18.10.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

151


ID-DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-9 ta' Marzu 2005

li tikkonċerna in-non-konformità parzjali ta' l-istandard EN 71-1:1998 “Is-Sigurtà tal-Ġugarelli — Parti 1: propjetajiet mekkaniċi u fiżiċi” mal-ħtiġijiet essenzjali għas-sigurtà tad-Direttiva tal-Kunsill 88/378/KEE

(innotifikata taħt in-numru tad-dokument C(2005) 542)

(Test b'relevanza għaż-ŻEE)

(2005/195/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 88/378/KEE tat-3 ta' Mejju 1988 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar is-sigurtà tal-gugarelli (1), u b' mod partikolari it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 6(1) tagħha,

Wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti stabbilit bl-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta' informazzjoni fil-qasam ta' l-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà ta' l-Informatika (2),

Billi:

(1)

Taħt id-Direttiva 88/378/KEE, il-ġugarelli jitqiesu li huma konformi mal-ħtiġijiet essenzjali tas-sigurtà msemmija f' Artikolu 3 ta' dik id-Direttiva jekk jikkonformaw ma' l-istandards nazzjonali applikabbli għalihom li jittrasponu l-istandards armonizzati li n-numri ta' referenza tagħhom ġew ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

(2)

L-Istati Membri huma meħtieġa jippubblikaw in-numri ta' referenza ta' l-istandards nazzjonali li jittrasponu dawk l-istandards armonizzati li n-numri ta' referenza tagħhom ġew ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

(3)

Il-Kumitat Ewropew ta' l-Istandardizzazzjoni (CEN), taħt mandat mill-Kummissjoni, fassal u adotta l-istandard armonizzat EN 71-1:1998 “Sigurtà tal-Ġugarelli — Parti 1: propjetajiet mekkaniċi u fiżiċi” fil-15 ta' Lulju 1998, li r-referenzi tagħhom ġew ippubblikati għall-ewwel darba fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea tat-28 ta' Lulju 1999 (3).

(4)

Skond il-Klawsola 4.6 ta' dak l-istandard armonizzat, il-ġugarelli u l-komponenti tal-ġugarelli magħmulin minn materjali li jespandu li, skond it-test taċ-ċilindru, huma meqjusa bħala partijiet żgħar m'għandhomx jespandu iktar minn 50 % fl-ebda dimensjoni meta ttestjati skond il-Klawsola 8.14, ngħidu aħna, meta jkunu mgħarrqa f' reċipjent taħt ċerti kondizzjonijiet għal perjodu ta' 24 siegħa.

(5)

L-awtoritajiet Spanjoli isostnu li minkejja li jikkonformaw ma' l-istandard armonizzat rilevanti, dawn il-prodotti jistgħu xorta waħda jkunu ta' periklu għas-saħħa tat-tfal jekk il-partijiet żgħar jiġu maqluha u jinbelgħu.

(6)

Wara li jsiru it-testijiet fuq serje ta' ġugarelli magħmula minn materjali li jespandu, l-awtoritajiet kkonkludew li l-ġugarelli jistgħu jkomplu jikbru fid-daqs jekk ikunu mgħarrqa għal perjodu itwal mill-24 siegħa speċifikat fil-Klawsola 8.14. Bil-ħsieb li oġġett jista' jieħu iktar minn 24 siegħa biex jgħaddi mill-apparat gastrointestinali, il-perjodu ta' ħin ta' 24 siegħa speċifikat għall-metodu tat-test jista' ma jkunx biżżejjed biex jiġi ttestjat ir-riskju ta' korriment fiżiku f' każijiet fejn jinbelgħu ġugarelli żgħar jew komponenti ta' ġugarelli.

(7)

Barra minn hekk, ir-riskju ta' korriment fiżiku huwa partikolarment serju meta porzjonijiet jew segmenti żgħar ikunu jistgħu jinqalgħu faċilment. Minkejja li l-Klawsola 4.6 ta' l-istandard armonizzat rilevanti jeħtieġ li l-ġugarelli u l-komponenti tal-ġugarelli jgħaddu t-test taċ-ċilindru, dan ma jikkunsidrax il-possibilità li, fil-każ ta' ċerti ġugarelli li ma jidħlux fiċ-ċilindru u m'għandhom l-ebda parti żgħira, it-tfal jistgħu xorta waħda faċilment jigdmu, jgħawġu jew jaqalgħu porzjonijiet żgħar mill-materjal.

(8)

B' konsegwenza ta' dan, fuq il-bażi ta' l-informazzjoni mressqa mill-awtoritajiet Spanjoli, l-awtoritajiet nazzjonali l-oħra, il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) u l-Kumitat Permanenti stabbilit mid-Direttiva 98/34/KE, huwa ċar li l-konformità ma' l-istandard armonizzat EN 71-1:1998 “Is-Sigurtà tal-Ġugarelli–Parti 1: propjetajiet mekkaniċi u fiżiċi” ma jistax jitqies aktar li huwa konformi mal-ħtiġijiet essenzjali tas-sigurtà sa fejn għandu x' jaqsam mal-Klawsola 4.6 ta' dak l-istandard, u l-Klawsola 8.14 tagħha, sa fejn għandu x' jaqsam mat-test fejn il-ġugarell jiġi mgħarraq għal 24 siegħa.

(9)

Huwa għalhekk neċessarju li tkun ipprovduta nota xierqa biex tkun mehmuża mal-pubblikazzjoni tar-referenzi ta' l-istandard armonizzat EN 71-1:1998 “Is-Sigurtà tal-Ġugarelli–Parti 1: propjetajiet mekkaniċi u fiżiċi”,

ADDOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fil-każ tal-ġuġarelli u tal-partijiet komponenti tal-ġuġarelli magħmula minn materjali li jespandu, l-istandard armonizzat EN 71-1:1998 “Is-Sigurtà tal-Ġugarelli — Parti 1: propjetajiet mekkaniċi u fiżiċi”, kif adottat mill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) fil-15 ta' Lulju 1998, ma jissodisfax il-ħtiġijiet essenzjali tas-sigurtà msemmija fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 88/378/KEE, safejn għandu x' jaqsam mal-Klawsola 4.6 tagħha, u l-Klawsola 8.14, safejn għandha x' taqsam mal-perjodu ta' 24 siegħa li matulhom il-ġugarell għandu jiġi mgħarraq f' reċipjent.

Artikolu 2

Il-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea tar-referenzi ta' l-istandard armonizzat EN 71-1:1998 “Is-Sigurtà tal-Ġugarelli — Parti 1: propjetajiet mekkaniċi u fiżiċi”, kif adottat mill-Kumitat Ewropew ta' l-Istandardizzazzjoni (CEN) fil-15 ta' Lulju 1998, se jkunu miżjuda b' din in-nota:

“Il-Klawsola 4.6 ta' l-istandard EN 71-1:1998 u l-Klawsola 8.14 tagħha, sa fejn għandha x' taqsam mal-perjodu ta' 24 siegħa fejn il-ġugarell għandu jiġi mgħarraq f' reċipjent, ma jkoprux ir-riskji kollha li jġibu magħhom il-ġugarelli u l-partijiet komponenti tal-ġugarelli magħmulin minn materjali li jespandu. L-istandard ma jagħtix preżunzjoni tal-konformità f' dak ir-rispett.”

Artikolu 3

Nota identika għal dik provduta fl-Artikolu 2 ta' din id-Deċiżjoni se tkun mehmuża mar-referenza ta' standard nazzjonali armonizzat li jittrasponi EN 71-1:1998 “Is-Sigurtà tal-Ġugarelli — Parti 1: propjetajiet mekkaniċi u fiżiċi”, li għandu jiġi ppubblikat mill-Istati Membri skond l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 88/378/KEE.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, fid-9 ta' Marzu 2005.

Għall-Kummissjoni

Günter VERHEUGEN

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 187, tas-16.7.1988, p. 1. Direttiva kif emendata mid-Direttiva 93/68/KEE (ĠU L 220, tat-30.8.1993, p. 1).

(2)  ĠU L 204, tas-21.7.1988, p. 37. Direttiva kif l-aħħar emendata mill-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-2003.

(3)  ĠU C 215, tat-28.7.1999, p. 4