31.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

404


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-2 ta’ Diċembru 2005

dwar l-effetti ta' l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka u r-Repubblika tal-Polonja ma' l-Unjoni Ewropea fuq il-parteċipazzjoni tal-Komunità Ewropea fil-Konvenzjoni dwar il-Kummissjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni ta' l-Oder u l-Konvenzjoni dwar il-Kummissjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni ta' l-Elbe

(2005/884/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Att ta' Adeżjoni 2003, u b'mod partikolari, l-Artikolu 57 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Il-parteċipazzjoni tal-Komunità Ewropea fil-Konvenzjoni dwar il-Kummissjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni ta' l-Oder (1) u l-Konvenzjoni dwar il-Kummissjoni Internazzjoni għall-Protezzjoni ta' l-Elbe (2) (minn issa 'l quddiem imsejħa bħala “il-Konvenzjonijiet dwar l-Oder u l-Elbe”) kienet meħtieġa minħabba li ż-żewġ Konvenzjonijiet ġew konklużi ma' pajjiżi terzi u indirizzaw kwistjonijiet koperti mill-politika ambjentali tal-Komunità.

(2)

Mill-1 ta' Mejju 2004, wara l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka u r-Repubblika tal-Polonja ma' l-Unjoni Ewropea, il-Partijiet Kontraenti kollha għall-Konvenzjonijiet dwar l-Oder u l-Elbe huma Stati Membri ta' l-Unjoni Ewropea. Għalhekk, il-bażi għall-kunsens tal-Komunità biex tkun marbuta minn tali Konvenzjonijiet m'għadhiex teżisti. Minn dan il-mument, il-parteċipazzjoni tal-Komunità m'għadhiex aktar meħtieġa u lanqas iġġustifikata.

(3)

Barra minn hekk, it-tkabbir ta' l-Unjoni Ewropea kellu l-effett li ttrasforma radikalment ir-relazzjonijiet legali bejn il-Partijiet Kontraenti. Ma' l-adeżjoni, l-objettivi politiċi sottostanti tal-Konvenzjonijiet dwar l-Oder u l-Elbe jistgħu jinkisbu permezz ta' miżuri stabbiliti fil-leġislazzjoni Komunitarja.

(4)

L-Att ta' Adeżjoni ta' l-2003 ma pprevediex speċifikament għal din is-sitwazzjoni u għalhekk jeħtieġ li jiġu adottati l-miżuri meħtieġa skond l-Artikolu 57 tiegħu, li jippermetti li tali nuqqasijiet jiġu korretti.

(5)

Għandu għalhekk isir magħruf b'mod ċar li, mid-data ta' l-adeżjoni, il-Komunità m'għadhiex parti għall-Konvenzjonijiet dwar l-Oder u l-Elbe u li jista' jkun meħtieġ li jittieħdu ċerti miżuri transitorji,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-Komunità Ewropea waqfet milli tkun parti għall-Konvenzjoni dwar il-Kummissjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni ta' l-Oder fn u l-Konvenzjoni dwar il-Kummissjoni Internazzjoni għall-Protezzjoni ta' l-Elbe mill-1 ta' Mejju 2004.

2.   Jekk ikun xieraq, il-Kummissjoni għandha tiftiehem mar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika tal-Polonja dwar soluzzjonijiet għal kwalunkwe problema transitorja li tista' tirriżulta mit-tmiem tal-parteċipazzjoni tal-Komunità fil-Konvenzjonijiet dwar l-Oder u l-Elbe.

Artikolu 2

Din id-deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika tal-Polonja.

Magħmul fi Brussell, 2 ta’ Diċembru 2005.

Ghall-Kunsill

Il-President

M. BECKETT


(1)  Deċiżjoni Nru 1999/257/KE tad-29 ta’ Marzu 1999 (ĠU L 100, 15.4.1999, p. 20).

(2)  Deċiżjoni Nru 91/598/KEE tat-18 ta’ Novembru 1991 (ĠU L 321, 23.11.1991, p. 24).