14.10.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

285


ID-DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-29 ta' Ottubru 2004

li tistabbilixxi ċ-Ċentru Tekniku u Xjentifiku Ewropew (ETSC))u tistipula l-koordinazzjoni ta' l-azzjonijiet tekniċi bil-għan li tħares il-muniti ta' l-euro mill-iffalsifikar

(2005/37/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 211 tiegħu,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2003/861/KE u 2003/862/KE tat-8 ta' Diċembru 2003, li għandu x'jaqsam ma' l-analiżi u l-kooperazzjoni li jikkonċernaw il-muniti foloz ta' l-euro, u filwaqt li testendi l-effetti tad-Deċiżjoni 2003/861/KE għall-Istati Membri li ma adottawx l-euro bħala l-unika munita (1),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1338/2001 tat-28 ta' Ġunju 2001 jiddefinixxi miżuri meħtieġa għall-ħarsien ta' l-euro kontra l-muniti foloz (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 5 tiegħu, jistipula l-analiżi u l-klassifikazzjoni tal-muniti foloz ta' l-euro miċ-Ċentru Nazzjonali ta' Analiżi tal-Muniti (CNAC) ta' kull Stat Membru u miċ-Ċentru Tekniku u Xjentifiku Ewropew (ETSC). Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1339/2001 tat-28 ta' Ġunju 2001 (3) jestendi l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 1 u 11 tar-Regolament (KE) Nru 1338/2001 għall-Istati Membri li ma adottawx l-euro bħala munita unika.

(2)

Minn Ottubru 2001 'l hawn, l-ETSC teżerċita b'mod provviżorju l-attivitajiet tagħha miz-zekka ta' Pariġi, filwaqt li tibbenefika mill-istruttura u l-assistenza amministrattiva tal-Kummissjoni, skond l-iskambju ta' ittri bejn il-President tal-Kunsill u l-Ministru tal-Finanzi Franċiż, tat-28 ta' Frar u d-9 ta' Ġunju 2000.

(3)

L-ETSC tikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-programm “Pericles”, skond id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2001/923/KE u 2001/924/KE tas-17 ta' Diċembru 2001, li jistabbilixxu programm ta' azzjonijiet fil-qasam ta' skambji, ta' għajnuna u ta' taħriġ, għall-ħarsien ta' l-euro mill-muniti foloz, u testendi l-effetti tad-Deċiżjoni 2001/923/KE għall-Istati Membri li ma adottawx l-euro bħala munita unika (4).

(4)

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/861/KE jistipula li l-Kummissjoni toħloq l-ETSC u tiżgura t-tħaddim tajjeb tagħha kif ukoll il-koordinazzjoni ta' l-attivitajiet ta' l-awtoritajiet tekniċi kompetenti sabiex jitħarsu l-muniti euro mill-iffalsifikar. L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/862/KE jistabbilixxi li d-Deċiżjoni 2003/861/KE tkun estiża għall-Istati Membri li ma adottawx l-euro bħala munita unika.

(5)

L-awtoritajiet Franċiżi intrabtu, permezz ta' ittra tas-6 ta' Settembru 2004 tal-Ministru tal-Finanzi Franċiż, sabiex iżommu it-taqsim ta' l-ispejjeż hekk kif inhuma bħalissa bejn iz-Zekka ta' Pariġi u l-Kummissjoni. Skambju ta' ittri bejn il-membru tal-Kummissjoni inkarigat mill-ġlieda kontra l-frodi u l-Ministru tal-Finanzi Franċiż, fir-rigward tal-ħolqien permanenti ta' l-ETSC għall-analiżi u l-klassifikazzjoni ta' l-iffalsifikar tal-muniti ta' l-euro, isegwi l-prinċipji li ħarġu mill-attivitajiet ta' l-ETSC, fuq bażi provviżorja, min-naħa ta' l-ETSC bl-attivitajiet tagħha fiz-Zekka ta' Pariġi, b'konformità ma' l-iskambju ta' ittri bejn il-presidenza tal-Kunsill u l-Ministru tal-Finanzi Franċiż, tat-28 ta' Frar u d-9 ta' Ġunju 2000.

(6)

Barra minn hekk, jeħtieġ li l-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju (EFC), il-Bank Ċentrali Ewropew, ta' l-Europol, kif ukoll ta' l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ikunu informati b'mod regolari dwar l-attivitajiet ta' l-ETSC u dwar is-sitwazzjoni ta' l-iffalsifikar tal-muniti euro.

(7)

Bħala konsegwenza, jaqbel, li l-ETSC tkun stabbilita fi ħdan il-Kummissjoni fi Brussell, magħqud mill-ġdid ma' l-OLAF.

(8)

Il-koordinazzjoni mill-Kummissjoni ta' l-attivitajiet immexxija mill-awtoritajiet tekniċi kompetenti kollha bl-għan ta' ħarsien tal-muniti euro mill-iffalsifikar tinkludi l-metodi ta' analiżi tal-muniti foloz ta' l-euro, l-istudju tal-każijiet ġodda ta' muniti foloz u l-valutazzjoni tal-konsegwenzi, l-iskambju reċiproku ta' informazzjoni dwar l-attivitajiet tas-CNAC u l-ETSC, il-kommunikazzjoni esterna fil-qasam tal-muniti foloz, l-individwazzjoni tal-muniti foloz bit-tagħmir għat-trattament tal-muniti, kif ukoll l-istudju tal-problemi tekniċi kollha fis-suġġett tal-muniti foloz.

(9)

Din il-koordinazzjoni teħtieġ l-isforzi kontinwi, fi ħdan il-Kumitat Konsultattiv għall-Koordinazzjoni fil-qasam tal-ġlieda kontra l-frodi (5), il-ħidmiet ta' gruppi ta' esperti fuq l-iffalsifikar tal-muniti, magħmula minn dawk responsabbli tas-CNAC u l-ETSC, li tamministra u tippresedi l-Kummissjoni, u fl-istess waqt tiżgura l-informazzjoni regolari ta' l-EFC.

(10)

Bl-iskop li jiġu implimentati d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill2003/861/KE u 2003/862/KE ,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Iċ-Ċentru Tekniku u Xjentifiku Ewropew (ETSC) huwa stabbilit fi ħdan il-Kummissjoni ġewwa Brussell, magħquda ma' l-OLAF.

Artikolu 2

L-ETSC janalizza u jikklassifika it-tipi ġodda kollha ta' muniti foloz, skond ir-Regolament (KE) Nru 1338/2001, Artikolu 5. Huwa jikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-programm ta' azzjoni tal-Komunità “Pericles”, skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2001 (2001/923/KE), Artikolu 4. Huwa jagħti assistenza(jew għajnuna) liċ-Ċentri Nazzjonali ta' Analiżi tal-Muniti (CNAC) u lill-awtoritajiet tal-pulizija; kif ukoll jikkollabora ma' l-awtoritajiet kompetenti bl-iskop li l-muniti foloz ta' l-euro jkunu analizzati u sabiex jissaħħaħ il-ħarsien.

Artikolu 3

Il-prinċipji ta' organizzazzjoni ta' l-ETSC huma dawn li ġejjin:

bil-għan ta' analiżi tal-muniti, il-Kummissjoni tista' tibgħat membri tal-personal tagħha liz-Zekka ta' Pariġi sabiex jużaw it-tagħmir;

sabiex tħares il-missjoni tagħha, l-ETSC tinqeda bil-personal u l-materjal taċ-Ċentru Nazzjonali Franċiż ta' Analiżi tal-Muniti u l-laboratorju taz-Zekka ta' Pariġi, li jinsabu Pessac. L-awtoritajiet Franċiżi jagħmlu disponibbli għall-ETSC b'mod ta' priorità, il-personal u l-materjal xieraq;

skond ir-regolamenti finanzjarji applikabbli, il-parti ta' l-ispejjeż attribwibbli għad-doveri ta' l-ETSC huma mnaqqsai mill-bilanċ ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej. Peress li Franza qiegħda tagħmel disponibbli l-personal, il-lok u l-materjali msemmija hawn fuq u qiegħda terfa' r-responsabbiltà tal-manutenzjoni tagħhom, il-baġit tal-Komunitajiet ikopri t-trattament ta' l-aġenti tal-Kummissjoni, l-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar u spejjeż kurrenti oħra żgħar.

L-OLAF huwa responsabbli li jiddefinixxi, b'kollaborazzjoni maz-Zekka ta' Pariġi, ir-Regolament tal-metodi amministrattivi ta' l-ETSC.

Artikolu 4

Il-Kummissjoni tikkoordina l-azzjonijiet meħtieġa għall-ħarsien tal-muniti ta' l-euro mill-iffalsifikar permezz ta' laqgħat perijodiċi ta' esperti dwar l-iffalsifikar tal-muniti.

Il-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, il-Bank Ċentrali Ewrepew, l-Europol u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti huma infurmati b'mod regolari dwar l-attivitajiet ta' l-ETSC u l-istat ta' l-iffalsifikar tal-muniti.

Magħmula fi Brussell, fid-29 ta' Ottubru 2004.

Għall-Kummissjoni

Michaele SCHREYER

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 325 tat-12.12.2003, p. 44 u 45.

(2)  ĠU L 181, ta' l-4.3.1999, p. 6.

(3)  ĠU L 181, ta' l-4.7.2001, p. 11.

(4)  ĠU L 339 tal-21.12.2001, p. 50.

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/140/KE (ĠU L 61, ta' l-4.3.1994, p. 27).