29.6.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

191


POŻIZZJONI KOMUNI TAL-KUNSILL 2005/888/PESK

tat-12 ta' Diċembru 2005

dwar miżuri restrittivi speċifiċi kontra ċerti persuni suspettati b'involviment fl-assassinju tal-Prim Ministru Libaniż preċedenti Rafiq Hariri

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 15 tiegħu,

Billi:

(1)

Fil-31 ta' Ottubru 2005, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 1636 (2005) (“UNSCR 1636 (2005)”) li tirrikonoxxi r-rapport tal-Kummissjoni Internazzjonali ta' Investigazzjoni tan-NU preseduta mis-Sur Detlev Mehlis dwar l-attentat terroristiku bil-bombi li sar fl-14 ta' Frar 2005, f'Beirut, il-Libanu, li qatel 23 persuna, inkluż il-Prim Ministru Libaniż preċedenti Rafiq Hariri, u li bih korrew bosta nies (“il-Kummissjoni ta' Investigazzjoni”).

(2)

L-UNSCR 1636 (2005) timponi miżuri għall-prevenzjoni tad-dħul jew tat-transitu fit-territorji ta' l-Istati Membri, u l-iffriżar ta' fondi u riżorsi ekonomiċi, ta' persuni reġistrati mill-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà stabbilit fil-paragrafu 3(b) ta' l-UNSCR 1636 (2005) (“il-Kumitat”) bħala suspettati b'involviment fl-ippjanar, fl-isponsorjar, fl-organizzazzjoni jew fit-twettiq ta' l-attentat terroristiku bil-bombi.

(3)

Fis-7 ta' Novembru 2005, il-Kunsill adotta l-konklużjonijiet tiegħu dwar is-Sirja u l-Libanu. Il-Kunsill iddeplora l-indikazzjoni ċara li s-Sirja ma kkoperatx b'mod sħiħ mal-grupp ta' investigazzjoni u għamlet sejħa lis-Sirja sabiex tikkopera mingħajr kondizzjonijiet ma' l-investigaturi.

(4)

Hija meħtieġa azzjoni mill-Komunitá sabiex jiġu implementati ċerti miżuri,

ADOTTA DIN IL-POŻIZZJONI KOMUNI:

Artikolu 1

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa għall-prevenzjoni tad-dħul jew tat-transitu fit-territorji tagħhom tal-persuni fiżiċi elenkati fl-Anness ma' din il-Pożizzjoni Komuni.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux jobbliga Stat Membru li jirrifjuta d-dħul fit-territorju tiegħu taċ-ċittadini tiegħu stess.

3.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika fejn il-Kumitat jiddetermina, minn qabel u fuq bażi ta' każ b'każ, li tali vjaġġar huwa ġustifikat għal raġunijiet ta' ħtieġa umanitarja, inkluż l-obbligu reliġjuz, jew fejn il-Kumitat jikkonkludi li eżenzjoni tippromwovi l-objettivi ta' l-UNSCR 1636 (2005).

4.   F'każijiet fejn skond il-paragrafu 3 u konformement mad-determinazzjonijiet tal-Kumitat, Stat Membru jawtorizza d-dħul jew it-transitu fit-territorju tiegħu ta' persuni elenkati fl-Anness, l-awtorizzazzjoni għandha tkun limitata għall-iskop li għalih tkun mogħtija u għall-persuni interessati minnha.

Artikolu 2

1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lill-persuni fiżiċi elenkati fl-Anness, jew li huma proprjetà, jew jinsabu fil-pussess, tagħhom, jew li huma kontrollati minnhom, jew li jinsabu fil-pussess ta' entitajiet li huma proprjetà ta', jew kontrollati b'mod dirett jew indirett minn, tali persuni jew kwalunkwe persuna li taġixxi f'isimhom jew fuq id-direzzjoni tagħhom, kif elenkati fl-Anness, għandhom jiġu ffriżati.

2.   L-ebda fondi jew riżorsi ekonomiċi ma għandhom isiru disponibbli, b'mod dirett jew indirett, lil jew għall-benefiċċju tal-persuni u l-entitajiet elenkati fl-Anness I.

3.   Sakemm ġew approvati mill-Kumitat, jistgħu jsiru eżenzjonijiet għal fondi u riżorsi ekonomiċi li jkunu:

(a)

neċessarji għal spejjeż bażiċi, inklużi ħlasijiet għal prodotti ta' l-ikel, ħlasijiet ta' kera jew ta' ipoteka, ħlasijiet għal mediċini u għal kura medika, ħlasijiet ta' taxxi, ta' premiums ta' assigurazzjoni, u ħlasijiet ta' kontijiet għal servizzi ta' l-utilità pubblika;

(b)

maħsuba esklussivament għall-ħlas ta' onorarji professjonali raġonevoli u għar-rimbors ta' spejjeż magħmula li jkunu assoċjati ma' l-għoti ta' servizzi legali;

(ċ)

maħsuba esklussivament għall-ħlas ta' miżati jew ta' kontijiet għal servizzi, għaż-żamma jew manteniment normali ta' fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati.

4.   Il-paragrafu 2 ma għandux japplika għaż-żieda fil-kontijiet iffriżati ta' interess jew dħul ieħor fuq dawk il-kontijiet, sakemm kwalunkwe interess jew dħul ieħor bħal dawn jibqgħu suġġetti għall-paragrafu 1.

Artikolu 3

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw, konformement mal-liġi applikabbli, li jekk persuna fiżika elenkata fl-Anness tinsab fit-territorju tagħhom, tali persuna tkun disponibbli għal intervista mill-Kummissjoni ta' Investigazzjoni jekk dik il-Kummissjoni hekk titlob.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkoperaw b'mod sħiħ, konformement mal-liġi applikabbli, ma' kwalunkwe investigazzjoni internazzjonali relatata mal-fondi jew mar-riżorsi ekonomiċi jew mat-transazzjonijiet finanzjarji ta' persuni jew entitajiet elenkati fl-Anness, anke permezz tal-qsim ta' informazzjoni finanzjarja.

Artikolu 4

Il-Kunsill għandu jistabbilixxi l-lista ta' persuni relevanti u ta' entitajiet u persuni relatati li tinsab fl-Anness u jimplementa kwalunkwe modifika tagħha abbażi tad-determinazzjonijiet magħmula mill-Kumitat.

Artikolu 5

Din il-Pożizzjoni Komuni għandha tibda jkollha effett fid-data ta' l-adozzjoni tagħha.

Artikolu 6

Din il-Pożizzjoni Komuni għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell, nhar it-12 ta' Diċembru 2005.

Għall-Kunsill

Il-President

J. STRAW


ANNESS

Lista ta' persuni fiżiċi u ta' entitajiet imsemmija fl-Artikoli 1, 2 u 3

(Anness li għandu jiġi kompletat wara li l-persuni u l-entitajiet ikunu ġew reġistrati mill-Kumitat stabbilit fil-paragrafu 3(b) ta' l-UNSCR 1636 (2005)