9.12.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

57


RAKKOMANDAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta’ Novembru 2005

dwar il-patrimonju ċinematografiku u l-kompetittività ta’ attivitajiet industrijali relatati

(2005/865/KE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 157 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

Billi:

(1)

L-Artikolu 151(4) tat-Trattat jistipula li l-Komunità għandha tieħu kont ta’ l-aspetti kulturali fl-azzjoni tagħha taħt dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat, b’mod partikolari sabiex tirrispetta u tippromwovi d-diversità tal-kulturi tagħha.

(2)

Iċ-ċinematografija hija forma ta’ arti miżmuma fuq mezz fraġli, li għalhekk teħtieġ azzjoni pożittiva mill-awtoritajiet pubbliċi sabiex tiġi żgurata l-preservazzjoni tagħha. Ix-xogħlijiet ċinematografiċi huma komponent essenzjali tal-patrimonju kulturali tagħna u għalhekk jistħoqqilhom protezzjoni sħiħa.

(3)

Apparti l-valur kulturali tagħhom, ix-xogħlijiet ċinematografiċi huma sors ta’ informazzjoni storika dwar is-soċjetà Ewropea. Huma xhieda komprensiva ta’ l-istorja tar-rikezza ta’ l-identitajiet kulturali Ewropej u tad-diversità tal-popli tagħha. L-immaġini ċinematografiċi huma element kruċjali għat-tagħlim dwar il-passat u għal riflessjoni ċivika dwar iċ-ċivilizzazzjoni tagħna.

(4)

Din ir-Rakkomandazzjoni timmira li trawwem sfruttament aħjar tal-potenzjal industrijali u kulturali tal-patrimonju ċinematografiku Ewropew billi tinkoraġġixxi politika ta’ innovazzjoni, riċerka u żvilupp teknoloġiku fil-qasam tal-konservazzjoni u tar-restawr ta’ xogħlijiet ċinematografiċi. L-azzjonijiet li se jkunu rakkomandati aktar ’l isfel jimmiraw sabiex tiġi żgurata l-eżistenza tal-kondizzjonijiet meħtieġa għall-kompetittività ta’ l-industrija ċinematografika Komunitarja u li dawn jaċċeleraw l-iżvilupp ta’ l-istess kompetittività tagħha.

(5)

Il-patrimonju ċinematografiku huwa komponent importanti ta’ l-industrija ċinematografika u l-inkoraġġiment tal-konservazzjoni, tar-restawr u ta’ l-isfruttament tiegħu jista’ jikkontribwixxi sabiex tittejjeb il-kompetittività ta’ dik l-industrija.

(6)

L-iżvilupp ta’ l-industrija ċinematografika Ewropea huwa ta’ importanza ewlenija għall-Ewropa fid-dawl tal-potenzjal sinifikanti tagħha fl-oqsma ta’ aċċess għall-kultura, ta’ l-iżvilupp ekonomiku u tal-ħolqien tax-xogħol. Dan ma jgħoddx biss għall-produzzjoni u l-wiri ta’ films, iżda anke għall-kollezzjoni, għall-katalogazzjoni, għall-preservazzjoni u għar-restawr ta’ xogħlijiet ċinematografiċi. Il-kondizzjonijiet għall-kompetittività ta’ dawn l-attivitajiet industrijali relatati mal-patrimonju ċinematografiku jeħtieġ li jittejbu, speċjalment fir-rigward ta’ l-użu aħjar ta’ żviluppi teknoloġiċi, bħad-diġitalizzazzjoni.

(7)

Huwa meħtieġ li fil-Komunità teżisti industrija ċinematografika li tirnexxi u li tkun innovattiva sabiex dan il-potenzjal jintlaħaq bis-sħiħ. Dan jista’ jiġi faċilitat billi jittejbu l-kondizzjonijiet ta’ konservazzjoni, restawr u sfruttament tal-patrimonju ċinematografiku u billi jitneħħew l-ostakoli għall-iżvilupp u għall-kompetittività sħiħa ta’ l-industrija, b’mod partikolari bil-kollezzjoni, bil-katalogazzjoni, bil-preservazzjoni u bir-restawr tal-patrimonju ċinematografiku u billi dan isir aċċessibbli għall-użu edukattiv, kulturali, ta’ riċerka jew użu ieħor mhux kummerċjali ta’ natura simili, fil-każijiet kollha b’mod konformi mad-drittijiet ta’ l-awtur u d-drittijiet relatati.

(8)

Il-kompetittività ġenerali ta’ l-industrija ċinematografika titjieb permezz ta’ l-iżvilupp ta’ ambjent li jiffavorixxi l-koperazzjoni bejn korpi nominati, li jistgħu jkunu arkivji Ewropej, nazzjonali jew reġjonali, istituti ċinematografiċi jew istituzzjonijiet simili, fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jikkonċernaw il-konservazzjoni u l-protezzjoni tal-patrimonju ċinematografiku.

(9)

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2000 dwar il-konservazzjoni u t-titjib tal-patrimonju ċinematografiku Ewropew (4) sejħet lill-Istati Membri sabiex jikkoperaw fir-restawr u fil-konservazzjoni tal-patrimonju ċinematografiku, anke permezz ta’ rikors għat-teknoloġiji diġitali, sabiex jiġu skambjati prattiċi tajba f’dan il-qasam, sabiex jinkoraġġixxu r-retikolazzjoni progressiva ta’ data arkivistika Ewropea u jikkonsidraw l-użu possibbli ta’ dawn il-kollezzjonijiet għal għanijiet edukattivi.

(10)

Il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tal-Patrimonju Awdjoviżiv tipprovdi li kull parti għandha tintroduċi, b’mezzi leġiżlattivi jew mezzi adegwati oħra, l-obbligu li jiġi depożitat materjal ta’ immaġini li għandhom moviment li jagħmel parti mill-patrimonju awdjoviżiv tagħha u li kien ġie prodott jew ko-prodott fit-territorju tal-parti konċernata.

(11)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Settembru 2001 dwar ċerti aspetti legali relatati ma’ xogħlijiet ċinematografiċi u xogħlijiet awdjoviżivi oħra (5) eżaminat id-depożitu legali ta’ xogħlijiet awdjoviżivi fuq livell nazzjonali jew reġjonali bħala wieħed mill-modi possibbli sabiex jiġi kkonservat u mħares il-patrimonju awdjoviżiv Ewropew u varat eżerċizzju sabiex isir eżami dettaljat tas-sitwazzjoni dwar id-depożitu ta’ xogħlijiet ċinematografiċi fl-Istati Membri.

(12)

Fil-laqgħa tal-Kunsill (Affarijiet Kulturali/Awdjoviżivi) tal-5 ta’ Novembru 2001, il-President tal-Kunsill innota li l-kontenut tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni kien ġie milqugħ favorevolment mill-Kunsill.

(13)

Fir-Riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta’ Lulju 2002 (6) dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew saħaq fuq l-importanza li jiġi mħares il-patrimonju ċinematografiku u appoġġja l-approċċ tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Ħarsien tal-Patrimonju Awdjoviżiv, li hija referenza importanti fiż-żminijiet ta’ bidliet teknoloġiċi intensivi. Il-bidla gradwali għal teknoliġiji diġitali se tippermetti kompetittività akbar ta’ l-industrija ċinematografika Ewropea u tikkontribwixxi għal tnaqqis fl-ispejjeż fil-katalogazzjoni, fid-depożitu, fil-konservazzjoni, u fir-restawr ta’ xogħolijiet awdjoviżivi tul medda ta’ żmien. Fl-istess waqt, din toħloq opportunitajiet ġodda għall-innovazzjoni fil-qasam tal-ħarsien tal-patrimonju ċinematografiku.

(14)

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill ta’ l-24 ta’ Novembru 2003 dwar id-depożitu ta’ xogħlijiet ċinematografiċi fl-Unjoni Ewropea (7) stiednet lill-Istati Membri sabiex joħolqu sistema effiċjenti ta’ depożitu u preservazzjoni, jekk tali sistemi għadhom ma jeżistux, tax-xogħlijiet ċinematografiċi li jagħmlu parti mill-patrimonju awdjoviżiv tagħhom fl-arkivji nazzjonali, fl-istituti ċinematografiċi jew f’istituzzjonijiet simili tagħhom.

(15)

L-Istati Membri kollha diġà għandhom sistemi stabbiliti għall-ġbir u l-preservazzjoni ta’ xogħlijiet ċinematografiċi li jagħmlu parti mill-patrimonju awdjoviżiv tagħhom. Erbgħa minn kull ħamsa ta’ dawn is-sistemi huma bbażati fuq obbligu legali jew kontrattwali li jiġu depożitati l-films kollha, jew għall-inqas dawk il-films li ngħataw finanzjament pubbliku.

(16)

“Materjal ta’ immaġini li għandhom moviment” tfisser kwalunkwe sett ta’ immaġini li għandhom moviment reġistrat bi kwalunkwe, u fuq kwalunkwe, mezz, kemm jekk akkumpanjati bil-ħoss kif ukoll jekk le, li jkunu kapaċi jagħtu l-impressjoni ta’ moviment.

(17)

“Xogħol ċinematografiku” tfisser materjal ta’ immaġini li għandhom moviment ta’ kwalunkwe tul, b’mod partikolari xogħlijiet ċinematografiċi fittizji, cartoons u dokumentarji, li jkunu ntiżi biex jintwerew fis-swali taċ-ċinema.

(18)

“Xogħlijiet ċinematografiċi li jagħmlu parti mill-patrimonju awdjoviżiv tagħhom” tfisser produzzjonijiet ta’ films inklużi ko-produzzjonijiet ma’ Stati Membri oħra u/jew pajjiżi terzi, kwalifikati bħala tali mill-Istati Membri jew minn korpi nominati minnhom, abbażi ta’ kriterji oġġettivi, trasparenti u non-diskriminatorji. Il-patrimonji awdjoviżivi ta’ l-Istati Membri fil-kollettività tagħhom jikkostitwixxu l-patrimonju awdjoviżiv Ewropew.

(19)

Sabiex jiġi żgurat li l-patrimonju ċinematografiku Ewropew jiġi mgħoddi lill-ġenerazzjonijiet futuri, għandu jiġi miġbur, katalogat, preservat u restawrat, sistematikament fil-każijiet kollha b’mod konformi mad-drittijiet ta’ l-awtur u d-drittijiet relatati.

(20)

Il-patrimonju ċinematografiku Ewropew għandu jsir iżjed aċċessibbli għall-użu edukattiv, kulturali, ta’ riċerka jew użu mhux kummerċjali ieħor ta’ natura simili, fil-każijiet kollha b’mod konformi mad-drittijiet ta’ l-awtur u d-drittijiet relatati.

(21)

It-trasferiment tal-pussess ta’ xogħlijiet ċinematografiċi lill-korpi ta’ arkivjazzjoni ma jimplikax it-trasferiment tad-drittijiet ta’ l-awtur u d-drittijiet relatati magħhom.

(22)

L-Artikolu 5(2)(ċ) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (8) jistipula li l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal eċċezzjoni jew limitazzjoni fir-rigward ta’ atti speċifiċi ta’ riproduzzjoni magħmula minn libreriji jew arkivji aċċessibbli għall-pubbliku li mhumiex għal vantaġġ ekonomiku jew kummerċjali dirett jew indirett.

JIEĦDU NOTA TA’ L-INTENZJONI TAL-KUMMISSJONI:

1.

li tikkonsidra li tintroduċi l-obbligu għall-benefiċjarji ta’ finanzjament mill-UE li jiddepożitaw ġewwa għall-inqas arkivju nazzjonali wieħed, kopja ta’ films Ewropej li ngħataw finanzjament mill-UE;

2.

li ssostni l-koperazzjoni bejn korpi nominati;

3.

li tikkonsidra l-finanzjament ta’ proġetti ta’ riċerka fl-oqsma tal-preservazzjoni għal żmien twil u tar-restawr tal-films;

4.

li tippromwovi l-istandardizzazzjoni Ewropea tal-katalogazzjoni ta’ films, bil-għan li ttejjeb l-interoperabbiltà ta’ databases, ukoll permezz ta’ kofinanzjament ta’ proġetti ta’ standardizzazzjoni u permezz tat-titjib ta’ l-iskambju ta’ l-aħjar prattiċi, filwaqt li tirrispetta d-diversità lingwistika;

5.

li tiffaċilita n-negozjar ta’ kuntratt standard fuq livell Ewropew bejn il-korpi nominati u d-detenturi tad-drittijiet li jistipula l-kondizzjonijiet li taħthom il-korpi nominati jistgħu jagħmlu aċċessibbli għall-pubbliku xogħlijiet ċinematografiċi depożitati;

6.

li tissorvelja u tivvaluta l-limiti sa fejn il-miżuri stabbiliti f’din ir-rakkomandazzjoni jiffunzjonaw tajjeb, u tikkonsidra l-bżonn ta’ azzjoni ulterjuri.

B’DAN JIRRAKKOMANDAW LI L-ISTATI MEMBRI jtejbu l-kondizzjonijiet ta’ konservazzjoni, restawr u sfruttament tal-patrimonju ċinematografiku u jneħħu l-ostakoli għall-iżvilupp u għall-kompetittività sħiħa ta’ l-industrija ċinematografika Ewropea billi:

1.

jrawmu sfruttament aħjar tal-potenzjal industrijali u kulturali tal-patrimonju ċinematografiku Ewropew permezz ta’ miżuri sistematiċi ta’ konservazzjoni u restawr billi jħeġġu politika ta’ innovazzjoni, riċerka u żvilupp teknoloġiku fil-qasam tal-konservazzjoni u tar-restawr ta’ xogħlijiet ċinematografiċi;

2.

jadottaw sa 16 ta' Novembru 2007, miżuri leġiżlattivi, amministrattivi jew miżuri oħra suffiċjenti sabiex jiżguraw li xogħlijiet ċinematografiċi li jagħmlu parti mill-patrimonju awdjoviżiv tagħhom jiġu miġbura, katalogati, preservati u restawrati sistematikament u li jkunu aċċessibbli għall-użu edukattiv, kulturali, ta’ riċerka jew użu ieħor li hu ta’ natura simili iżda mhux kummerċjali, fil-każijiet kollha b’mod konformi mad-drittijiet ta’ l-awtur u d-drittijiet relatati;

3.

jinnominaw il-korpi xierqa sabiex iwettqu d-doveri ta’ interess pubbliku deskritti fil-punt 2 b’indipendenza u professjonalità, u jiżguraw li jiġu provduti bl-aħjar riżorsi finanzjarji u tekniċi disponibbli;

4.

jħeġġu lill-korpi nominati sabiex jispeċifikaw, bi ftehim jew b’kuntratt mad-detenturi tad-drittijiet, il-kondizzjonijiet li taħthom xogħlijiet ċinematografiċi depożitati jistgħu jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku;

5.

jikkunsidraw, b’mod partikolari bil-ħsieb li jiġi promoss il-patrimonju ċinematografiku, li jistabbilixxu jew li jsostnu akkademji ċinematografiċi nazzjonali jew korpi simili;

6.

jadottaw miżuri suffiċjenti sabiex jiżdied l-użu tat-teknoloġiji diġitali u ġodda fil-ġbir, fil-katalogazzjoni, fil-preservazzjoni u fir-restawr ta’ xogħlijiet ċinematografiċi;

Ġbir

7.

iwettqu ġbir sistematiku ta’ xogħlijiet ċinematografiċi li jagħmlu parti mill-patrimonju awdjoviżiv tagħhom permezz ta’ obbligu legali jew kontrattwali għad-depożitu ta’ għall-inqas kopja waħda ta’ kwalità għolja ta’ tali xogħlijiet ċinematografiċi ma’ korpi nominati. Meta jistipulaw il-kondizzjonijiet għad-depożitu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a)

għal żmien ta’ tranżizzjoni ikopru dawk il-produzzjonijiet jew ko-produzzjonijiet li jkunu rċivew finanzjament pubbliku fuq livell nazzjonali jew reġjonali; wara li jkun għadda dan iż-żmien ta’ tranżizzjoni, għandhom ikopru, sa fejn ikun prattikabbli, il-produzzjonijiet kollha, inklużi dawk li ma jkunu rċivew ebda finanzjament pubbliku,

(b)

ix-xogħlijiet ċinematografiċi depożitati ikunu ta’ kwalità teknika tajba, sabiex jiġu faċilitati l-preservazzjoni u r-riproduċibbiltà, akkumpanjati b’metadata f’forma kif xieraq standardizzata,

(ċ)

id-depożitu jsir meta l-film isir disponsibbli għall-pubbliku, u fi kwalunkwe każ mhux iżjed tard minn sentejn wara;

Katalogazzjoni u tħejjija ta’ databases

8.

jadottaw miżuri adegwati (li eventwalment jistgħu jwasslu għal kodiċi ta’ arkivjazzjoni tal-produzzjoni ċinematografika) sabiex jippromwovu l-katalogazzjoni u l- indiċizzazzjoni ta’ xogħlijiet ċinematografiċi depożitati u sabiex iħeġġu t-tħejjija ta’ databases li jikkontjenu informazzjoni dwar il-films, bl-użu ta’ standards Ewropej u internazzjonali;

9.

jippromwovu l-istandardizzazzjoni Ewropea u l-interoperabbiltà ta’ databases ta’ filmografija u d-disponibbiltà tagħhom għall-pubbliku, per eżempju, permezz ta’ l-internet, speċjalment permezz ta’ l-involviment attiv tal-korpi nominati;

10.

jesploraw il-possibbiltà li jistabbilixxu retikolat ta’ databases li jikkomprendi l-patrimonju awdjoviżiv Ewropew flimkien ma’ l-organizzazzjonijiet kompetenti, b’mod partikolari l-Kunsill ta’ l-Ewropa (l-Eurimages u l-Osservatorju Awdjoviziv Ewropew);

11.

jistiednu korpi ta’ arkivjazzjoni sabiex jivvalorizzaw l-istokkijiet billi jorganizzawhom f’kollezzjonijiet fil-livell ta’ l-UE, per eżempju, skond it-tema, l-awtur u l-perjodu;

Preservazzjoni

12.

jadottaw leġiżlazzjoni jew jużaw metodi oħra b’mod konformi ma’ prattiċi nazzjonali sabiex jiżguraw il-preservazzjoni ta’ xogħlijiet ċinematografiċi depożitati. Il-miżuri ta’ preservazzjoni għandhom jinkludu, b’mod partikolari:

(a)

ir-riproduzzjoni ta’ films fuq mezzi ġodda ta’ ħżin;

(b)

il-preservazzjoni ta’ tagħmir għall-wiri ta’ xogħlijiet ċinematografiċi fuq mezzi differenti;

Restawr

13.

jintroduċu l-miżuri adegwati kollha sabiex jippermettu, fil-liġijiet tagħhom, ir-riproduzzjoni ta’ xogħlijiet ċinematografiċi depożitati għall-iskop ta’ restawr filwaqt li jippermettu li d-detenturi tad-drittijiet jibbenefikaw mill-potenzjal industrijali mtejjeb tax-xogħlijiet tagħhom li jirriżulta minn dak ir-restawr abbażi ta’ ftehim bejn il-partijiet interessati kollha;

14.

iħeġġu proġetti għar-restawr ta’ films antiki jew films b’valur kulturali jew storiku għoli;

Aċċessibbiltà, ta’ xogħlijiet ċinematografiċi depożitati, għall-użu edukattiv, kulturali, ta’ riċerka jew użu ieħor li hu ta’ natura simili iżda mhux kummerċjali

15.

jadottaw il-miżuri leġiżlattivi jew amministrattivi meħtieġa sabiex jippermettu lill-korpi nominati li jagħmlu xogħlijiet ċinematografiċi depożitati aċċessibbli għall-użu edukattiv, kulturali, ta’ riċerka, jew użu ieħor li hu ta’ natura simili iżda mhux kummerċjali, fil-każijiet kollha b’mod konformi ma’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati;

16.

jieħdu miżuri adegwati sabiex jiżguraw l-aċċess għal persuni b’diżabbiltà għax-xogħlijiet ċinematografiċi depożitati, fil-każijiet kollha b’mod konformi ma’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati;

Taħriġ professjonali u familjarizzazzjoni mal-media

17.

jippromwovu taħriġ professjonali fl-oqsma kollha relatati mal-patrimonju ċinematografiku sabiex jitrawwem sfruttament aħjar tal-potenzjal industrijali tal-patrimonju ċinematografiku;

18.

jippromwovu l-użu tal-patrimonju ċinematografiku bħala mod ta’ tisħiħ tad-dimensjoni Ewropea fl-edukazzjoni u fil-promozzjoni tad-diversità kulturali;

19.

irawmu u jippromwovu l-edukazzjoni viżiva, l-istudji ċinematografiċi u l- familjarizzazzjoni mal-media fl-edukazzjoni fil-livelli kollha, fi programmi ta’ taħriġ professjonali u fi programmi Ewropej;

20.

jippromwovu koperazzjoni mill-qrib bejn il-produtturi, id-distributuri, ix-xandara u l-istituti ċinematografiċi għal skopijiet edukattivi filwaqt li jirrispettaw id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati;

Depożitu

21.

jikkonsidraw it-twaqqif ta’ sistema ta’ depożitu volontarju jew obbligatorju ta’:

(a)

materjal anċillari jew pubbliċitarju relatat ma’ xogħlijiet ċinematografiċi li jifformaw parti mill-patrimonju awdjoviżiv nazzjonali,

(b)

xogħlijiet ċinematografiċi li jifformaw parti mill-patrimonju awdjoviżiv nazzjonali minn pajjiżi oħra,

(ċ)

materjal ta’ immaġini li għandhom moviment divers minn xogħlijiet ċinematografiċi,

(d)

xogħlijiet ċinematografiċi ta’ l-imgħoddi.

Koperazzjoni bejn korpi nominati

22.

jħeġġu, u jsostnu korpi nominati għall-iskop ta’ l-iskambju ta’ informazzjoni u tal-koordinazzjoni ta’ l-attivitajiet tagħhom fil-livelli nazzjonali u Ewropej sabiex per eżempju:

(a)

jiżguraw il-koerenza fil-metodi ta’ ġbir u konservazzjoni u l-interoperabbiltà ta’ databases,

(b)

jirrilaxxaw, per eżempju fuq DVDs, materjal arkivistiku b’sottotitoli f’kemm lingwi ta’ l-Unjoni Ewropea huwa possibbli, fil-każijiet kollha b’mod konformi ma’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati,

(ċ)

jikkompilaw filmografija Ewropea,

(d)

jiżviluppaw standard komuni għall-iskambju elettroniku ta’ informazzjoni,

(e)

jipproduċu proġetti ta’ riċerka u edukattivi komuni, filwaqt li jippromwovu l-iżvilupp ta’ retikolati Ewropej ta’ skejjel u mużewijiet ċinematografiċi.

Azzjoni ta’ segwitu għal din ir-Rakkomandazzjoni

23.

jinformaw lill-Kummissjoni kull sentejn bl-azzjoni meħuda b’tweġiba għal din ir-Rakkomandazzjoni.

Magħmula fi Strasburgu, nhar is-16 ta’ Novembru 2005.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għal-Kunsill

Il-President

Batch of LUTTERWORTH


(1)  ĠU C 123, tat-30.4.2004, p. 4.

(2)  ĠU C 74, tat-23.2.2005, p. 18.

(3)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta’ l-10 ta’ Mejju 2005 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ l-24 ta’ Ottubru 2005.

(4)  ĠU C 193, tal-11.7.2000, p. 1.

(5)  ĠU C 43, tas-16.2.2002, p. 6.

(6)  ĠU C 271 E, tat-12.11.2003, p. 176.

(7)  ĠU C 295, tal-5.12.2003, p. 5.

(8)  ĠU L 167, tat-22.6.2001, p. 10.