30.9.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

149


ID-DIRETTIVA 2005/41/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-7 ta' Settembru 2005

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 76/115/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma' l-ankoraġġi għaċ-ċinturini tas-sigurtà ta' vetturi bil-mutur

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali (1),

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Ir-riċerka wriet li l-użu ta' ċinturini tas-sigurtà u sistemi ta' trażżin jista' jikkontribwixxi għal tnaqqis sostanzjali fin-numru ta' mwiet u fil-gravità tal-korrimenti fil-każ ta' inċident, anke dak ta' qlib ta' karozza. It-tagħmir bihom fil-kategoriji kollha ta' vetturi ikun żgur pass importanti 'l quddiem biex iżid fis-sigurtà fit-toroq u b'konsegwenza jiġu salvati aktar ħajjiet.

(2)

Jista' jinkiseb benefiċċju sostanzjali għas-soċjetà, li kieku l-vetturi kollha jkunu mgħammra b'ċinturini tas-sigurtà.

(3)

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Frar 1986 dwar miżuri komuni biex jitnaqqsu l-inċidenti fit-toroq, bħala parti mill-programm tal-Komunità għas-sigurtà fit-toroq (3), il-Parlament Ewropew saħaq fuq il-ħtieġa li jsir obbligatorju għal kull passiġġier li jilbes iċ-ċinturin tas-sigurtà, inklużi t-tfal, ħlief f'vetturi ta' servizz pubbliku. Għaldaqstant, għandha ssir distinzjoni bejn karozzi tal-linja li jagħtu servizz pubbliku u vetturi oħra rigward l-istallazzjoni obbligatorja ta' ċinturini tas-sigurtà u/jew sistemi ta' trażżin.

(4)

Skond id-Direttiva tal-Kunsill 70/156/EEC tas-6 ta' Frar 1970 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma' l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom (4), is-sistema Komunitarja ta' approvazzjoni tat-tip ġiet implimentata biss għall-vetturi ġodda kollha tal-kategorija M1 mill-1 ta' Jannar 1998. B'konsegwenza, dawn il-vetturi biss għandhom ikunu mgħammra b'ankoraġġi intiżi għal ċinturini tas-sigurtà u/jew sistemi ta' trażżin li jissodifaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 76/115/KEE (5).

(5)

Sakemm is-sistema Komunitarja ta' approvazzjoni tat-tip tiġi estiża għall-kategoriji kollha ta' vetturi, l-installazzjoni ta' ankoraġġi intiżi għal ċinturini tas-sigurtà u/jew sistemi ta' trażżin għandha tkun meħtieġa, fl-interess tas-sigurtà fit-toroq, f'vetturi li jaqgħu taħt kategoriji oħra minbarra M1.

(6)

Id-Direttiva 76/115/KEE diġà tipprovdi għad-dispożizzjonijiet tekniċi u amministrattivi kollha li jippermettu l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi ta' kategoriji oħra minbarra M1. Għaldaqstant, l-Istati Membri ma jeħtiġux l-introduzzjoni ta' dispożizzjonijiet ulterjuri.

(7)

Mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva tal-Kummissjoni 96/38/KE tas-17 ta' Ġunju 1996 li tadatta għall-progress tekniku d-Direttiva tal-Kunsill 76/115/KEE li għandha x' taqsam ma' l-ankoraġġi għaċ-ċinturini tas-sigurtà ta' vetturi bil-mutur, bosta Stati Membri diġa għamlu obbligatorji d-dispożizzjonijiet li hemm fiha fir-rigward ta' ċerti kategoriji oħra ta' vetturi minbarra M1. Għaldaqstant, il-manifatturi u l-fornituri tagħhom żviluppaw teknoloġija xierqa.

(9)

Id-Direttiva 76/115/KEE għandha tiġi hekk emendata.

(10)

Minħabba li l-għan ta' din id-Direttiva, jiġifieri t-titjib tas-sigurtà fit-toroq bl-introduzzjoni tat-tagħmir obbligatorju b'ċinturini tas-sigurtà f'ċerti kategoriji ta' vetturi, ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jistgħu, għalhekk, minħabba d-daqs ta' l-azzjoni, jintlaħqu aħjar fuq il-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalitá, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dak il-għan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 76/115/KEE

Id-Direttiva 76/115/KEE hija b'dan emendata kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 2, għandu jiġi miżjud il-paragrafu li ġej:

“Vetturi tal-kategorija M2 u M3 għandhom ikunu suddiviżi fi klassijiet kif imfisser fis-sezzjoni 2 ta' l-Anness I għad-Direttiva 2001/85/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-20 ta' Novembru 2001 li tirrigwardja d-dispożizzjonijiet speċjali għal vetturi użati għat-trasport ta' pasiġġieri li jkollhom aktar minn tmien sedili b'żieda mas-sedil tas-sewwieq (*).

(*)  ĠU L 42, tat-13.2.2002, p. 1.”"

(2)

L-Anness I għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

Il-punt 1.9. għandu jiġi mħassar;

(b)

Il-punt 4.3.1 għandu jinbidel bis-segwenti:

“4.3.1.

Vetturi tal-kategoriji M1, M2 (ta' klassi III jew B), M3 (ta' klassi III jew B), u N iridu jkunu mgħammra b'ankoraġġi għaċ-ċinturini tas-sigurtà li jikkonformaw mal-ħtiġijiet ta' din id-Direttiva.”;

(ċ)

Il-punt 4.3.8 għandu jiġi mibdul bis-segwenti:

“4.3.8.

Għal postijiet bilqiegħda intiżi biss għall-użu meta l-vettura tkun wieqfa, kif ukoll sedili ta' kwalunkwe vettura mhux koperti mill-punti 4.3.1. sa 4.3.5., ma jeħtieġ l-ebda ankoraġġ għaċ-ċinturini tas-sigurtà. Jekk il-vettura hija mgħammra b'ankoraġġi għal tali sedili, dawn l-ankoraġġi għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva. Madankollu, kwalunkwe ankoraġġ intiż biss għall-użu flimkien ma' ċinturin tas-sigurtà għal persuni b'diżabbiltà jew kwalunkwe sistema oħra ta' trażżin imsemmija fl-Artikolu 2a tad-Direttiva tal-Kunsill 77/541/KEE tat-28 ta' Ġunju ta' l-1977 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar ċintorini tas-sigurtà u sistemi ta' trażżin f'vetturi bil-mutur (**) m' hemmx bżonn li jkun konformi mal-ħtiġijiet ta' din id-Direttiva kemm-il darba jkun ddisinjat u mibni skond il-ħtiġijiet legali nazzjonali biex jipprovdu l-ogħla livell prattiku ta' sigurtà.

(**)  ĠU L 220, tad-29.8.1977, p. 95. Direttiva kif emendata l-aħħar mill-Att ta' Adeżjoni ta' l-2003.”"

Artikolu 2

Miżuri previsti għal persuni b'disabbilità

Mhux iżjed tard minn 20 ta' April 2008, il-Kummissjoni għandha teżamina proċeduri speċifiċi biex jiġu armonizzati l-ħtiġijiet għal ankoraġġi intiżi biss għall-użu flimkien ma' ċinturin tas-sigurtà għal persuni b'diżabbiltà jew kwalunkwe sistema oħra ta' trażżin imsemmija fl-Artikolu 2a tad-Direttiva 77/541/KEE, ibbażati fuq standards internazzjonali eżistenti u ħtiġijiet legali nazzjonali, sabiex jagħtu livell ta' sigurtà ekwivalenti għal din id-Direttiva. Jekk xieraq, il-Kummissjoni għandha tippreżenta abbozz ta' miżuri. Emendi għal din id-Direttiva għandhom jiġu adottati f'konformità ma' l-Artikolu 13 tad-Direttiva 70/156/KEE.

Artikolu 3

Implimentazzjoni

1.   Minn 20 ta' April 2006, fir-rigward ta' l-ankoraġġi għal ċinturini tas-sigurtà, li jikkonformaw mal-ħtiġijiet stabbiliti fid-Direttiva 76/115/KEE kif emendata b'din id-Direttiva, l-Istati Membri m' għandhomx:

(a)

jirrifjutaw li jagħtu approvazzjoni tat-tip tal-KE, jew approvazzjoni ta' tipi nazzjonali, rigward tip ta' vettura;

(b)

jipprojbixxu r-reġistrazzjoni, bejgħ jew dħul fis-servizz ta' vetturi ġodda.

2.   B'effett minn 20 ta' Ottubru 2006, fir-rigward ta' l-ankoraġġi għal ċinturini tas-sigurtà, li ma jikkonformawx mal-ħtiijiet stabbiliti fid-Direttiva 76/115/KEE kif emendata b'din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom, fir-rigward ta' tip ġdid ta' vettura:

(a)

ma jibqgħux jagħtu approvazzjoni tat-tip tal-KE;

(b)

jirrifjutaw li jagħtu approvazzjoni tat-tip nazzjonali.

3.   Minn 20 ta' Ottubru 2007, fir-rigward ta' l-ankoraġġi għal ċinturini tas-sigurtà li ma jikkonformawx mal-ħtiġijiet stabbiliti fid-Direttiva 76/115/KEE kif emendata b'din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom:

(a)

jikkunsidraw iċ-ċertifikati ta' konformità li jakkumpanjaw vetturi ġodda bħala li m' għadhomx validi għall-għan ta' l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 70/156/KEE;

(b)

jirrifjutaw ir-reġistrazzjoni, bejgħ jew dħul fis-servizz ta' vetturi ġodda, ħlief f'każijiet fejn jiġu invokati d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 70/156/KEE.

Artikolu 4

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva qabel 20 ta' April 2006. Għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b'dan minnufih.

2.   Għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet minn 21 ta' April 2006.

3.   Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b'tali referenza meta jkunu ppublikati uffiċjalment. Il-metodi ta' kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

4.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet ewlenija tal-liġi nazzjonali, li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 6

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Strasburgu, nhar is-7 ta' Settembru 2005

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

C. CLARKE


(1)  ĠU C 80, tat-30.3.2004, p. 8.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2003 (ĠU C 91 E, tal-15.4.2004, p. 496), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill ta'l-24 ta' Jannar 2005 (ĠU C 111 E, tal-11.5.2005, p. 23) u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Mejju 2005 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  ĠU C 68, ta' l-24.3.1986, p. 35.

(4)  ĠU L 42, tat-23.2.1970, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/78/KE (ĠU L 153, tat-30.4.2004, p. 103).

(5)  ĠU L 24, tat-30.1.1976, p. 6. Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva tal-Kummissjoni 96/38/KE (ĠU L 187, tas-26.7.1996, p. 95).