27.12.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

34


ID-DEĊIŻJONI Nru 2113/2005/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

ta’ l-14 ta’ Diċembru 2005

li temenda d-Deċiżjoni Nru 2256/2003/KE bil-ħsieb li jiġi estiż il-programm fl-2006 għad-disseminazzjoni ta’ prattiki tajbin u l-monitoraġġ ta’ l-adozzjoni tat-Teknoloġiji ta’ l-Informazzjoni u tat-Telekomunikazzjoni (ICTs)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 157 (3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni Nru 2256/2003/KE (3) stabbiliet il-programm MODINIS għall-monitoraġġ tal-Pjan ta’ Azzjoni eEurope 2005, id-disseminazzjoni ta’ prattiki tajbin u t-titjib tas-sigurtà tan-networks u ta’ l-informazzjoni għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2003 sal-31 ta’ Diċembru 2005.

(2)

Id-Deċiżjoni Nru 2256/2003/KE ġiet emendata mid-Deċiżjoni Nru 787/2004/KE sabiex jiġu adattati l-ammonti referenzjarji biex jittieħed kont tat-tkabbir ta’ l-Unjoni Ewropea.

(3)

Fir-Riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Diċembru 2004 dwar ħarsa lejn il-futur tat-Tekonoloġiji ta’ l-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICT) (4), il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni sabiex tibda l-ħidma bi tħejjija għas-segwiment tal-pjan ta’ azzjoni eEurope 2005 bħala parti importanti ta’ l-Aġenda l-ġdida għas-Soċjetà ta’ l-Informazzjoni ‘l hinn mill-2005.

(4)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Novembru 2004, imsejħa “L-Isfidi għas-Soċjetà Ewropea ta’ l-Informazzjoni wara l-2005” tanalizza l-isfidi li jeħtieġ li tindirizza strateġija għal Soċjetà Ewropea ta’ l-Informazzjoni sa l-2010. Din tisħaq favur użu usa’ ta’ l-ICT u għal tkomplija ta’ l-attenzjoni politika lejn kwistjonijiet konnessi ma’ l-ICTs, li tinvolvi l-ħtieġa għall-monitoraġġ u l-iskambju ta’ prattiki tajbin. Dik il-komunikazzjoni kienet il-punt tat-tluq għal proċess ta’ riflessjoni li wassal għal inizjattiva ġdida tas-Soċjetà ta’ l-Informazzjoni fl-2005, li ser titnieda fl-2006.

(5)

L-inizjattiva l-ġdida, imsejħa “i2010: Is-Soċjetà ta’ l-Informazzjoni Ewropea” tħabbret fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-2 ta’ Frar 2005 lill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa, imsejħa “Naħdmu flimkien għat-tkabbir u l-impjiegi - Bidu ġdid għall-Istrateġija ta’ Liżbona”, bil-mira li titħeġġeġ l-adozzjoni ta’ l-ICTs.

(6)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta’ l-1 ta’ Ġunju 2005, imsejħa “i2010 - Soċjetà ta’ l-Informazzjoni Ewropea għat-tkabbir u l-impjiegi” tindika b’mod ġenerali l-prijoritajiet politiċi ewlenin ta’ strateġija ta’ ħames snin li tippromwovi ekonomija diġitali miftuħa u kompetittiva. Il-promozzjoni ta’ l-iskambju ta’ l-aqwa prattika u l-monitoraġġ ta’ l-adozzjoni tas-servizzi mħaddma bl-ICT ser ikomplu jappoġġaw id-djalogu mal-partijiet interessati u ma’ l-Istati Membri, notevolment fil-kuntest tal-metodu miftuħ ta’ koordinament.

(7)

Fil-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi Programm ta’ Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (2007-2013), huwa propost Programm ta’ Qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-kompetittività u l-innovazzjoni, li jkopri l-perjodu 2007-2013 u li jiġbor flimkien il-miżuri Komunitarji speċifiċi li jikkontribwixxu lejn l-intraprenditorija, l-SMEs, il-kompetittività industrijali, l-innovazzjoni, it-teknoloġija ta’ l-informazzjoni u l-komunikazzjoni, it-teknoloġiji ambjentali u l-enerġija intelliġenti, inklużi dawk il-miżuri previsti fid-Deċiżjoni Nru 2256/2003/KE.

(8)

Ir-Regolament (KE) Nru 808/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar statistika Komunitarja dwar is-soċjetà ta’ l-informazzjoni (5) jistabbilixxi qafas komuni għall-produzzjoni sistematika ta’ l-istatistika Komunitarja dwar is-soċjetà ta’ l-informazzjoni. Din l-istatistika tinkludi l-informazzjoni meħtieġa għall-proċess ta’ stabbiliment ta’ punti ta’ referenza ta’ l-eEurope, hija relevanti għall-indikaturi strutturali li jappoġġaw il-monitoraġġ tal-prestazzjoni ta’ l-Istati Membri, u hija neċessarja sabiex ikun ipprovdut bażi uniformi għal analiżi tas-Soċjetà ta’ l-Informazzjoni.

(9)

Fit-12-il xahar bejn l-iskadenza tal-Pjan ta’ Azzjoni eEurope 2005 u l-bidu antiċipat tal-Programm ta’ Qafas fl-2007, l-adozzjoni ta’ l-ICTs mill-ekonomija kollha teħtieġ li tiġi mmonitorjata u appoġġata permezz tat-tkomplija ta’ l-istabbiliment ta’ punti ta’ referenza u analiżi statistika bbażati fuq indikaturi strutturali, u l-iskambju ta’ prattiki tajbin. L-azzjoni meħuda taħt il-programm dwar l-istabbiliment ta’ punti ta’ referenza, prattiki tajbin u koordinament tal-politika fl-2006 ser ikun ta’ appoġġ għall-kisba ta’ l-għanijiet tal-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Frar 2005 u ta’ l-1 ta’ Ġunju 2005 imsemmija iktar ’il fuq.

(10)

Il-mekkaniżmi għall-monitoraġġ u l-iskambju ta’ l-esperjenzi, l-attivitajiet ta’ stabbiliment ta’ punti ta’ referenza, id-disseminazzjoni tal-prattiki tajbin u l-analiżi tal-konsegwenzi ekonomiċi u soċjetali tas-soċjetà ta’ l-informazzjoni għandhom jitkomplew fl-2006 sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Frar 2005, bil-għan li tiġi stimulata l-adozzjoni ta’ l-ICTs bħala tkomplija ta’ l-aġenda ta’ l-eEurope, u dawk tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta’ l-1 ta’ Ġunju 2005.

(11)

Id-Deċiżjoni Nru 2256/2003/KE għandha għalhekk tiġi emendata.

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni Nru 2256/2003/KE hija permezz ta’ dan emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu li ġej għandu jiddaħħal:

“Artikolu 1a

1.   Il-programm għall-2006 għandu jkompli l-monitoraġġ ta’ l-adozzjoni u l-użu tat-Teknoloġiji ta’ l-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICTs) fl-ekonomija kollha u d-disseminazzjoni ta’ prattiki tajbin, u għandu jkollu dawk l-miri li ġejjin:

(a)

li tiġi mmonitorjata l-prestazzjoni ta’ u fi ħdan l-Istati Membri u li din titqabbel ma’ l-aqwa prattika fid-dinja billi tintuża, fejn jista’ jkun, l-istatistika uffiċjali;

(b)

li jiġu appoġġati l-isforzi min-naħa ta’ l-Istati Membri sabiex jistimulaw l-użu ta’ l-ICTs fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, billi jiġu analizzati l-prattiki tajbin u permezz ta’ l-interazzjoni kumplimentari ta’ mekkaniżmi li qed jiżviluppaw ta’ l-iskambju ta’ l-esperjenzi;

(ċ)

li jiġu analizzati l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjetali tas-Soċjetà ta’ l-Informazzjoni sabiex jiġu ffaċilitati d-diskussjonijiet dwar il-politika partikolarment fir-rigward tal-kompetittività, it-tkabbir u l-impjiegi kif ukoll f’dik li hija inklużjoni soċjali.

2.   L-attivitajiet tal-programm għandhom ikunu azzjonijiet ta’ natura trans-settorjali, li jikkomplementaw l-azzjonijiet Komunitarji f’oqsma oħra. L-ebda waħda minn dawn l-azzjonijiet m’għandha tidduplika l-ħidma li qed titwettaq f’dawn l-oqsma taħt programmi Komunitarji oħra. L-azzjonijiet meħuda taħt il-programm dwar l-istabbiliment ta’ punti ta’ referenza, il-prattiki tajbin u l-koordinament tal-politika għandhom iwasslu għall-ksib ta’ l-għanijiet tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Frar 2005 lill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa, imsejħa ‘Naħdmu flimkien għat-tkabbir u l-impjiegi - Bidu ġdid għall-Istrateġija ta’ Liżbona’, bil-għan li tiġi stimulata l-adozzjoni ta’ l-ICTs bi tkomplija ta’ l-aġenda ta’ l-eEurope u b’mod partikolari biex jippromwovu l-broadband, l-eGvern, l-eNegozju, l-eSaħħa u l-eTagħlim u l-għanijiet tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta’ l-1 ta’ Ġunju 2005, imsejħa ‘i2010 - Soċjetà Ewropea ta’ l-Informazzjoni għat-tkabbir u l-impjiegi’, li tippromwovi ekonomija diġitali miftuħa u kompetittiva.

3.   Il-programm għandu jipprovdi wkoll qafas komuni għall-interazzjoni komplementarja fil-livell Ewropew tal-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali varji.”

2)

L-Artikolu li ġej għandu jiddaħħal:

“Artikolu 2a

Sabiex jintlaħqu l-miri msemmja fl-Artikolu 1a, għandhom jittieħdu l-kategoriji ta’ azzjonijiet li ġejjin:

(a)

Azzjoni 1

Il-monitoraġġ u t-tqabbil tal-prestazzjoni:

il-ġbir u l-analiżi tad-data abbażi ta’ l-indikaturi għall-istabbiliment ta’ punti ta’ referenza kif definiti fir-riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Frar 2003 dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ l-eEurope 2005, inklużi indikaturi reġjonali, fejn jixraq, u Regolament (KE) Nru 808/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar l-istatistika Komunitarja dwar is-soċjetà ta’ l-informazzjoni (*).

(b)

Azzjoni 2

Id-disseminazzjoni ta’ prattiki tajbin:

studji sabiex jiġu identifikati l-prattiki tajbin fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, li jikkontribwixxu sabiex tirnexxi l-adozzjoni ta’ l-ICTs fl-ekonomija kollha,

appoġġ għal konferenzi, seminars jew workshops b’miri partikolari, attivitajiet ta’ disseminazzjoni, informazzjoni u komunikazzjoni b’appoġġ għall-miri tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Frar 2005 lill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa, imsejħa ‘Naħdmu flimkien għat-tkabbir u l-impjiegi - Bidu ġdid għall-Istrateġija ta’ Lisbona’, bil-għan li tiġi stimulata l-adozzjoni ta’ l-ICTs bi tkomplija ta’ l-aġenda ta’ l-eEurope u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta’ l-1 ta’ Ġunju 2005, imsejħa ‘i2010 - Soċjetà ta’ l-Informazzjoni Ewropea għat-tkabbir u l-impjiegi’, li tippromwovi ekonomija diġitali miftuħa u kompetittiva, sabiex ikunu promossi l-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ l-esperjenzi u l-prattiki tajbin kif definiti fl-Artikolu 1a(1)(b).

(ċ)

Azzjoni 3

L-analiżi u d-diskussjoni strateġika:

appoġġ għall-ħidma ta’ l-esperti soċjali u ekonomiċi bil-ħsieb li l-Kummissjoni tingħata kontribut fir-rigward ta’ l-analiżi tal-politika prospettiva.

(*)  ĠU L 143, tat-30.4.2004, p. 49.”"

(3)

Fl-Artikolu 4, l-ewwel paragrafu għandu jinbidel b’li ġej:

“Il-programm għandu jkopri l-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2003 sal-31 ta’ Diċembru 2006.

Il-qafas finanzjarju għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Programm huwa permezz ta’ dan stabbilit għal EUR 30 160 000.”

(4)

L-Anness għandu jinbidel bit-test mogħti fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Strasburgu, nhar l-14 ta’ Diċembru 2005.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

C. CLARKE


(1)  Opinjoni mogħtija fis-27 ta’ Ottubru 2005 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Novembru 2005 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-1 ta’ Diċembru 2005.

(3)  ĠU L 336, tat-23.12.2003, p. 1. Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni Nru 787/2004/KE (ĠU L 138, tat-30.4.2004, p. 12).

(4)  ĠU C 62, tat-12.3.2005, p. 1.

(5)  ĠU L 143, tat-30.4.2004, p. 49.


ANNESS

“ANNESS

Programm multi-annwali għall-monitoraġġ ta’ l-eEurope, id-disseminazzjoni ta’ prattiki tajbin u t-titjib tas-sigurtà tan-networks u l-informazzjoni (MODINIS)

Analiżi indikattiva tan-nefqa għall-2003 sa l-2005

Perċentwal tal-baġit totali skond il-kategorija u s-sena

 

2003

2004

2005

Total 2003-2005

Azzjoni 1 - monitoraġġ u paragun tal-prestazzjoni

12 %

14 %

14 %

40 %

Azzjoni 2 - disseminazzjoni ta’ prattiki tajbin

8 %

10 %

12 %

30 %

Azzjoni 3 - analiżi u diskussjoni strateġika

2 %

3 %

3 %

8 %

Azzjoni 4 - titjib tas-sigurtà tan-networks u l-informazzjoni

17 %

5 %

0 %

22 %

Perċentwal tat-Total

39 %

32 %

29 %

100 %


Analiżi indikattiva tan-nefqa għall-2006

Perċentwal tal-baġit totali skond il-kategorija u s-sena

 

2006

Azzjoni 1 - monitoraġġ u paragun tal-prestazzjoni

55 %

Azzjoni 2 - disseminazzjoni ta’ prattiki tajbin

30 %

Azzjoni 3 - analiżi u diskussjoni strateġika

15 %

Azzjoni 4 - titjib tas-sigurtà tan-networks u l-informazzjoni

0 %

Perċentwal tat-Total

100 %”