31.12.2004   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 390/21


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru. 2242/2004

tat-22 ta' Diċembru 2004

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 976/1999 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-implimentazzjoni ta' operazzjonijiet Komunitarji, minbarra dawk ta' politika ta' koperazzjoni għall-iżvilupp, li, fi ħdan il-qafas tal-politika ta' koperazzjoni Komunitarja, jikkontribwixxu għall-għan ġenerali ta' l-iżvilupp u l-konsolidazzjoni tad-demokrazija u ta' l-istat tad-dritt u għal dak tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali f'pajjiżi terzi

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 181a(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

L-azzjoni Komunitarja biex tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi kif stabbilit fil-Komunikazzjoni tat-8 ta' Mejju 2001 mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar 'Ir-Rwol ta' l-Unjoni Ewropea fil-Promozzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokratizzazzjoni f'Pajjiżi Terzi' ser tkompli lil hinn mill-2004. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 975/1999 tad-29 ta' April 1999 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-implimentazzjoni ta' operazzjonijiet ta' koperazzjoni għall-iżvilupp li jikkontribwixxu għall-għan ġenerali ta' l-iżvilupp u l-konsolidazzjoni tad-demokrazija u ta' l-istat tad-dritt u għal dak tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali (2) u r-Regolament Nru 976/1999 (3) wrew li huma strumenti legali adegwati għall-implimentazzjoni tas-sostenn tekniku u finanzjarju tal-Komunità għal attivitajiet tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokratizzazzjoni f'pajjiżi terzi li qed jiżviluppaw u pajjiżi terzi oħra biex jintlaħqu l-għanijiet ġenerali f'dan il-qasam. Il-perijodu ta' validità ta' dawk ir-Regolamenti, madankollu, jiskadi fil-31 ta' Diċembru 2004. Jeħtieġ, għalhekk, li jiġi estiż dak il-perijodu.

(2)

Abbażi tal-proporzjon ta' l-ammont finanzjarju ta' referenza inkluż fir-Regolament (KE) Nru 976/1999 u l-approprjazzjonijiet indikattivi għad-drittijiet tal-bniedem u d-demokratizzazzjoni sa l-2006, ammont finanzjarju ta' referenza estiż, fit-tifsira tal-punt 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-6 ta' Mejju 1999, bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina tal-budget u t-titjib tal-proċedura tal-budget (4), hu mdaħħal f'dan ir-Regolament għat-terminu ta' żmien estiż tal-programm, mingħajr ma jaffettwa b'hekk is-setgħat ta' l-awtorità tal-budget kif definiti mit-Trattat.

(3)

Id-disposizzjonijiet tar-Regolament (KE) 976/1999 dwar proċeduri għall-implimentazzjoni ta' għajnuna għandhom ikunu allinjati mar-rekwiżiti legali tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (5) fl-implimentazzjoni tal-Missjonijiet ta' l-UE ta' Osservazzjoni ta' Elezzjonijiet.

(4)

Il-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunità u l-ġlieda kontra l-frodi u l-irregolaritajiet jagħmlu parti integrali mir-Regolament (KE) Nru 976/1999. B'mod partikolari, ftehim u kuntratti konklużi skond dak ir-Regolament għandhom jawtorizzaw lill-Kummissjoni biex twettaq il-miżuri previsti mir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar kontrolli fuq il-post u spezzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni sabiex ikunu protetti l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (6).

(5)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 976/1999 għandhom jiġu adottati skond id-Deciżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat implimentattivi konferiti fuq il-Kummissjoni (7).

(6)

Ir-Regolament (KE) Nru 976/1999 għandu jiġi emendat f'dan is-sens,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nu 976/1999 hu b'dan emendat kif ġej:

1)

Il-punt li ġej għandu jiżdied fl-Artikolu 3(2):

“(h)

is-sostenn ta' sforzi li jħeġġu l-istabbiliment ta' gruppi ta' pajjiżi demokratiċi f'korpi tan-Nazzjonijiet Uniti, aġenziji speċjalizzati u organizzazzjonijiet reġjonali.”;

2)

Is-sentenza li ġejja għandha tiżdied fl-Artikolu 5(1):

“Fil-każ ta' Missjonijiet ta' l-UE ta' Osservazzjoni ta' Elezzjonijiet u proċedimenti ‘amicus curiae’, persuni fiżiċi għandhom ikunu eliġibbli għall-iffinanzjar taħt dan ir-Regolament.”;

3)

Fl-Artikolu 6, l-ewwel sentenza għandha tinbidel b'dan li ġej:

“Biex ikunu eliġibbli għal għajnuna Komunitarja, l-isħab imsemmija fl-Artikolu 5(1), l-ewwel sentenza, għandu jkollhom il-kwartieri ġenerali prinċipali tagħhom f'pajjiż terz eliġibbli għal għajnuna Komunitarja taħt dan ir-Regolament jew fi Stat Membru tal-Komunità.”;

4)

L-Artikolu 8(3) għandu jinbidel b'dan li ġej:

“3.   Il-finanzjament Komunitarju taħt dan ir-Regolament għandu jieħu l-forma ta' għotjiet jew kuntratti. Fil-qafas ta' operazzjonijiet taħt l-Artikolu 2 membri ta' Missjonijiet ta' l-UE ta' Osservazzjoni ta' Elezzjonijiet imħallsa mill-approprjazzjonijiet għad-drittijiet tal-bniedem u d-demokratizzazzjoni għandhom ikunu reklutati skond il-proċeduri stabbiliti mill-Kummissjoni.”;

5)

Fl-Artikolu 11, l-ewwel paragrafu għandu jinbidel b'dan li ġej:

“L-ammont finanzjarju ta' referenza għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għall-perijodu 2005-2006 għandu jkun ta' EUR 78 miljun.”;

6)

L-Artikoli 12 u 13 għandhom jinbidlu b'dan li ġej:

“Artikolu 12

1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta l-qafas għall-ipprogrammar u l-identifikazzjoni ta' attivitajiet Komunitarji.

Il-qafas għandu jkun jikkonsisti, b'mod partikolari, minn:

(a)

programmi indikattivi pluriennali u aġġornamenti annwali ta' dawn il-programmi,

(b)

programmi ta' ħidma annwali.

F'sitwazzjonijiet partikolari, miżuri speċifiċi mhux koperti bi programm ta' ħidma annwali jistgħu jkunu approvati.

2.   Il-Kummissjoni għandha tipproduċi rapport annwali li jistabbilixxi l-programmar għas-sena li jmiss skond ir-reġjun u skond is-settur, u għandha tirrapporta dwar l-implimentazzjoni lill-Parlament Ewropew.

Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-amministrazzjoni u l-adattament, b'konformità ma' dan ir-Regolament u skond il-ħtiġiet ta' flessibilità, tal-programmi ta' ħidma annwali li kienu definiti fil-qafas ġenerali ta' l-ambjent pluriennali. Id-deċiżjonijiet meħuda għandhom jirriflettu l-prijoritajiet u l-ħsibijiet prinċipali ta' l-Unjoni Ewropea għall-konsolidazzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, u għandhom ikunu determinati min-natura unika tal-programmi. Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Parlament Ewropew kompletament infurmat bil-proċedimenti.

3.   Il-Kummissjoni għandha timplimenta operazzjonijiet Komunitarji taħt dan ir-Regolament skond il-proċeduri tal-budget u proċeduri oħra fis-seħħ, b'mod partikolari dawk stabbiliti fir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002.

Artikolu 13

1.   L-istrumenti msemmija fl-Artikolu 12(1) għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(2).

F'każijiet fejn l-emendi għall-programmi ta' ħidma annwali msemmija fl-Artikolu 12(1)(b) ma jaqbżux l-20 % ta' l-ammont globali allokat lilhom jew ma jbiddlux b'mod sostanzjali n-natura tal-proġetti jew tal-programmi li hemm fihom, dawk l-emendi għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni. Din għandha tinforma lill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 14(1).

2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 15, deċiżjonijiet ta' finanzjament dwar proġetti u programmi mhux koperti minn programmi ta' ħidma annwali u li jaqbżu l-miljun EUR għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14 (2).”;

7)

L-Artikolu 14(2) għandu jinbidel b'dan li ġej:

“2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 4 u 7 (1), (2), u (4) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE (*) għandhom japplikaw, wara li jittieħed kont ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi stabbilit għal 30 jum.”;

(*)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23."

8)

Fl-Artikolu 16, it-tieni sentenza għandha titħassar;

9)

L-Artikolu 18 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 18

Kwalunkwe ftehim jew kuntratt konkluż skond dan ir-Regolament għandu jipprovdi b'mod espliċitu biex il-Kummissjoni u l-Qorti ta' l-Awdituri jeżerċitaw is-setgħat tagħhom ta' kontroll, fuq dokumenti u fl-uffiċji jew fil-bini, fuq il-kuntratturi u s-sub-kuntratturi kollha li rċevew fondi Komunitarji. Ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96 (**) għandu japplika.”;

(**)  ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2."

10)

Fl-Artikolu 21, it-tieni paragrafu, id-data “31 ta' Diċembru 2004” għandha tinbidel bid-data “31 ta' Diċembru 2006”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2005.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, 22 ta' Diċembru 2004.

Għall-Kunsill

Il-President

C. VEERMAN


(1)  Opinjoni tas-16 ta' Diċembru 2004 (għada mhux ippubblikata fil-ĠU).

(2)  ĠU L 120, 8.5.1999, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru. 1882/2003 (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

(3)  ĠU L 120, 8.5.1999, p. 8. Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru. 807/2003 (ĠU L 122, 16.5.2003, p. 36).

(4)  ĠU C 172, 18.6.1999, p. 1. Ftehim Interistituzzjonali kif emendat bid-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/429/KE (ĠU L 147, 14.6.2003, p. 25).

(5)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(6)  ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2

(7)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.