6.10.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

208


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2005/18/KE

tat-2 ta' marzu 2005

li temenda d-Direttiva 2001/32/KE dwar ċerti żoni protetti fil-Komunità esposti għal riskji partikolari għas-saħħa tal-pjanti

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta’ Mejju 2000 dwar miżuri ta' ħarsien kontra d-dħul fil-Komunità ta' organiżmi li jagħmlu ħsara lill-pjanti jew lill-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom fil-Komunità (1), u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu ta' l-Artiklu 2(1)(h) tagħha,

Wara li kkunsidrat it-talbiet magħmula mir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, l-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, l-Iżvezja u r-Renju Unit,

Billi:

(1)

Minn informazzjoni mogħtija mir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Greċja (fejn jidħlu Kreta u Lesvos), l-Irlanda, l-Isvezja u r-Renju Unit (inklużi ċ-Channel Islands imma mhux l-Isle of Man), jidher li l-Cryphonectria parasitica (Murrill) Barr. m’hix preżenti fit-territorju ta’ dawk il-pajjiżi. Għalhekk dawk il-pajjiżi għandhom ikunu rikonoxxuti bħala żoni protetti fir-rigward tal-Cryphonectria parasitica (Murrill) Barr.

(2)

Minn informazzjoni mogħtija mid-Danimarka, ibbażata fuq stħarriġ aġġornat, id-Danimarka m’għandhiex aktar tiġi rikonoxxuta bħala żona protetta fir-rigward tal-Beet necrotic yellow vein virus għaliex jidher li dan l-organiżmu ta' ħsara issa huwa stabbilit fid-Danimarka.

(3)

Minn informazzjoni mogħtija mill-Estonja bbażata fuq stħarriġ aġġornat, jidher li l- Erwinia amylovora (Burr.) Winsl. et al. mhumiex preżenti fit-territorju ta’ l-Estonja. Għalhekk, l-Estonja għandha tkun temporanjament rikonoxxuta bħala żona protetta fir-rigward ta' dan l-organiżmu.

(4)

Minn informazzjoni mogħtija mir-Renju Unit, ibbażata fuq stħarriġ aġġornat dwar il-preżenza tad-Dendroctonus micans Kugelan, jidher li dan l-organiżmu ta' ħsara issa huwa stabbilit f’ċerti partijiet tar-Renju Unit imma mhux fl-Irlanda ta' Fuq u l-anqas fl-Isle of Man jew Jersey. Iż-żona protetta għandha għalhekk tkun modifikata u ristretta għall-Irlanda ta' Fuq, l-Isle of Man u Jersey.

(5)

Minn informazzjoni mogħtija mill-Italja bbażata fuq stħarriġ aġġornat u minn informazzjoni oħra miġbura mill-Uffiċju Alimentari u Veterinarju waqt missjoni fl-Italja f'Mejju ta' l-2004, jidher li dan l-organiżmu ta' ħsara issa huwa stabbilit f’dan il-pajjiż. Għalhekk l-Italja m’għandhiex tkun rikonoxxuta aktar bħala żona protetta fir-rigward tas-Citrus tristeza virus (CTV).

(6)

Minn informazzjoni mogħtija mill-Iżvezja, jidher li xi ismijiet ta’ kontei fl-Isvezja rikonoxxuti bħala żoni protetti fir-rigward tal-Leptinotarsa decemlineata Say jinħteġilhom li jigu kkoreġġuti tipografikament.

(7)

Id-Direttiva 2001/32/KE (2) għandha għalhekk tiġi emendata f’dan is-sens.

(8)

Il-miżuri li dwarhom tiddisponi din id-Direttiva huma fi qbil ma' l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2001/32/KE hija emendata kif ġej:

1.

Fl-aħħar ta’ l-Artikolu 1, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“Fil-każ tal-punt (b)(2) ta' l-Anness, iż-żona msemmija ta' l-Estonja hija rikonoxxuta sal-31 ta' Marzu 2007.”

2.

L-Anness huwa emendat skond l-Anness għal din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard mill-14 ta' Mejju 2005, il-liġijiet, regolamenti u dispożiżżjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Huma għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet sa mill-15 ta' Mejju 2005.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn ta' l-aħħar għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikollhom magħhom din ir-referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir din ir-referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li jkunu adottaw fil-qasam li dwaru tiddisponi din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, nhar it-2 ta' Marzu 2005.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1, kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/102/KE, (ĠU L 309, 6.10.2004, p. 9).

(2)  ĠU L 127, 9.5.2001, p. 38, kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/32/KE, (ĠU L 85, 23.3.2004, p. 24).


ANNESS

L-Anness għad-Direttiva 2001/32/KE huwa emendat kif ġej:

1.

Taħt l-intestatura a):

i)

f’ punt 4, it-test fil-kolonna tal-lemin huwa sostitwit b’li ġej:

“il-Greċja, l-Irlanda, r-Renju Unit (l-Irlanda ta' Fuq, l-Isle of Man u Jersey)”

ii)

fil-punt 13, il-kliem “Blekroge, Gotlands” fil-kolonna tal-lemin huwa sostitwit bi “Blekinge, Gotland”.

2.

Taħt l-intestatura b), f'punt 2, “l-Estonja” hija miżjuda qabel “Franza (Korsika)”.

3.

Taħt l-intestatura c), il-punt li ġej jidħol qabel punt 1:

“01.

Cryphonectria parasitica (Murrill) Barr

Ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Greċja (Kreta u Lesvos), l-Irlanda, l-Iżvezja u r-Renju Unit (minbarra l-Isle of Man)”

4.

Taħt l-intestatura d):

i)

f’punt 1), “d-Danimarka” hija mħassra

ii)

f’punt 3), “l-Italja” hija mħassra