-xogħol.

(8)

Il-Konvenzjoni STCW tispeċifika rekwiżiti ta' lingwi għall-baħħara. Dawn ir-rekwiżiti għandhom ikunu introdotti fil-liġi Komunitarja sabiex jiżguraw komunikazzjoni effettiva abbord il-vapuri u tiffaċilita il-moviment liberu tal-baħħara fil-Komunità.

(9)

Illum, il-proliferazzjoni ta' ċertifikati ta' kompetenza tal-baħħara li jinkisbu bi frodi joħloq periklu serju għas-sigurtà fuq il-baħar u għall-protezzjoni ta' l-ambjent tal-baħar. Fil-parti l-kbira tal-każijiet, id-detenturi ta' ċertifikati frawdolenti ma jilħqux ir-rekwiżiti minimi ta' ċertifikazzjoni tal-Konvenzjoni STCW. Dawn il-baħħara jistgħu faċilment ikunu involuti f'inċidenti marittimi.

(10)

Stati membri għandhom għalhekk jieħdu u jinfurżaw miżuri speċifiċi sabiex jipprevjenu u jippenalizzaw prattiċi frawdolenti marbuta ma' ċertifikati ta' kompetenza kif ukoll li jsegwu l-isforzi tagħhom fl-IMO sabiex jintlaħaq ftehim strett u infurzabbli dwar il-ġlieda globali kontra dawn il-prattiċi. Il-Kumitat dwar Ibħra Siguri u dwar il-Prevenzjoni ta' tniġġis minn Vapuri (COSS) huwa forum xieraq għall-iskambju ta' informazzjoni, esperjenza u l-aħjar prattiċi f'dan ir-rigward.

(11)

Ir-Regolament (KE) Nru. 1406/2002 (6) stabbilixxa Aġenzija Ewropea tas-Sigurtà Marittima (“l-Aġenzija”), bl-iskop li jiġi żgurat livell għoli, uniformi u effettiv ta' sigurtà marittima u ta' prevenzjoni ta' tniġġis mill-vapuri. Wieħed mid-doveri mogħtija lill-aġenzija huwa li tassisti lill-Kummissjoni fit-twettiq ta' kwalunkwe dover mogħti lilha mill-leġiżlazzjoni tal-Komunità applikabbli għat-taħriġ, għaċ-ċertifikazzjoni u għall-għassa ta' ekwipaġġi ta' vapuri.

(12)

L-Aġenzija għandha għaldaqstant tassisti lill-Kummissjoni fil-verifika li l-Istati Membri huma konformi mar-rekwiżiti mniżżla f'din id-Direttiva u d-Direttiva 2001/25/KE.

(13)

Ir-rikonoxximent reċiproku bejn l-Istat Membri ta' ċertifikati miżmuma minn baħħara, sew jekk ċittadini ta' xi Stat Membru u sew jekk m'humiex, m'għandux jibqa' suġġett għad-Direttivi 89/48/KEE u 92/51/KEE, iżda għandu jkun regolat minn din id-Direttiva.

(14)

Id-Direttiva 2001/25/KE għandha għaldaqstant tiġi emendata skond dan.

(15)

Peress li l-għan ta' din id-Direttiva, jiġifieri r-rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati tal-baħħara maħruġa mill-Istati Membri, ma jistax jintlaħaq b'mod sodisfaċenti mill-Istati Membri u jista' għalhekk jintlaħaq aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f' dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dak il-għan.

(16)

Skond il-paragrafu 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar leġiżlazzjoni aħjar (7), l-Istati Membri huma mħeġġa biex ifasslu, għalihom infushom u fl-interess tal-Komunità, tabelli li, sa fejn ikun possibbli, juru l-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta' trasposizzjoni tagħha u jagħmluhom pubbliċi.

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

Kamp ta' applikazzjoni

Din id-Direttiva għandha tapplika għal baħħara li huma:

(a)

ċittadini ta' xi Stat Membru;

(b)

persuni mhux ċittadini ta' xi Stat Membru li huma detenturi ta' ċertifikat maħruġ minn xi Stat Membru.

L-Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“baħħar” tfisser persuna li hija mħarrġa u li hija ċċertifikata minn xi Stat Membru mill-inqas skond ir-rekwiżiti mniżżla fl-Anness I tad-Direttiva 2001/25/KE;

(b)

“ċertifikat” tfisser dokument validu skond it-tifsira ta' l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/25/KE;

(ċ)

“ċertifikat xieraq” tfisser ċertifikat kif definit fl-Artikolu 1 (27) tad-Direttiva 2001/25/KE;

(d)

“approvazzjoni” tfisser dokument validu maħruġ mill-awtorita kompetenti ta' Stat Membru skond l-Artikolu 5(2) u (6) tad-Direttiva 2001/25/KE;

(e)

“rikonoxximent” tfisser l-aċċettazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru ospitanti ta' ċertifikat jew ċertifikat xieraq maħruġ minn Stat Membru ieħor;

(f)

“Stat Membru ospitanti” tfisser kwalunkwe Stat Membru li fih baħħar ifittex ir-rikonoxximent taċ-ċertifikat/i xieraq/xierqa jew ta' ċertifikati oħra;

(g)

“Konvenzjoni STCW” tfisser il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar Standards ta' Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa għall-Baħħara, ta' l-1978, kif emendata minn żmien għal żmien;

(h)

“Kodiċi STCW” tfisser il-Kodiċi tat-Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa tal-Baħħara, kif adottat bir-Resoluzzjoni 2 tal-Konferenza STCW tal-Partijiet ta' l-1995, kif emendat minn żmien għal żmien;

(i)

“l-Aġenzija” tfisser l-Aġenzija Ewropea tas-Sigurtà Marittima, stabbilita bir-Regolament (KE) Nru. 1406/2002.

L-Artikolu 3

Rikonoxximent ta' ċertifikati

1.   Kull Stat membru għandu jirrikonoxxi ċertifikati xierqa jew ċertifikati oħra maħruġa minn Stat Membru ieħor skond ir-rekwiżiti mniżżla fid-Direttiva 2001/25/KE.

2.   Ir-rikonoxximent ta' ċertifikati xierqa għandu jkun limitat għall-kapaċitajiet, il-funzjonijiet u l-livelli ta' kompetenza kif jingħad fihom stess u għandhom ikunu akkumpanjati b'approvazzjoni li tixhed dak ir-rikonoxximent.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm dritt għal appell kontra kull ċaħda ta' approvazzjoni ta' ċertifikat validu, jew kontra nuqqas ta' risposta, skond il-leġiżlazzjoni u l-proċeduri nazzjonali.

4.   Minkejja l-paragrafu 2, l-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru ospitanti jistgħu jimponu iktar limitazzjonijiet fuq il-kapaċitajiet, il-funzjonijiet u l-livelli ta' kompetenza li jkollhom x'jaqsmu ma' vjaġġi qrib ix-xatt, kif jingħad fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2001/25/KE, jew fuq ċertifikati alternattivi maħruġa taħt r-regolament VII/1 ta' l-Anness 1 mad-Direttiva 2001/25/KE.

5.   Stat Membru ospitanti għandu jiżgura li baħħara li jippreżentaw għar-rikonoxximent ċertifikati għal funzjonijiet fil-livell ta' amministrazzjoni ikollhom għarfien xieraq tal-leġiżlazzjoni marittima ta' dak l-Istat Membru li tkun rilevanti għall-funzjonijiet li huma jkunu permessi li jwettqu.

L-Artikolu 4

Emendi għad-Direttiva 2001/25/KE

Id-Direttiva 2001/25/KE qiegħda hawn tiġi emendata kif ġej:

1.

L-Artikolu 4 għandu jkun mibdul b'dan li ġej

“L-Artikolu 4

Ċertifikat

Ċertifikat għandu jkun kwalunkwe dokument validu, bi kwalunkwe isem li bih jista' jkun magħruf, maħruġ minn jew taħt l-awtorità ta' l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru skond l-Artikolu 5 u skond ir-rekwiżiti mniżżla fl-Anness I.”;

2.

Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“L-Artikolu 7a

Prevenzjoni ta' frodi u prattiċi illegali oħra

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu u jinfurzaw il-miżuri xierqa sabiex jipprevjenu l-frodi u prattiċi llegali oħra li jinvolvu l-proċess ta' ċertifikazzjoni jew ċertifikati maħruġa u approvati mill-awtoritajiet kompetenti tagħhom, u għandhom jipprovdu għal pieni li jkunu effettivi, proporzjonati u disswasivi.

2.   L-Istati Membri għandhom jinnominaw l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti sabiex jikxfu u jiġġieldu l-frodu u prattiċi oħra illegali u jpartu informazzjoni ma' l-awtoritajiet kompetenti ta' Stati Membri u ta' pajjiżi terzi dwar iċ-ċertifikazzjoni ta' baħħara.

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw bid-dettalji ta' dawn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni minnufih.

L-Istati Membri għandhom ukoll jinfurmaw minnufih bid-dettalji ta' dawn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti lil kwalunkwe pajjiż terz li miegħu huma daħlu f'xi qbil skond ir-Regolament I/10, paragrafu 1.2 tal-Konvenzjoni STCW.

3.   Fuq talba ta' Stat Membru ospitanti, l-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru ieħor għandhom jipprovdu konferma jew ċaħda bil-miktub ta' l-awtentiċità ta' ċertifikati ta' baħħara, ta' approvazzjonijiet korrispondenti jew ta' kwalunkwe prova dokumentarja oħra ta' taħriġ maħruġa f'dak l-Istat Membru l-ieħor.”;

3.

L-Artikolu 18(1) u (2) għandu jitħassar b'effett minn 20 ta' Ottubru 2007;

4.

Għandhom jiddaħlu l-Artikoli li ġejjin:

“L-Artikolu 21a

Monitoraġġ regolari tal-konformità

Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kummissjoni taħt l-Artikolu 226 tat-Trattat, il-Kummissjoni, assistita mill-Aġenzija Ewropea tas-Sigurta' Marittima, stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 1406/2002 (*), għandha tivverifika fuq bażi regolari u mill-inqas kull ħames snin li l-Istati Membri ikunu konformi mar-rekwiżiti minimi mniżżla f'din id-Direttiva.

Artikolu 21b

Rapport ta' konformità

Mhux iktar tard minn 20 ta' Ottubru 2010 l-Kumissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport ta' evalwazzjoni imfassal abbażi ta' l-informazzjoni miksuba skond l-Artikolu 21a. F'dan ir-rapport il-Kummissjoni għandha tanalizza l-konformità ta' l-Istati Membri ma' din id-Direttiva u, fejn meħtieġ, tagħmel proposti għal miżuri addizzjonali.

(*)  Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2002 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea tas-Sigurtà Marittima (ĠU L 208, tal-5.8.2002, p. 1). Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru. 724/2004 (ĠU L 129, tad-29.4.2004 p. 1).”;"

5.

Fl-Anness I, Kapitolu I għandu jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-baħħara jkollhom kapaċita' xierqa fil-lingwa, kif definit fit-Taqsimiet A-II/1, A-III/1, A-IV/2 u A-II/4 tal-Kodiċi STCW sabiex ikunu jistgħu iwettqu d-dmirijiet speċifiċi tagħhom fuq bastiment li jtajjar il-bandiera ta' Stat Membru ospitanti.”.

L-Artikolu 5

Trasposizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma' din id-Direttiva sa 20 ta' Ottubru 2007. Huma għandhom jinfurmaw b'dan lill-Kummissjoni minnufih.

Meta Stati Membri- jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandu ikun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b' din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-modi ta' kif issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ta' liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

L-Artikolu 6

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 7

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Strasburgu, nhar is-7 ta' Settembre 2005

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

C. CLARKE


(1)  ĠU C 157, tat-28.6.2005, p. 53.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Frar 2005 (għada mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2005.

(3)  ĠU L 136, tat-18.5.2001, p. 17. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2005/23/KE (ĠU L 62, tad-9.3.2005, p. 14).

(4)  Direttiva tal-Kunsill 89/48/KEE tal-21 ta' Diċembru 1988 dwar sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta' diplomi ta' edukazzjoni għolja mogħtija mal-kompletar ta' edukazzjoni u taħriġ professjonali ta' mill-inqas tliet snin (ĠU L 19, ta' l-24.1.1989, p. 16). Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2001/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 206, tal-31.7.2001, p. 1).

(5)  Direttiva 92/51/KEE tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 1992 dwar it-tieni sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta' edukazzjoni u taħriġ professjonali sabiex tiġi ssupplimenta d-Direttiva 89/48/KEE (ĠU L 209, ta' l-24.7.1992, p. 25). Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/108/KE (ĠU L 32, tal-5.2.2004, p. 15).

(6)  Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2002 li jistabilixxi Aġenzija Ewropea tas-Sigurtà Marittima (ĠU L 208, tal-5.8.2002, p. 1). Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru. 724/2004 (ĠU L 129, tad-29.4.2004, p. 1).

(7)  ĠU C 321, tal-31.12.2003, p. 1.