13.6.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

288


ID-DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tas-16 ta’ Marzu 2005

li tistabbilixxi Network sigur bbażat fuq il-web dwar l-Informazzjoni u l-Kordinazzjoni għas-Servizzi ta’ Amministrazzjoni tal-Migrazzjoni ta’ l-Istati Membri

(2005/267/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 66 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Il-pjan komprensiv tal-Kunsill biex jiġu miġġielda l-immigrazzjoni illegali u t-traffikar tal-bnedmin tat-28 ta’ Frar 2002, li hu bbażat fuq il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Novembru 2001 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar politika komuni dwar l-immigrazzjoni illegali, sejjaħ għall-iżvilupp ta’ sit sigur ta’ l-intranet ibbażat fuq il-web li jistabbilixxi skambju ta’ informazzjoni sigur u mgħaġġel bejn l-Istati Membri dwar flussi u fenomeni ta’ migrazzjoni irregolari jew illegali.

(2)

Jeħtieġ li l-iżvilupp u l-immaniġġjar tan-network jiġi fdat lill-Kummissjoni.

(3)

Aċċess għas-sit ta’ l-intranet ibbażat fuq il-web għandu jkun limitat għal utenti awtorizzati skond it-termini, proċeduri u miżuri ta’ sigurtà stabbiliti.

(4)

Billi l-għanijiet ta’ din id-Deċiżjoni, jiġifieri l-iskambju ta’ informazzjoni sigur u mgħaġġel bejn l-Istati Membri ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, u jistgħu għaldaqstant, minħabba l-effetti ta’ l-azzjoni prevista, jintlaħqu aħjar fuq il-livell tal-Komunità, il-Komunità tista’ tadotta miżuri skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma teċċedix dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

(5)

Din id-Deċiżjoni tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea bħala prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja.

(6)

Għandu jittieħed kont tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data  (2) u tar-Regolament (KE) Nru. 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ tali data  (3) fil-kuntest ta’ sit ta’ l-intranet ibbażat fuq il-web.

(7)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni (4).

(8)

Skond l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, u għalhekk mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. Minħabba li din id-Deċiżjoni tibni fuq l-acquis ta’ Schengen taħt id-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV tal-Parti Tlieta tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, ħlief fejn tistabbilixxi skambju ta’ informazzjoni dwar il-problemi assoċjati mar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li m’humiex dawk li ma jissodisfawx jew m’ għadhomx jissodisfaw il-kondizzjonijiet għal waqfa qasira applikabbli fi ħdan it-territorju ta’ Stat Membru permezz tad-dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka, skond l-Artikolu 5 tal-Protokoll imsemmi qabel, għandha tiddeċiedi fi żmien perijodu ta’ sitt xhur wara li l-Kunsill jkun adotta din id-Deċiżjoni jekk hijiex ser timplimentaha fil-liġi nazzjonali tagħha.

(9)

Fir-rigward tar-Repubblika ta’ l-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja, ħlief fejn tistabbilixxi skambju ta’ informazzjoni dwar il-problemi assoċjati mar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li m’humiex dawk li ma jissodisfawx jew ma baqgħux jissodisfaw il-kondizzjonijiet għal waqfa qasira applikabbli fi ħdan it-territorju ta’ Stat Membru permezz tad-dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen fi ħdan it-tifsira tal-Ftehim konkluż fit-18 ta’ Mejju 1999 mill-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawk iż-żewġ Stati ma’ l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-acquis ta’ Schengen (5), li jaqgħu fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 1, punti A, B, Ċ u E tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta’ dak il-Ftehim (6).

(10)

Fir-rigward ta’ l-Isvizzera, ħlief fejn tistabbilixxi skambju ta’ informazzjoni dwar il-problemi assoċjati mar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li m’humiex dawk li ma jissodisfawx jew ma baqgħux jissodisfaw il-kondizzjonijiet għal waqfa qasira applikabbli fi ħdan it-territorju ta’ Stat Membru permezz tad-dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen fi ħdan it-tifsira tal-Ftehim iffirmat bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera, dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera ma’ l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-acquis ta’ Schengen (7), li jaqgħu fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 1, punti A, B, Ċ u E tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/li jinqraw flimkien ma’ l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/849 tal-25 ta’ Ottubru 2004 (8) u tad-Deċiżjoni tal-Kunsil tal-25 ta’ Ottubru 2004 (9) dwar l-iffirmar ta’ dak il-Ftehim f’isem l-Unjoni Ewropea u l-iffirmar f’isem il-Komunità Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja ta’ ċerti dispożizzjonijiet tiegħu.

(11)

Għandu jsir arranġament biex rappreżentanti ta’ l-Iżlanda, in-Norveġja u l-Isvizzera jitħallew jassoċjaw ruħhom mal-ħidma tal-kumitat li qed jassisti l-Kummissjoni fl-eżerċizju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni tagħha skond din id-Deċiżjoni fir-rispett tad-dispożizzjonijiet li jikkostitwixxu żvilupp ta’ l-acquis ta’ Schengen.

(12)

Ir-Renju Unit qed jieħu sehem f’din id-Deċiżjoni, skond l-Artikolu 5 tal-Protokoll li jintegra l-acquis ta’ Schengen fil-qafas ta’ l-Unjoni Ewropea anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u l-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brettanja u l-Irlanda ta’ Fuq biex jieħu sehem f’ċerti dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen (10), safejn il-miżuri tagħha jiżviluppaw dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen kontra l-organizzazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali li fihom jipparteċipa r-Renju Unit, u l-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, wara li jinnotifika taħt l-Artikolu 3 tiegħu x-xewqa tiegħu li jieħu parti fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

(13)

L-Irlanda qed tieħu sehem f’din id-Deċiżjoni, skond l-Artikolu 5 tal-Protokoll li jintegra l-acquis ta’ Schengen fil-qafas ta’ l-Unjoni Ewropea anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u l-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 dwar it-talba ta’ l-Irlanda biex tieħu sehem f’ċerti dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen (11), safejn il-miżuri tagħha jiżviluppaw dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen kontra l-organizzazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali li fihom tieħu sehem l-Irlanda.

(14)

Skond l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 tal-Protokoll imsemmi, l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u m’hijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha, safejn il-miżuri tagħha ma jiżviluppawx id-dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen kontra l-organizzazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali li fihom tieħu sehem l-Irlanda.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi Network ta’ Informazzjoni u Kordinazzjoni sigur ibbażat fuq il-web għall-iskambji ta’ informazzjoni dwar il-migrazzjoni irregolari, dħul u immigrazzjoni illegali u r-ritorn ta’ residenti illegali.

Artikolu 2

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-iżvilupp u l-immaniġġjar tan-network, inkluż l-istruttura u l-kontenut tiegħu u l-elementi għall-iskambju ta’ informazzjoni.

2.   L-elementi għall-iskambju ta’ informazzjoni għandhom jinkludu mill-inqas dawn li ġejjin:

(a)

sistema ta’ twissija minn kmieni dwar l-immigrazzjoni illegali u n-networks ta’ faċilitazzjoni;

(b)

network ta’ uffiċjali ta’ kuntatt ta’ l-immigrazzjoni;

(ċ)

Informazzjoni dwar l-użu ta’ viża, il-fruntieri u d-dokumenti ta’ l-ivvjaġġar relatati ma’ l- immigrazzjoni illegali;

(d)

kwistjonijiet relatati mar-ritorn.

3.   In-network għandu jinkludi l-għodda kollha xierqa, li l-kunfidenzjalità tagħhom għandha tkun determinata skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 6(2).

4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel użu mill-pjattaforma teknika eżistenti fil-qafas tal-Komunità ta’ network telematiku trans-Ewropew għall-l-iskambju ta’ data bejn l-amministrazzjonijiet.

Artikolu 3

Skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 6(2) il-Kummissjoni għandha:

(a)

tistabbilixxi t-termini u l-proċeduri għall-għoti ta’ aċċess sħiħ jew selettiv għan-network;

(b)

tistabbilixxi regoli u linji gwida dwar it-termini ta’ l-użu tas-sistema, inkluż ir-regoli dwar il-kunfidenzjalità, it-trasmissjoni, il-ħażna, il-filing u t-tħassir ta’ informazzjoni u dwar formoli standardizzati.

Artikolu 4

1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu aċċess għan-network bi qbil mal-miżuri adottati mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 3.

2.   L-Istati Membri għandhom jagħżlu punti ta’ kuntatt nazzjonali u jinnotifikaw lill-Kummissjoni bihom.

Artikolu 5

1.   L-uploading ta’ data fuq in-network ma għandux jaffetwax il-proprjetà ta’ l-informazzjoni konċernata. Utenti awtorizzati għandhom jibqgħu responsabbli waħedhom għall-informazzjoni li jipprovdu u għandhom jiżguraw li l-kontenuti tagħhom jikkonformaw b’mod sħiħ mal-liġi tal-Komunità u nazzjonali eżistenti.

2.   Sakemm mhijiex immarkata bħala pubblika, l-informazzjoni provduta għandha tkun strettament limitata għal utenti awtorizzati tan-network u m’għandhiex tiġi mikxufa lill-partijiet terzi mingħajr permess minn qabel tal-proprjetarju ta’ l-informazzjoni in kwistjoni.

3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri ta’ sigurtà meħtieġa biex:

(a)

iżommu lil kwalunkwe persuna mhux awtorizzata milli jkollha aċċess għan-network;

(b)

jiggarantixxu li, fl-użu tan-network, persuni awtorizzati biss ikollhom aċċess għad-data li hi fl-isfera tal-kompetenza tagħhom;

(ċ)

iżommu informazzjoni fin-network milli tinqara, tiġi kkuppjata, modifikata jew imħassra minn persuni li m’humiex awtorizzati.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, miżuri ta’ sigurtà oħra għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 6(2).

Artikolu 6

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat stabbilit taħt id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/463/KE tat-13 ta’ Ġunju 2002 li tadotta programm ta’ azzjoni għall-koperazzjoni amministrattiva fl-oqsma tal-fruntieri esterni, viżi, ażil u immigrazzjoni (Programm ARGO) (12).

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw.

3.   Il-Kumitat għandu jadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu.

Artikolu 7

1.   Fejn meħtieġ għall-iżvilupp tan-network, il-Kummissjoni għandha tikkonkludi ftehim ma’ korpi rregolati mil-liġi pubblika stabbiliti taħt it-Trattati li jistabbilixxu l-Komunitajiet Ewropej jew stabbiliti fil-qafas ta’ l-Unjoni Ewropea.

2.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kunsill bil-progress magħmul fin-negozjati ta’ kwalunkwe tali ftehim.

Artikolu 8

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 9

Din id-Deċiżjoni hi ndirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, nhar is-16 ta’ Marzu 2005.

Għall-Kunsill

Il-President

J. ASSELBORN


(1)  Opinjoni mogħtija fl-20 ta’ April 2004 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(3)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(4)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(5)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(6)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31.

(7)  13054/04 aċċessibbli fuq http://register.consilium.eu.int

(8)  ĠU L 368, 15.12.2004, p. 26.

(9)  ĠU L 370, 17.12.2004, p. 78.

(10)  ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43.

(11)  ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20.

(12)  ĠU L 161, 19.6.2002, p. 11.