3.11.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

23


RAKKOMANDAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-28 ta' Settembru 2005

biex jiġi faċilitat il-ħruġ mill-Istati Membri ta' viżi għal waqfiet qosra uniformi għal riċerkaturi minn pajjiżi terzi li jkunu qed jivvjaġġaw fil-Komunità bil-għan li jagħmlu riċerka xjentifika

(2005/761/KE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 62(2)(b)(ii) tiegħu,

Wara li kkunsidraw l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

Billi:

(1)

Bil-għan li tiġi konsolidata u ristrutturata l-politika Ewropea dwar ir-riċerka, il-Kummissjoni ddikjarat fil-Komunikazzjoni tagħha tat-18 ta' Jannar 2000 bit-titolu “Lejn Żona Ewropea ta' Riċerka” li kien jeħtieġ li tinħoloq żona Ewropea ta' riċerka bħala ċ-ċentru ta' azzjoni futura mill-Komunità f'dan il-qasam.

(2)

Fil-laqgħa tiegħu f'Lisbona fit-23 u l-24 ta' Marzu 2000, il-Kunsill Ewropew, filwaqt li endorsja ż-Żona Ewropea ta' Riċerka, stabbilixxa għall-Komunità l-mira li ssir l-ekonomija bbażata fuq l-għarfien l-iktar kompetittiva u dinamika fid-dinja sas-sena 2010.

(3)

Il-globalizzazzjoni ta' l-ekonomija titlob mobilità akbar għal riċerkaturi, ħaġa li ġiet rikonoxxuta mis-Sitt Programm Kwadru tal-Komunità għar-Riċerka (4) meta fetaħ iktar il-programmi tiegħu għal riċerkaturi minn pajjiżi terzi.

(4)

In-numru ta' riċerkaturi li l-Komunità jkollha bżonn biex tilħaq l-objettiv stabbilit mill-Kunsill Ewropew fil-laqgħa tiegħu f'Barċellona fil-15 u s-16 ta' Marzu 2002 li jiġi investit 3 % tal-GDP fir-riċerka huwa kkalkulat li jkun 700 000. Jeħtieġ li dan l-objettiv jintlaħaq permezz ta' sensiela ta' miżuri konverġenti, per eżempju, billi karrieri fix-xjenza jsiru aktar attraenti għaż-żgħażagħ, billi jiġi promoss l-involviment tan-nisa fir-riċerka xjentifika, billi jiżdiedu l-opportunitajiet għal taħriġ u mobbiltà fir-riċerka, billi jittejbu l-prospetti għall-karrieri ta' riċerkaturi fil-Komunità u billi l-Komunità tinfetaħ għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li jistgħu jitħallew jidħlu u jivvjaġġaw fiżżona komuni għal skopijiet ta' riċerka.

(5)

Sabiex ikunu iktar kompetitivi u attraenti fuq livell internazzjonali, Stati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jiffaċilitaw id-dħul u l-moviment ta' riċerkaturi fi ħdan il-Komunità għal perijodi qosra.

(6)

Għal waqfiet qosra, Stati Membri għandhom jintrabtu li jikkunsidraw riċerkaturi minn pajjiżi terzi soġġetti għal ħtieġa ta' viża taħt ir-Regolament (KE) Nru. 539/2001 (5) bħala persuni li qed jaġixxu in bona fide u jestendu għalihom il-vantaġġi previsti fl-acquis communautaire għall-iskop ta' proċeduri biex jinħarġu viżi għal waqfiet qosra.

(7)

Għandhom jittieħdu miżuri biex jinkoraġġixxu l-iskambju ta' informazzjoni u l-aħjar prattiki sabiex jittejbu l-proċeduri biex jinħarġu viżi għal waqfiet qosra għal riċerkaturi.

(8)

Din ir-Rakkomandazzjoni tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tħares il-prinċipji stabbiliti, b'mod partikolari, mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea.

(9)

Skond l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka ma tieħux sehem fl-adozzjoni ta' din ir-Rakkomandazzjoni u mhix affetwata minnha. Minħabba li din ir-Rakkomandazzjoni tibni fuq l-acquis ta' Schengen taħt id-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV Parti Tlieta, tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, d-Danimarka għandha, skond l-Artikolu 5 ta' l-imsemmi Protokoll, tiddeċiedi fi żmien sitt xhur wara li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu adottaw din ir-Rakkomandazzjoni jekk hijiex ser timplimentaha fil-liġi nazzjonali tagħha.

(10)

Din ir-Rakkomandazzjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispozzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen, li fih ir-Renju Unit ma jieħux sehem, skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq biex jieħdu sehem f'xi dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen (6); għalhekk r-Renju Unit mhux se jieħu sehem fl-adozzjoni tagħha u mhux affetwat minnha.

(11)

Din ir-Rakkomandazzjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispozzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen, li fih l-Irlanda ma tieħux sehem, skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 dwar it-talba ta' l-Irlanda biex tieħu sehem f'xi dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen (7); għalhekk l-Irlanda mhix se tieħu sehem fl-adozzjoni tagħha u mhix affetwata minnha.

(12)

Fir-rigward ta' l-Iżlanda u n-Norveġja, din ir-Rakkomandazzjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen fit-tifsira tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' l-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawk iż-żewġ Stati ma l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta' l-acquis ta' Schengen (8), li jaqa' fil-qasam msemmi fil-punt B ta' l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim (9).

(13)

Fir-rigward ta' l-Iżvizzera, din ir-Rakkomandazzjoni tikkostitwixxi żvilupp ulterjuri tad-dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen skond it-tifsira tal-Ftehim iffirmat bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni ta' l-Iżvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni ta' l-Iżvizzera ma' l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta' l-acquis ta' Schengen, li jaqa' fil-qasam msemmi tal-Artikolu 1, Punt B tad-Deċiżjoni 1999/437/KE meta moqri flimkien ma' l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/849/KE (10) u tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/860/KE (11) dwar l-iffirmar f'isem l-Unjoni Ewropea u dwar l-iffirmar f'isem il-Komunità Ewropea, u dwar l-applikazzjoni proviżorja ta' ċerti dispożizzjonijiet ta' dak il-Ftehim.

(14)

Din ir-Rakkomandazzjoni tikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta' Schengen jew inkella relatat miegħu, skond it-tifsira ta' l-Artikolu 3(2) ta' l-Att ta' Adeżjoni ta' l-2003.

(15)

Din ir-Rakkomandazzjoni hija wkoll intiża li tipprovdi formula flessibbli għal riċerkaturi li jixtiequ jżommu rabta professjonali ma' xi organizzazzjoni fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom (per eżempju, billi kull semestru jagħmlu sa tliet xhur f'organizzazzjoni ospitanti ta' riċerka Ewropea li tkun fiż-żona komuni waqt li għall-bqija taż-żmien ikomplu jaħdmu fl-organizzazzjoni ta' riċerka ta' l-oriġini).

B'DAN JIRRAKKOMANDAW LILL-ISTATI MEMBRI:

1.

li jiffaċilitaw il-ħruġ ta' viżi billi jieħdu impenn li jħaffu l-eżami ta' applikazzjonijiet ta' viżi minn riċerkaturi minn pajjiżi terzi soġġetti għal ħtieġa ta' viża taħt ir-Regolament (KE) Nru 539/2001;

2.

li jippromwovu l-mobilità internazzjonali ta' riċerkaturi minn pajjiżi terzi li jeħtieġu jivvjaġġaw ta' spiss fl-Unjoni Ewropea billi jinħarġu għalihom viżi għal dħul multiplu. Għad-determinazzjoni tal-perijodu ta' validità tal-viżi, jeħtieġ li l-Istati Membri jqisu d-dewmien tal-programmi ta' riċerka li r-riċerkaturi jieħdu sehem fihom;

3.

li jieħdu impenn li tiġi faċilitata l-adozzjoni ta' approċċ armonizzat lejn l-evidenza ta' sostenn li r-riċerkaturi huma meħtieġa li jdaħħlu fl-applikazzjoni tal-viża tagħhom. Huma għandhom jikkonsultaw l-organizzazzjonijiet ta' riċerka approvati dwar din il-kwistjoni;

4.

li jinkoraġġixxu l-ħruġ ta' viżi mingħajr miżati amministrattivi għal riċerkaturi, skond ir-regoli stabbiliti fl-acquis communautaire;

5.

li jqisu l-għan li jiġi ffaċilitat il-ħruġ ta' viżi għal riċerkaturi minn pajjiżi terzi meta jkunu qed jaħdmu f'koperazzjoni konsulari lokali, sabiex jiġi promoss l-iskambju ta' l-aħjar prattiki;

6.

li jieħdu impenn li jagħtu lill-Kummissjoni, sat-28 ta' Settembru 2006, informazzjoni dwar l-aħjar prattiki adottati biex jiġi ffaċilitat il-ħruġ ta' viżi uniformi għal riċerkaturi, sabiex din tkun tista' tivvaluta l-progress li jkun sar. Filwaqt li jiġi kkunsidrat jekk ġietx adottata jew le d-direttiva dwar proċedura speċifika biex ċittadini ta' pajjiżi terzi jitħallew jidħlu għall-iskopijiet ta' riċerka xjentifika (12), kif ukoll ir-riżultat ta' l-evalwazzjoni, jeħtieġ li tiġi eżaminata l-possibiltà li d-dispożizzjonijiet ta' din ir-Rakkomandazzjoni jiġu nkorporati fi strument xieraq li jorbot legalment.

Magħmul fi Strasburgu, it-28 ta' Settembru 2005.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

D. ALEXANDER


(1)  ĠU C 120, ta' l-20.5.2005, p. 60.

(2)  ĠU C 71, tat-22.3.2005, p. 6.

(3)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' April 2005 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2005.

(4)  Deċiżjoni Nru 1513/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2002 dwar is-Sitt Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u attivitajiet ta' dimostrazzjoni, li jikkontribwixxi għall-ħolqien ta' Żona Ewropea ta' Riċerka u għall-innovazzjoni (2002 sa 2006) (ĠU L 232, tad-29.8.2002, p. 1). Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni Nru. 786/2004/KE (ĠU L 138, tat-30.4.2004, p. 7).

(5)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 539/2001 tal-15 ta' Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viżi meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dak ir-rekwiżit (ĠU L 81, tal-21.3.2001, p. 1). Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru. 851/2005 (ĠU L 141, ta' l-4.6.2005, p. 3).

(6)  ĠU L 131, ta' l-1.6.2000, p. 43.

(7)  ĠU L 64, tas-7.3.2002, p. 20.

(8)  ĠU L 176, ta' l-10.7.1999, p. 36.

(9)  ĠU L 176, ta' l-10.7.1999, p. 31.

(10)  ĠU L 368, tal-15.12.2004, p. 26.

(11)  ĠU L 370, tas-17.12.2004, p. 78.

(12)  Nota għall-ĠU: ara dok. 16188/04.