7.6.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

136


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) NRU 2007/2004

tas-26 ta' Ottubru 2004

li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 62(2)(a) u 66 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Billi:

(1)

Il-politika tal-Komunità fil-qasam tal-fruntieri esterni ta' l-UE timmira lejn ġestjoni integrata li tiżgura kontroll u sorveljanza ta' livell għoli u uniformi, li huma korollarju meħtieġ għall-moviment ħieles tal-persuni fl-Unjoni Ewropea u komponent fundamentali ta' Żona ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja. Għal dan il-għan hu previst l-istabbiliment ta' regoli komuni dwar standards u proċeduri għall-kontroll tal-fruntieri esterni.

(2)

L-implimentazzjoni effiċjenti tar-regoli komuni teħtieġ aktar kordinazzjoni fil-koperazzjoni operazzjonali bejn l-Istati Membri.

(3)

Waqt li jittieħed kont ta' l-esperjenzi ta' l-Unità Komuni ta' l-Operaturi fil-Fruntieri Esterni li taġixxi fi ħdan il-Kunsill, għandu għalhekk jiġi stabbilit korp speċjalizzat ta' esperti bl-inkarigu li jtejjeb il-kordinazzjoni tal-koperazzjoni operazzjonali bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni f'għamla ta' Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea (minn hawn `il quddiem imsejħa l-Aġenzija).

(4)

Ir-responsabbiltà għall-kontroll u s-sorveljanza tal-fruntieri esterni hija ta' l-Istati Membri. L-Aġenzija għandha tiffaċilita l-applikazzjoni tal-miżuri eżistenti u futuri tal-Komunità dwar il-ġestjoni tal-fruntieri esterni billi tiżgura l-kordinazzjoni ta' l-azzjonijiet ta' l-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta' dawk il-miżuri.

(5)

Il-kontroll u s-sorveljanza effettivi tal-fruntieri esterni huma kwistjoni ta' l-akbar importanza għall-Istati Membri tkun xi tkun il-posizzjoni ġeografika tagħhom. Għalhekk hemm bżonn li tiġi promossa s-solidarjetà bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni. L-istabbiliment ta' l-Aġenzija li tassisti lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta' l-aspetti operazzjonali tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni, inkluż ir-ritorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu preżenti illegalment fl-Istati Membri, jikkostitwixxi pass importanti f'din id-direzzjoni.

(6)

L-Aġenzija, abbażi ta' mudell ta' analiżi ta' riskju komuni u integrat, għandha tagħmel analiżi tar-riskji sabiex tipprovdi lill-Komunità u lill-Istati Membri b'informazzjoni adegwata biex ikunu jistgħu jittieħdu miżuri xierqa jew biex jiġu affrontati t-theddid u r-riskji li jkunu ġew identifikati bil-ħsieb li tiġi mtejba l-ġestjoni integrata tal-fruntieri esterni.

(7)

L-Aġenzija għandha tipprovdi taħriġ f'livell Ewropew għal istrutturi nazzjonali tal-gwardji tal-fruntiera u taħriġ u seminars addizzjonali dwar il-kontroll u s-sorveljanza fil-fruntieri esterni u t-tneħħija ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu preżenti illegalment fl-Istati Membri għall-uffiċjali tas-servizzi nazzjonali kompetenti. L-Aġenzija tista' torganizza attivitajiet ta' taħriġ b'koperazzjoni ma' l-Istati Membri fit-territorju tagħhom.

(8)

L-Aġenzija għandha tibqa' ssegwi l-iżviluppi fir-riċerka xjentifika rilevanti għaż-żona tagħha u tgħaddi din l-informazzjoni lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.

(9)

L-Aġenzija għandha tieħu ħsieb listi ta' tagħmir tekniku pprovdut mill-Istati Membri, u b'hekk tkun qed tagħti kontribut għall-akkomunament ta' riżorsi materjali.

(10)

L-Aġenzija għandha wkoll tappoġġa lill-Istati Membri f'ċirkostanzi li jeħtieġu aktar assistenza teknika u operazzjonali fil-fruntieri esterni.

(11)

Fil-biċċa l-kbira ta' l-Istati Membri, l-aspetti operazzjonali fir-rigward tar-ritorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu preżenti illegalment fl-Istati Membri jaqgħu taħt il-kompetenza ta' l-awtoritajiet responsabbli għall-kontroll tal-fruntieri esterni. Billi hemm valur miżjud ċar fit-twettiq ta' dawn il-kompiti f'livell Ewropew, għalhekk l-Aġenzija għandha, skond il-politika ta' ritorn tal-Komunità, tipprovdi l-assistenza meħtieġa sabiex jiġu organizzati operazzjonijiet konġunti ta' ritorn mill-Istati Membri u tidentifika l-aħjar prattika għall-kisba ta' dokumenti ta' l-ivvjaġġar u għat-tneħħija ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fit-territorji ta' l-Istati Membri illegalment.

(12)

Sabiex twettaq il-missjoni tagħha u safejn meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħha, l-Aġenzija tista' tikkopera mal-Europol, ma' l-awtoritajiet kompetenti ta' pajjiżi terzi u ma' l-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti f'materji koperti b'dan ir-Regolament fil-qafas ta' l-arranġamenti ta' ħidma konklużi skond id-disposizzjonijiet rilevanti tat-Trattat. L-Aġenzija għandha tiffaċilita l-koperazzjoni operazzjonali bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi fil-qafas tal-politika tar-relazzjonijiet esterni ta' l-Unjoni Ewropea.

(13)

Billi tibni fuq l-esperjenzi ta' l-Unità Komuni ta' l-Operaturi fil-Fruntieri Esterni u ċ-ċentri operazzjonali u ta' taħriġ speċjalizzati fl-aspetti differenti tal-kontroll u sorveljanza tal-fruntieri fl-art, fl-ajru u fil-baħar rispettivament, li ġew stabbiliti mill-Istati Membri, l-Aġenzija tista' hi stess toħloq fergħat speċjalizzati responsabbli biex jieħdu ħsieb il-fruntieri fl-art, fl-ajru u fil-baħar.

(14)

L-Aġenzija għandha tkun indipendenti fir-rigward ta' kwistjonijiet tekniċi u għandu jkollha awtonomija legali, amministrattiva u finanzjarja. Għal dak il-għan hu meħtieġ u xieraq li għandha tkun fil-forma ta' korp Komunitarju li jkollu personalità ġuridika u li jeżerċita l-poteri mplimentattivi, mogħtija lilu b'dan ir-Regolament.

(15)

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom ikunu rappreżentati fi ħdan Bord ta' Ġestjoni sabiex jikkontrollaw b'mod effikaċi l-funzjonijiet ta' l-Aġenzija. Fejn hu possibbli, il-Bord għandu jikkonsisti mill-kapijiet operazzjonali tas-servizzi nazzjonali responsabbli mill-ġestjoni tal-gwardji tal-fruntieri jew mir-rappreżentanti tagħhom. Il-Bord għandu jingħata l-poteri meħtieġa sabiex jistabbilixxi l-budget, jivverifika l-eżekuzzjoni tiegħu, jadotta r-regoli finanzjarji xierqa, jistabbilixxi proċeduri ta' ħidma trasparenti għat-teħid ta' deċiżjonijiet mill-Aġenzija u jaħtar id-Direttur Eżekuttiv u l-Viċi tiegħu/tagħha.

(16)

Sabiex l-awtonomija sħiħa u l-indipendenza ta' l-Aġenzija jkunu garantiti, għandha tingħata budget awtonomu fejn id-dħul jiġi essenzjalment minn kontribuzzjoni mill-Komunità. Il-proċedura tal-budget tal-Komunità għandha tkun applikabbli safejn huma kkonċernati l-kontribuzzjoni tal-Komunità u kwalunkwe sussidji oħra a karigu tal-budget ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea. Il-verifika tal-kontijiet għandha ssir mill-Qorti ta' l-Awdituri.

(17)

Ir-Regolament (KE) Nru.1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet li tmexxew mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) (3) għandu japplika mingħajr restrizzjoni għall-Aġenzija li għandha taderixxi mal-Ftehim Interistituzzjonali tal-25 ta' Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej dwar l-investigazzjonijiet interni mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) (4).

(18)

Ir-Regolament (KE) Nru. 1049/2001 (5) dwar l-aċċess mill-pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni għandu japplika għall-Aġenzija.

(19)

Ir-Regolament (KE) 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' tali data (6) japplika għall-ipproċessar ta' data personali mill-Aġenzija.

(20)

L-iżvilupp tal-politika u tal-liġi dwar il-kontroll u s-sorveljanza tal-fruntieri esterni jibqa' responsabbiltà ta' l-istituzzjonijiet ta' l-UE, partikolarment tal-Kunsill. Għandha tiġi garantita kordinazzjoni mill-qrib bejn l-Aġenzija u dawn l-istituzzjonijiet ta' l-UE.

(21)

Billi l-għanijiet ta' dan ir-Regolament, jiġifieri l-ħtieġa li tinħoloq ġestjoni integrata ta' koperazzjoni operazzjonali fil-fruntieri esterni ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea, ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għalhekk jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Komunità, l-Komunità tista' tadotta miżuri skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dawk li huwa neċessarju sabiex dan l-għanijiet jintlaħqu.

(22)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 6(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u rifless fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea.

(23)

Fir-rigward ta' l-Islanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp ta' l-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawk iż-żewġ Stati fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta' l-acquis ta' Schengen, li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt A tad-Deċizjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (7) dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta' dak il-Ftehim. Konsegwentement, id-delegazzjonijiet tar-Repubblika ta' l-Islanda u tar-Renju tan-Norveġja għandhom jipparteċipaw bħala membri tal-Bord ta' Ġestjoni ta' l-Aġenzija, għalkemm bi drittijiet ta' votazzjoni limitati. Sabiex jiġu determinati l-modalitajiet ulterjuri li jippermettu l-parteċipazzjoni sħiħa tar-Repubblika ta' l- Islanda u r-Renju tan-Norveġja fl-attivitajiet ta' l-Aġenzija, għandu jiġi konkluż arranġament ieħor bejn il-Komunità u dawn l-Istati.

(24)

Skond l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-Pożizjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitá Ewropea, id-Danimarka ma tipparteċipax fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament, u mhijiex marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Peress li dan ir-Regolament jibni fuq l-acquis ta' Schengen skond id-disposizzjonijiet tat-Titolu IV tat-Tielet Parti tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitá Ewropea, id-Danimarka għandha, skond l-Artikolu 5 tal-Protokoll imsemmi, tiddeċiedi fi żmien sitt xhur wara li l-Kunsill ikun adotta dan ir-Regolament jekk hijiex sejra timplimentah fil-liġi nazzjonali tagħha jew le.

(25)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp ta' dawk id-disposizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen li fihom ir-Renju Unit ma jieħux sehem, skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 li tikkonċerna t-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq biex jieħdu sehem f'xi disposizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen (8). Ir-Renju Unit għaldaqstant mhux qed jieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhux marbut bih jew suġġett għall-applikazzjoni tiegħu.

(26)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-disposizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen li fihom l-Irlanda ma tieħux sehem, skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 li tikkonċerna t-talba ta' l-Irlanda biex tieħu sehem f'xi disposizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen (9). L-Irlanda għaldaqstant mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhijiex marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(27)

L-Aġenzija għandha tiffaċilita l-organizzazzjoni ta' azzjonijiet operazzjonali li fihom l-Istati Membri jistgħu jagħmlu użu mill-kompetenzi u l-faċilitajiet li l-Irlanda u r-Renju Unit jistgħu jkunu lesti li joffru, skond modalitajiet li jiġu deċiżi mill-Bord ta' Ġestjoni skond il-każ partikolari. Għal dak il-għan, rappreżentanti mill-Irlanda u mir-Renju Unit għandhom jiġu mistiedna jattendu għal-laqgħat kollha tal-Bord ta' Ġestjoni sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw b'mod sħiħ fid-deliberazzjonijiet għall-preparazzjoni ta' tali azzjonijiet operazzjonali.

(28)

Teżisti kontroversja bejn ir-Renju ta' Spanja u r-Renju Unit dwar id-demarkazzjoni tal-fruntieri ta' Ġibiltà.

(29)

Is-sospensjoni ta' l-applikabbiltà ta' dan ir-Regolament għall-fruntieri ta' Ġibiltà ma timplika l-ebda bidla fil-posizzjonijiet rispettivi ta' l-Istati konċernati,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

SUĠĠETT

Artikolu 1

L-Istabbiliment ta' l-Aġenzija

1.   Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni (l-Aġenzija) tiġi stabbilita bil-ħsieb li tittejjeb il-ġestjoni integrata tal-fruntieri esterni ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea.

2.   Filwaqt li jitqies li r-responsabbiltà għall-kontroll u s-sorveljanza tal-fruntiera esterna hi ta' l-Istati Membri, l-Aġenzija għandha tiffaċilita u tirrendi b'mod aktar effettiv l-applikazzjoni tal-miżuri tal-Komunità eżistenti u futuri fir-rigward tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni. Għandha tagħmel dan billi tiżgura l-kordinazzjoni ta' l-azzjonijiet ta' l-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta' dawk il-miżuri, u b' hekk tikkontribwixxi għal livell effiċjenti, għoli u uniformi ta' kontroll fuq persuni u sorveljanza tal-fruntieri esterni ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea.

3.   L-Aġenzija għandha wkoll tipprovdi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-appoġġ tekniku meħtieġ u l-kompetenza speċjalizzata meħtieġa fil-ġestjoni tal-fruntieri esterni u tippromwovi s-solidarjetà bejn l-Istati Membri.

4.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, ir-referenzi għall-fruntieri esterni ta' l-Istati Membri għandhom ifissru l-fruntieri fl-art u fil-baħar ta' l-Istati Membri u l-ajruportijiet u portijiet tagħhom, li għalihom japplikaw id-disposizzjonijiet tal-liġi Komunitarja dwar il-qsim tal-fruntieri esterni minn persuni.

KAPITOLU II

KOMPITI

Artikolu 2

Kompiti prinċipali

1.   L-Aġenzija għandha twettaq il-kompiti li ġejjin:

(a)

tikkordina l-koperazzjoni operazzjonali bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni;

(b)

tassisti lill-Istati Membri fit-taħriġ tal-gwardji tal-fruntiera nazzjonali, inkluż l-istabbiliment ta' standards komuni ta' taħriġ;

(ċ)

twettaq analiżi tar-riskju;

(d)

issegwi fl-iżvilupp tar-riċerka rilevanti għall-kontroll u s-sorveljanza tal-fruntieri esterni;

(e)

tassisti lill-Istati Membri fiċ-ċirkostanzi li jeħtieġu aktar assistenza teknika u operazzjonali fil-fruntieri esterni;

(f)

tipprovdi lill-Istati Membri bl-appoġġ meħtieġ fl-organizzazzjoni ta' operazzjonijiet konġunti ta' ritorn.

2.   Bla preġudizzju għall-kompetenzi ta' l-Aġenzija, l-Istati Membri jistgħu jibqgħu jikkoperaw f'livell operazzjonali ma' Stati Membri oħra u/jew ma' pajjiżi terzi fil-fruntieri esterni, meta tali koperazzjoni tkun tikkomplimenta l-azzjoni ta' l-Aġenzija.

L-Istati Membri għandhom jastjenu minn kwalunkwe attività li tista' tipperikola l-funzjonament ta' l-Aġenzija jew il-kisba ta' l-għanijiet tagħha.

L-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Aġenzija dwar dawn il-kwistjonijiet operazzjonali fil-fruntieri esterni `l barra mill-qafas ta' l-Aġenzija.

Artikolu 3

Operazzjonijiet konġunti u proġetti pilota fil-fruntieri esterni

1.   L-Aġenzija għandha tevalwa, tapprova u tikkordina proposti għal missjonijiet konġunti u proġetti pilota magħmula mill-Istati Membri.

L-Aġenzija stess fi ftehim ma' l-Istat/i Membru/i kkonċernat/i tista' tagħti bidu għal inizjattivi għal operazzjonijiet konġunti u proġetti pilota b'koperazzjoni ma' l-Istati Membri.

Tista' wkoll tiddeċiedi li tqiegħed it-tagħmir tekniku tagħha għad-disposizzjoni ta' l-Istati Membri li jkunu qed jipparteċipaw fl-operazzjonijiet konġunti jew fil-proġetti pilota.

2.   Għall-organizzazzjoni prattika ta' l-operazzjonijiet konġunti u l-proġetti pilota, l-Aġenzija tista' topera permezz tal-fergħat speċjalizzati tagħha previsti fl-Artikolu 16.

3.   L-Aġenzija għandha tevalwa r-riżultati ta' l-operazzjonijiet konġunti u tal-proġetti pilota u tagħmel analiżi komparattiva u komprensiva ta' dawk ir-riżultati bl-iskop li tiġi mtejba l-kwalità, il-koerenza u l-effiċjenza ta' operazzjonijiet u proġetti futuri li jkunu ser jiġu nklużi fir-rapport annwali tagħha previst fl-Artikolu 20(2)(b).

4.   L-Aġenzija tista' tiddeċiedi li tikkofinanzja l-operazzjonijiet u l-proġetti msemmija fil-paragrafu 1, b'għoti ta' flus mill-budget tagħha skond ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-Aġenzija.

Artikolu 4

Analiżi tar-riskju

L-Aġenzija għandha tiżviluppa u tapplika mudell ta' analiżi ta' riskju komuni u integrat.

Għandha tipprepara analiżi tar-riskju kemm ġenerali kif ukoll magħmula apposta li għandhom jiġu sottomessi lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

L-Aġenzija għandha tinkorpora r-riżultati ta' mudell ta' analiżi ta' riskju komuni u integrat fl-iżvilupp tal-bażi komuni tagħha għat-taħriġ tal-gwardi tal-fruntiera msemmi fl-Artikolu 5.

Artikolu 5

Taħriġ

L-Aġenzija għandha tistabbilixxi u tkompli tiżviluppa bażi komuni għat-taħriġ ta' gwardji tal-fruntiera u tipprovdi taħriġ f'livell Ewropew għall-istrutturi tal-gwardji tal-fruntiera ta' l-Istati Membri.

L-Aġenzija għandha wkoll toffri korsijiet u seminars ta' taħriġ addizzjonali dwar suġġetti konnessi mal-kontroll u s-sorveljanza tal-fruntieri esterni u r-ritorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-uffiċjali tas-servizzi nazzjonali kompetenti ta' l-Istati Membri.

L-Aġenzija tista' torganizza attivitajiet ta' taħriġ b'koperazzjoni ma' l-Istati Membri fit-territorju tagħhom.

Artikolu 6

Monitoraġġ tar-riċerka

L-Aġenzija għandha tibqa' ssegwi l-iżviluppi fir-riċerka rilevanti għall-kontroll u s-sorveljanza tal-fruntieri esterni u tgħaddi din l-informazzjoni lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri;

Artikolu 7

Il-ġestjoni ta' tagħmir tekniku

L-Aġenzija għandha tistabbilixxi u żżomm rekords ċentralizzati ta' tagħmir tekniku ta' l-Istati Membri għall-kontroll u s-sorveljanza tal-fruntieri esterni, li fuq bażi volontarja u wara talba minn wieħed minn Stat Membru ieħor, huma lesti li jqiegħdu għad-disposizzjoni ta' dak l-Istat Membru għal żmien temporanju wara li tkun saret analiżi mill-Aġenzija tal-ħtiġiet u r-riskji.

Artikolu 8

Appoġġ lill-Istati Membri fiċ-ċirkostanzi li jeħtieġu aktar assistenza teknika u operazzjonali fil-fruntieri esterni

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 64 (2) tat-Trattat, Stat Membru wieħed jew aktar li jkunu kkonfrontati b'ċirkostanzi li jkunu jeħtieġu aktar assistenza teknika u operazzjonali fl-implimentazzjoni ta' l-obbligi tagħhom fir-rigward tal-kontroll u s-sorveljanza tal-fruntieri esterni jistgħu jitolbu lill-Aġenzija għall-assistenza. L-Aġenzija tista' torganizza l-assistenza teknika u operazzjonali xierqa għall-Istat/i Membru/i li jkun/u qed jitlobha/jitolbuha.

2.   Fiċ-ċirkostanzi msemmija fil-paragrafu 1, l-Aġenzija tista':

(a)

tassisti f'materji ta' kordinazzjoni bejn żewġ Stati Membri jew aktar bl-iskop li jiġu megħluba l-problemi li ltaqgħu magħhom fil-fruntieri esterni;

(b)

tibgħat lill-esperti tagħha biex jagħtu appoġġ lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ta' l-Istat/i Membru/i nvolut/i għaż-żmien xieraq.

3.   L-Aġenzija tista' takkwista tagħmir tekniku għall-kontroll u s-sorveljanza tal-fruntieri esterni biex jintuża mill-esperti tagħha għaż-żmien tax-xogħol tagħhom fl-Istat/i Membru/i in kwistjoni.

Artikolu 9

Koperazzjoni fir-ritorn

1.   L-Aġenzija għandha, soġġetta għall-politika tar-ritorn tal-Komunità, tipprovdi l-assistenza xierqa sabiex jiġu organizzati l-operazzjonijiet konġunti ta' ritorn ta' Stati Membri. L-Aġenzija tista' tuża l-mezzi finanzjarji disponibbli fil-qasam tar-ritorn.

2.   L-Aġenzija għandha tidentifika l-aħjar prattiki fil-kisba ta' dokumenti ta' l-ivvjaġġar u t-tneħħija ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu preżenti illegalment.

Artikolu 10

Eżerċizzju ta' poteri eżekuttivi

L-eżerċizzju ta' poteri eżekuttivi mill-persunal ta' l-Aġenzija u l-esperti ta' l-Istati Membri li jkunu qed jaġixxu fit-territorju ta' Stat Membru ieħor huma suġġetti għal-liġi nazzjonali ta' dak l-Istat Membru.

Artikolu 11

Sistemi ta' skambju ta' informazzjoni

L-Aġenzija tista' tieħu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex tiffaċilita l-iskambju ta' informazzjoni rilevanti għad-dmirijiet tagħha fir-rigward tal-Kummissjoni u l-Istati Membri.

Artikolu 12

Koperazzjoni ma' l-Irlanda u r-Renju Unit

1.   L-Aġenzija għandha tiffaċilita l-koperazzjoni operazzjonali ta' l-Istati Membri ma' l-Irlanda u r-Renju Unit f'materji koperti bl-attivitajiet tagħha u safejn meħtieġ għat-twettiq tad-dmirijiet tagħha stabbiliti fl-Artikolu 2(1).

2.   L-appoġġ li għandu jiġi provdut mill-Aġenzija skond l-Artikolu 2(1)(f) għandu jkopri l-organizzazzjoni ta' operazzjonijiet konġunti ta' ritorn ta' l-Istati Membri li fihom l-Irlanda jew ir-Renju Unit, jew it-tnejn, jipparteċipaw ukoll.

3.   L-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għall-fruntieri ta' Ġibiltà għandu jiġi sospiż sad-data li fiha jintlaħaq ftehim dwar il-firxa ta' applikazzjoni tal-miżuri dwar il-qsim minn persuni tal-fruntieri esterni ta' l-Istati Membri.

Artikolu 13

Koperazzjoni mal-Europol u organizzazzjonijiet internazzjonali

L-Aġenzija tista' tikkopera mal-Europol u l-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti fil-kwistjonijiet koperti b'dan ir-Regolament fil-qafas ta' l-arranġamenti ta' ħidma konklużi ma' dawk il-korpi, skond id-disposizzjonijiet rilevanti tat-Trattat u d-disposizzjonijiet dwar il-kompetenza ta' dawk il-korpi.

Artikolu 14

Il-faċilitazzjoni tal-koperazzjoni operazzjonali ma' Pajjiżi Terzi u koperazzjoni ma' l-awtoritajiet kompetenti ta' pajjiżi terzi

Fi kwistjonijiet koperti mill-attivitajiet tagħha u safejn meħtieġ għat-twettiq tad-dmirijiet tagħha, l-Aġenzija għandha tiffaċilita l-koperazzjoni operazzjonali bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi fil-qafas tal-politika tar-relazzjonijiet esterni ta' l-Unjoni Ewropea.

L-Aġenzija tista' tikkopera ma' l-awtoritajiet ta' pajjiżi terzi kompetenti f'materji koperti b'dan ir-Regolament fil-qafas ta' l-arranġamenti ta' ħidma konklużi ma' dawn l-awtoritajiet, skond id-disposizzjonijiet rilevanti tat-Trattat.

KAPITOLU III

STRUTTURA

Artikolu 15

Status legali u sit

L-Aġenzija għandha tkun korp tal-Komunità. Għandu jkollha personalità ġuridika.

F' kull wieħed mill-Istati Membri, l-Aġenzija għandha tgawdi mill-kapaċità legali l-aktar estensiva mogħtija lil persuni ġuridiċi taħt il-liġijiet tagħhom. Tista', b'mod partikolari, takkwista jew tiddisponi minn proprjetà mobbli u immobbli u tista' tkun parti fi proċedimenti legali.

Għandha tkun indipendenti fir-rigward ta' kwistjonijiet tekniċi.

L-Aġenzija għandha tkun rappreżentata mid-Direttur Eżekuttiv tagħha.

Is-sede ta' l-Aġenzija għandha tiġi deċiża bl-unanimità tal-Kunsill.

Artikolu 16

Fergħat speċjalizzati

Il-Bord ta' Ġestjoni ta' l-Aġenzija għandu jevalwa l-ħtieġa għall-istabbiliment ta' fergħat speċjalizzati fl-Istati Membri u jiddeċiedi dwarhom, suġġett għall-kunsens ta' l-Istati Membri waqt li jqis li għandha tingħata prijorità xierqa liċ-ċentri operazzjonali u ta' taħriġ diġà stabbiliti u speċjalizzati fl-aspetti diversi tal-kontroll u s-sorveljanza tal-fruntieri fl-art, l-ajru u l-baħar rispettivament.

Il-fergħat speċjalizzati ta' l-Aġenzija għandhom jiżviluppaw l-aħjar prattiki fir-rigward tat-tipi ta' fruntieri esterni partikulari li għalihom ikunu responsabbli. L-Aġenzija għandha tiżgura l-koerenza u l-uniformità ta' dawn l-aħjar prattiki.

Kull fergħa speċjalizzata għandha tissottometti rapport annwali ddettaljat lid-Direttur Eżekuttiv ta' l-Aġenzija dwar l-attivitajiet tagħha kif ukoll tipprovdi kull tip ta' informazzjoni oħra rilevanti għall-kordinazzjoni tal-koperazzjoni operazzjonali.

Artikolu 17

Il-persunal

1.   Ir-Regolamenti tal-Persunal għall-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, il-Kondizzjonijiet ta' Impjieg applikabbli għal aġenti oħra tal-Komunitajiet Ewropej u r-regoli adottati b'mod konġunt mill-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' dawk ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet għandhom japplikaw għall-persunal ta' l-Aġenzija.

2.   Il-poteri konferiti fuq l-awtorità nominanti bir-Regolamenti tal-Persunal, u bil-Kondizzjonijiet ta' Impjieg ta' aġenti oħra, għandhom jiġu eżerċitati mill-Aġenzija fir-rigward tal-persunal tagħha stess.

3.   Il-persunal ta' l-Aġenzija għandu jkun magħmul minn numru suffiċjenti ta' uffiċjali u esperti nazzjonali fil-qasam tal-kontroll u s-sorveljanza tal-fruntieri esterni sekondati mill-Istati Membri sabiex iwettqu doveri ta' ġestjoni. Il-kumplament tal-persunal għandu jikkonsisti minn impjegati oħra reklutati mill-Aġenzija kif ikun meħtieġ sabiex jiġu mwettqa d-doveri tagħha.

Artikolu 18

Privileġġi u Immunitajiet

Il-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej għandhom japplikaw għall-Aġenzija.

Artikolu 19

Responsabbiltà

1.   Ir-responsabbiltà kontrattwali ta' l-Aġenzija għandha tiġi rregolata bil-liġi li tapplika għall-kuntratt in kwistjoni.

2.   Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej hija kompetenti li tiddeċiedi skond kwalunkwe klawżola ta' arbitraġġ f'kuntratt konkluż mill-Aġenzija.

3.   Fil-każ ta' responsabbiltà non-kuntrattwali, l-Aġenzija għandha, skond il-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet ta' l-Istati Membri, tagħmel tajjeb għal kull ħsara kkawżata mid-dipartimenti tagħha jew mill-impjegati tagħha fit-twettiq ta' dmirijiethom.

4.   Il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti li tittratta kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' kumpens għad-danni msemmija fil-paragrafu 3.

5.   Ir-responsabbiltà personali ta' l-impjegati tagħha lejn l-Aġenzija għandha tiġi rregolata mid-disposizzjonijiet stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal jew fil-Kondizzjonijiet ta' Impjieg applikabbli għalihom.

Artikolu 20

Poteri tal-Bord ta' Ġestjoni

1.   L-Aġenzija għandu jkollha Bord ta' Ġestjoni.

2.   Il-Bord ta' Ġestjoni għandu:

(a)

jaħtar id-Direttur Eżekuttiv fuq proposta mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 26;

(b)

qabel il-31 ta' Marzu ta' kull sena, jadotta r-rapport ġenerali ta' l-Aġenzija għas-sena ta' qabel u jibagħtu sa mhux aktar tard mill-15 ta' Ġunju lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Qorti ta' l-Awdituri. Ir-rapport ġenerali għandu jsir pubbliku;

(ċ)

qabel it-30 ta' Settembru ta' kull sena, u wara li jkun irċieva l-opinjoni tal-Kummissjoni, jadotta, b'maġġoranza ta' tliet kwarti tal-membri tiegħu bid-dritt tal-vot, il-programm ta' ħidma ta' l-Aġenzija għas-sena li tkun tmiss u jibgħatu lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni; dan il-programm ta' ħidma għandu jiġi adottat skond il-proċedura tal-budget annwali tal-Komunità u l-programm leġiżlattiv tal-Komunità f'oqsma rilevanti tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni;

(d)

jistabbilixxi proċeduri għat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar il-kompiti operazzjonali ta' l-Aġenzija mid-Direttur Eżekuttiv;

(e)

iwettaq il-funzjonijiet tiegħu dwar il-budget ta' l-Aġenzija skond l-Artikoli 28, 29(5), (9) u (11), l-Artikolu 30 (5), u l-Artikolu 32;

(f)

jeżerċita awtorità dixxiplinarja fuq id-Direttur Eżekuttiv u l-Viċi Direttur, bi ftehim mad-Direttur Eżekuttiv;

(g)

jistabbilixxi r-Regoli ta' Proċedura tiegħu;

(h)

jistabbilixxi l-istruttura organizzattiva ta' l-Aġenzija u jadotta l-politika ta' l-Aġenzija dwar ir-reklutaġġ ta' persunal;

3.   Proposti għal deċiżjonijiet dwar attivitajiet speċifiċi li jkunu jridu jitwettqu fil-fruntiera esterna ta' kwalunkwe Stat Membru partikulari, jew fil-viċinanza immedjata tagħha, għandhom jeħtieġu vot a favur ta' l-adozzjoni tagħhom mill-Membru tal-Bord ta' Ġestjoni li jirrappreżenta lil dak l-Istat Membru.

4.   Il-Bord ta' Ġestjoni jista' jagħti parir lid-Direttur Eżekuttiv dwar kwalunkwe kwistjoni strettament relatata ma' l-iżvilupp tal-ġestjoni operazzjonali tal-fruntieri esterni, inkluż is-segwitu tar-riċerka kif definit fl-Artikolu 6 ta' dan ir-Regolament.

5.   Il-Bord ta' Ġestjoni għandu, fuq talba mill-Irlanda u/jew ir-Renju Unit għal parteċipazzjoni fl-attivitajiet ta' l-Aġenzija, jiddeċiedi dwarha.

Il-Bord ta' Ġestjoni għandu jieħu d-deċiżjoni tiegħu skond il-każ partikolari b'maġġoranza assoluta tal-membri tiegħu bid-dritt tal-vot. Fid-deċiżjoni tiegħu, l-Bord ta' Ġestjoni għandu jikkunsidra jekk il-parteċipazzjoni ta' l-Irlanda u/jew ir-Renju Unit tkunx tikkontribwixxi għall-kisba ta' l-attività in kwistjoni. Id-deċiżjoni għandha tistabbilixxi l-kontribut finanzjarju ta' l-Irlanda u/jew ir-Renju Unit għall-attività li dwarha tkun saret talba għal parteċipazzjoni.

6.   Kull sena l-Bord ta' Ġestjoni għandu jgħaddi lill-awtorità tal-budget kwalunkwe informazzjoni rilevanti għar-riżultati tal-proċeduri ta' evalwazzjoni.

7.   Il-Bord ta' Ġestjoni jista' jistabbilixxi Uffiċċju Eżekuttiv sabiex jassisti lill-Bord ta' Ġestjoni u lid-Direttur Eżekuttiv fir-rigward tal-preparazzjoni tad-deċiżjonijiet, il-programmi u l-attivitajiet li jiġu adottati mill-Bord ta' Ġestjoni u, fejn meħtieġ, minħabba l-urġenza, biex jieħu ċerti deċiżjonijiet proviżorji f'isem il-Bord ta' Ġestjoni..

Artikolu 21

Il-komposizzjoni tal-Bord ta' Ġestjoni

1.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, il-Bord ta' Ġestjoni għandu jkun magħmul minn rappreżentant wieħed ta' kull Stat Membru u żewġ rappreżentanti tal-Kummissjoni. Għal dan il-għan, kull Stat Membru għandu jaħtar membru tal-Bord ta' Ġestjoni kif ukoll supplent li jkun jirrappreżenta lill-membru fl-assenza tiegħu/tagħha. Il-Kummissjoni għandha taħtar żewġ membri u s-supplenti tagħhom. Il-perjodu tal-mandati għandu jkun ta' erba' snin. Dan il-mandat jista' jiġġedded darba.

2.   Il-membri tal-Bord ta' Ġestjoni għandhom jinħatru abbażi tal-grad tagħhom ta' esperjenza u kompetenza rilevanti ta' livell għoli fil-qasam tal-koperazzjoni operazzjonali dwar il-ġestjoni tal-fruntieri.

3.   Il-pajjiżi li huma assoċjati ma' l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta' l-acquis ta' Schengen għandhom jipparteċipaw fl-Aġenzija. Kull wieħed għandu jkollu rappreżentant wieħed u supplent fil-Bord ta' Ġestjoni. Skond id-disposizzjonijiet rilevanti tal-ftehim ta' assoċjazzjoni tagħhom, għandhom jiġu żviluppati arranġamenti li, inter alia, jispeċifikaw in-natura u l-ambitu tal-parteċipazzjoni ta' dawn il-pajjiżi fil-ħidma ta' l-Aġenzija u r-regoli dettaljati dwarha, inkluż id-disposizzjonijiet dwar kontribuzzjonijiet finanzjarji u l-persunal.

Artikolu 22

Il-Presidenza tal-Bord ta' Ġestjoni

1.   Il-Bord ta' Ġestjoni għandu jeleġġi President u Viċi President minn fost il-membri tiegħu. Il-Viċi President għandu ex offiċio jissostitwixxi lill-President fil-każ li ma jkunx jista' jwettaq dmirijietu.

2.   Il-mandat tal-President u tal-Viċi President għandu jiskadi meta l-appartenenza rispettiva tagħhom fil-Bord ta' Ġestjoni tintemm. Bla ħsara għal din id-disposizzjoni, il-perjodu tal-mandat tal-President jew tal-Viċi President għandu jkun ta' sentejn. Dawn il-mandati jistgħu jiġġeddu darba.

Artikolu 23

Laqgħat

1.   Il-laqgħat tal-Bord ta' Ġestjoni għandhom jissejħu mill-President tiegħu.

2.   Id-Direttur Eżekuttiv ta' l-Aġenzija għandu jieħu parti fid-deliberazzjonijiet.

3.   Il-Bord ta' Ġestjoni għandu jżomm mill-inqas żewġ laqgħat ordinarji fis-sena. Barra minn hekk għandu jiltaqa' fuq rikjesta urġenti tal-President jew fuq rikjesta ta' mill-inqas terz tal-membri tiegħu.

4.   L-Irlanda u r-Renju Unit għandhom jiġu mistiedna jattendu għal-laqgħat tal-Bord ta' Ġestjoni.

5.   Il-Bord ta' Ġestjoni jista' jistieden kwalunkwe persuna oħra, li l-opinjoni tagħha tista' tkun ta' interess, sabiex tattendi għal-laqgħat tiegħu bħala osservatur.

6.   Il-membri tal-Bord ta' Ġestjoni jistgħu, bla ħsara għad-disposizzjonijiet tar-Regoli u Proċedura tiegħu, ikunu assistiti minn konsulenti jew esperti.

7.   Is-Segretarjat tal-Bord ta' Ġestjoni għandu jiġi pprovdut mill-Aġenzija.

Artikolu 24

Votazzjoni

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 20(2)(ċ) kif ukoll 26(2) u (4), il-Bord ta' Ġestjoni għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu b'maġġoranza assoluta tal-membri tiegħu li jkollhom id-dritt tal-vot.

2.   Kull membru għandu jkollu vot wieħed. Id-Direttur Eżekuttiv ta' l-Aġenzija ma għandux jivvota. Fl-assenza ta' xi membru, is-supplent tiegħu huwa intitolat li jeżerċita d-dritt li jivvota.

3.   Ir-regoli ta' proċedura għandhom jistabbilixxu l-arranġamenti ta' votazzjoni aktar dettaljati, speċjalment il-kondizzjonijiet għal membru biex jaġixxi għan-nom ta' membru ieħor kif ukoll kwalunkwe ħtiġiet għal quorum, fejn ikun il-każ.

Artikolu 25

Funzjonijiet u poteri tad-Direttur Eżekuttiv

1.   L-Aġenzija għandha titmexxa mid-Direttur Eżekuttiv tagħha, li għandu jkun kompletament indipendenti fit-twettiq ta' dmirijietu/ha. Mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi rispettivi tal-Kummissjoni, tal-Bord ta' Ġestjoni u ta' l-Uffiċċju Eżekuttiv, id-Direttur Eżekuttiv la għandu jfittex u lanqas jieħu struzzjonijiet minn kwalunkwe gvern jew minn kwalunkwe korp ieħor.

2.   Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu jistiednu lid-Direttur Eżekuttiv ta' l-Aġenzija sabiex jirrapporta dwar it-twettiq tal-kompiti tiegħu.

3.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkollu d-dmirijiet u l-poteri li ġejjin:

(a)

li jipprepara u jimplimenta d-deċiżjonijiet u programmi u attivitajiet adottati mill-Bord ta' Ġestjoni ta' l-Aġenzija fil-limiti speċifikati b'dan ir-Regolament, ir-regoli ta' implimentazzjoni tiegħu u kwalunkwe liġi applikabbli;

(b)

li jieħu l-passi kollha meħtieġa, inkluż l-adozzjoni ta' istruzzjonijiet amministrattivi interni u l-pubblikazzjoni ta' notifiki, sabiex jiżgura l-funzjonament ta' l-Aġenzija skond id-disposizzjonijiet ta' dan ir-Regolament;

(ċ)

li jipprepara kull sena abbozz ta' programm ta' ħidma u rapport dwar l-attività u jissottomettihom lill-Bord ta' Ġestjoni;

(d)

li jeżerċita fir-rigward tal-persunal il-poteri stabbiliti fl-Artikolu 17 (2).

(e)

li jipprepara l-estimi tad-dħul u l-infiq ta' l-Aġenzija skond l-Artikolu 29, u jimplimenta l-budget skond l-Artikolu 30;

(f)

li jiddelega l-poteri tiegħu/tagħha lil membri oħra tal-persunal ta' l-Aġenzija suġġett għal regoli li għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 20(2) (g).

4.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun responsabbli għall-azzjonijiet tiegħu lill-Bord ta'

Artikolu 26

Il-ħatra ta' uffiċjali għolja

1.   Il-Kummissjoni għandha tipproponi kandidati għall-post ta' Direttur Eżekuttiv abbażi ta' lista wara li l-post ikun ġie ppublikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea u ġurnali oħrajn jew siti ta' l-internet kif xieraq.

2.   Id-Direttur Eżekuttiv ta' l-Aġenzija għandu jiġi maħtur mill-Bord ta' Ġestjoni abbażi tal-mertu u tal-kapaċitajiet dokumentati ta' amministrazzjoni u ġestjoni, kif ukoll ta' l-esperjenza rilevanti tiegħu/tagħha fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni. Il-Bord ta' Ġestjoni għandu jieħu d-deċiżjoni tiegħu b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri kollha li jkollhom id-dritt tal-vot.

Il-Bord ta' Ġestjoni għandu jkollu l-poter li jneħħi lid-Direttur Eżekuttiv, skond l-istess proċedura.

3.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun assistit minn Viċi Direttur Eżekuttiv. Jekk id-Direttur Eżekuttiv ikun assenti jew indispost, il-Viċi Direttur Eżekuttiv għandu jieħu postu.

4.   Il-Viċi Direttur Eżekuttiv għandu jinħatar mill-Bord ta' Ġestjoni abbażi tal-mertu u tal-kapaċitajiet dokumentati ta' amministrazzjoni u ġestjoni, kif ukoll ta' l-esperjenza rilevanti tiegħu fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni. Il-Bord ta' Ġestjoni għandu jieħu d-deċiżjoni tiegħu b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri kollha li jkollhom id-dritt tal-vot.

Il-Bord ta' Ġestjoni għandu jkollu l-poter li jneħħi lid-Direttur Eżekuttiv, skond l-istess proċedura.

5.   Il-mandati tad-Direttur Eżekuttiv u tal-Viċi Direttur Eżekuttiv għandhom ikunu ta' ħames snin. Jistgħu jiġu estiżi darba mill-Bord ta' Ġestjoni għal perjodu ieħor ta' mhux aktar minn ħames snin.

Artikolu 27

Traduzzjoni

1.   Id-disposizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament Nru. 1 tal-15 ta' April 1958 li jiddeterminaw il-lingwi li għandhom jiġu wżati fil-Komunità Ewropea (10) għandhom japplikaw għall-Aġenzija.

2.   Mingħajr preġudizzju għad-deċiżjonijiet li jittieħdu abbażi ta' l-Artikolu 290 tat-Trattat, ir-rapport annwali dwar l-attività u l-programm ta' ħidma msemmija fl-Artikolu 20(2)(b) u (ċ), għandhom jitlestew fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Komunità.

3.   Is-servizzi ta' traduzzjoni meħtieġa għall-funzjonament ta' l-Aġenzija għandhom jiġu provduti miċ-Ċentru ta' Traduzzjoni għall-korpi ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 28

Trasparenza u komunikazzjoni

1.   Sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament, l-Aġenzija għandha tkun suġġetta għar-Regolament (KE) Nru. 1049/2001 meta tkun qed tittratta l-applikazzjonijiet għal aċċess għad-dokumenti li jkunu għandha.

2.   L-Aġenzija tista' tikkomunika, fuq inizjattiva tagħha stess, fl-oqsma fi ħdan il-missjoni tagħha. Għandha tiżgura b'mod partikulari li, minbarra l-pubblikazzjoni speċifikata fl-Artikolu 20(2)(b), il-pubbliku u kwalunkwe parti interessata jingħataw bla dewmien informazzjoni objettiva, ta' min jorbot fuqha u li tkun tiftiehem faċilment fir-rigward tal-ħidma tagħha.

3.   Il-Bord ta' Ġestjoni għandu jistabbilixxi l-arranġamenti prattiċi għall-applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 2.

4.   Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun intitolata li tindirizza bil-miktub lill-Aġenzija bi kwalunkwe lingwa imsemmija fl-Artikolu 314 tat-Trattat. Għandha d-dritt li tirċievi tweġiba bl-istess lingwa.

5.   Id-deċiżjonijiet li jittieħdu mill-Aġenzija skond l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru. 1049/2001 jistgħu jwasslu għal preżentazzjoni ta' ilment lill-Ombudsman jew ikunu s-suġġett ta' rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 195 u 230 rispettivament tat-Trattat.

KAPITOLU IV

ĦTIĠIET FINANZJARJI

Artikolu 29

Budget

1.   Id-dħul ta' l-Aġenzija għandu jikkonsisti, mingħajr preġudizzju għal tipi oħra ta' dħul, minn:

sussidju mill-Komunità li jkun iddaħħal fil-budget ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea (sezzjoni tal-Kummissjoni);

kontribut mill-pajjiżi li huma assoċjati ma' l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta' l-acquis ta' Schengen;

ħlasijiet għas-servizzi provduti;

kull kontribuzzjoni volontarja mill-Istati Membri.

2.   L-infiq ta' l-Aġenzija għandu jinkludi l-ispejjeż tal-persunal u dawk amministrattivi, infrastrutturali u operazzjonali.

3.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jħejji stima tad-dħul u l-infiq ta' l-Aġenzija għas-sena finanzjarja li tkun tmiss u għandu jgħaddiha lill-Bord ta' Ġestjoni flimkien ma' pjan ta' stabbiliment.

4.   Għandu jkun hemm bilanċ bejn id-dħul u l-infiq.

5.   Il-Bord ta' Ġestjoni għandu jadotta l-abbozz ta' l-istima, inkluż il-pjan proviżorju ta' stabbiliment, flimkien mal-programm preliminarju ta' ħidma, u jgħaddihom sa mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu lill-Kummissjoni u lill-pajjiżi assoċjati ma' l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta' l-acquis ta' Schengen.

6.   L-istima għandha tintbagħat mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (minn issa `l quddiem imsejħa “l-awtorità tal-budget”) flimkien ma' l-abbozz preliminarju tal-budget ta' l-Unjoni Ewropea.

7.   Abbażi tal-budget, il-Kummissjoni għandha ddaħħal fl-abbozz preliminarju tal-budget ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea l-istimi li tqis meħtieġa għall-pjan ta' stabbiliment u l-ammont tas-sussidju li għandu jiġi addebitat lill-budget ġenerali, li għandha tippreżenta lill-awtorità tal-budget skond l-Artikolu 272 tat-Trattat.

8.   L-awtorità tal-budget għandha tawtorizza l-approprjazzjonijiet għas-sussidju lill-Aġenzija. L-awtorità tal-budget għandha tadotta l-pjan ta' stabbiliment għall-Aġenzija.

9.   Il-Bord ta' Ġestjoni jadotta l-budget ta' l-Aġenzija. Għandu jsir finali wara l-adozzjoni finali tal-budget ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea. Fejn xieraq, għandu jiġi aġġustat kif xieraq.

10.   Kwalunkwe modifika lill-budget, inkluż il-pjan ta' stabbiliment, għandha issegwi l-istess proċedura.

11.   Il-Bord ta' Ġestjoni għandu, malajr kemm jista' jkun, jinnotifika lill-awtorità tal-budget dwar l-intenzjoni tiegħu biex jimplimenta kull proġett li jista' jkollu implikazzjonijiet finanzjarji sinifikanti għall-finanzjament tal-budget tiegħu, partikolarment kull proġett dwar il-proprjetà bħal, per eżempju, il-kiri jew ix-xiri ta' bini. Għandu jinforma lill-Kummissjoni b'dan kif ukoll lill-pajjiżi li huma assoċjati ma' l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta' l-acquis ta' Schengen;

Fejn fergħa ta' l-awtorità tal-budget tkun tat notifika dwar l-intenzjoni tagħha li tagħti opinjoni, għandha tgħaddi l-opinjoni tagħha lill-Bord ta' Ġestjoni fi żmien sitt gimgħat mid-data tan-notifika tal-proġett.

Artikolu 30

L-implimentazzjoni u l-kontroll tal-budget

1.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jimplimenta l-budget ta' l-Aġenzija.

2.   Sa mhux aktar tard mill-1 ta' Marzu wara kull sena finanzjarja, l-uffiċjal kontabbli ta' l-Aġenzija għandu jikkomunika l-kontijiet proviżorji lill-uffiċjal kontabbli tal-Kummissjoni flimkien ma' rapport dwar l-ġestjoni tal-budget u dik finanzjarja għal dik is-sena finanzjarja. L-uffiċjal kontabbli tal-Kummissjoni għandu jikkonsolida l-kontijiet proviżorji ta' l-istituzzjonijiet u tal-korpi deċentralizzati skond l-Artikolu 128 tar-Regolament tal-Kunsill (KE. Euratom) Nru. 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (11)(minn hawn `il quddiem imsejjaħ ir-“Regolament Finanzjarju ġenerali”).

3.   Sa mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu wara kull sena finanzjarja, l-uffiċjal kontabbli tal-Kummissjoni għandu jgħaddi l-kontijiet proviżorji ta' l-Aġenzija lill-Qorti ta' l-Awdituri, flimkien ma' rapport dwar il-ġestjoni tal-budget u dik finanzjarja għal dik is-sena finanzjarja. Ir-rapport dwar il-ġestjoni tal-budget u dik finanzjarja għal dik is-sena finanzjarja għandha wkoll tintbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

4.   Hekk kif jirċievi l-osservazzjonijiet tal-Qorti ta' l-Awdituri dwar il-kontijiet proviżorji ta' l-Aġenzija, skond l-Artikolu 129 tar-Regolament Finanzjarju ġenerali, id-Direttur, taħt ir-responsabbiltà tiegħu stess, għandu jħejji l-kontijiet finali ta' l-Aġenzija u jgħaddihom lill-Bord ta' Ġestjoni għal opinjoni.

5.   Il-Bord ta' Ġestjoni għandu jagħti opinjoni dwar il-kontijiet finali ta' l-Aġenzija.

6.   Sa mhux aktar tard mill-1 ta' Lulju tas-sena ta' wara, id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat il-kontijiet finali, flimkien ma' l-opinjoni tal-Bord ta' Ġestjoni, lill-Kummissjoni, lill-Qorti ta' l-Awdituri, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill kif ukoll lill-pajjiżi assoċjati ma' l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta' l-acquis ta' Schengen.

7.   Il-kontijiet finali għandhom jiġu pubblikati.

8.   Id-Direttur għandu jibgħat lill-Qorti ta' l-Awdituri risposta għall-osservazzjonijiet tagħha sa mhux aktar tard mit-30 ta' Settembru. Għandu wkoll jibgħat din ir-risposta lill-Bord ta' Ġestjoni.

9.   Il-Parlament Ewropew, fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill, għandu, qabel it-30 ta' April tas-sena ta' kwittanza + 2, lid-Direttur Eżekuttiv ta' l-Aġenzija fir-rigward ta' l-implimentazzjoni tal-budget għas-sena ta' kwittanza.

Artikolu 31

Il-ġlieda kontra l-frodi

1.   Sabiex jiġu miġġielda l-frodi, il-korruzzjoni u attivitajiet oħra illegali, id-disposizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru. 1073/1999 għandhom japplikaw mingħajr restrizzjonijiet.

2.   L-Aġenzija għandha taderixxi mal-Ftehim Interistituzzjonali tal-25 ta' Mejju 1999 dwar l-investigazzjonijiet interni mill-Uffiċċju ta' Kontra l-Frodi Ewropew (OLAF), u għandha toħroġ, bla dewmien, id-disposizzjonijiet xierqa applikabbli lill-impjegati kollha ta' l-Aġenzija.

3.   Id-deċiżjonijiet dwar il-finanzjament u l-ftehim ta' implimentazzjoni u l-istrumenti li jirriżultaw minnhom għandhom jistipulaw espliċitament li l-Qorti ta' l-Awdituri u l-OLAF jistgħu jagħmlu, jekk meħtieġ, kontrolli fuq il-post fost dawk li jirċievu finanzjament mill-Aġenzija u l-aġenti responsabbli għall-allokazzjoni tiegħu.

Artikolu 32

Disposizzjoni finanzjarja

Ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-Aġenzija għandhom jiġu adottati mill-Bord ta' Ġestjoni wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni. Ma jistgħux jiddevjaw mir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru. 2343/2002 (12) dwar ir-Regolament Kwadru Finanzjarju għall-korpi msemmija fl-Artikolu 185 tar-Regolament Finanzjarju ġenerali, sakemm ma jkunx speċifikament meħtieġ għall-operazzjoni ta' l-Aġenzija u bil-kunsens minn qabel tal-Kummissjoni.

KAPITOLU V

DISPOSIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 33

Evalwazzjoni

1.   Fi żmien tliet snin mid-data ta' meta l-Aġenzija tkun assumiet ir-responsabbiltajiet tagħha, u kull ħames snin wara dan, il-Bord ta' Ġestjoni għandu jikkummissjona evalwazzjoni indipendenti esterna dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament.

2.   Fl-evalwazzjoni għandu jsir eżami ta' kemm l-Aġenzija twettaq il-missjoni tagħha b'mod effettiv. Għandu wkoll jevalwa l-impatt ta' l-Aġenzija u s-sistemi ta' ħidma tagħha. L-evalwazzjoni għandha tqis l-opinjonijiet tal-partijiet interessati, f'livell Ewropew kif ukoll nazzjonali.

3.   Il-Bord ta' Ġestjoni għandu jirċievi r-riżultati ta' l-evalwazzjoni u joħroġ rakkomandazzjonijiet dwar tibdil f'dan ir-Regolament, l-Aġenzija u s-sistemi ta' ħidma tagħha lill-Kummissjoni, li min-naħa tagħha għandha tibgħathom, flimkien ma' l-opinjoni tagħha stess kif ukoll kull proposta xierqa, lill-Kunsill. Jekk xieraq, għandu jkun inkluż pjan ta' azzjoni bi skeda ta' żmien. Kemm ir-riżultati kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet ta' l-evalwazzjoni għandhom isiru pubbliċi.

Artikolu 34

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fi (...) jum wara dak li fih ikun ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

L-Aġenzija għandha tassumi r-responsabbiltajiet tagħha mill-1 ta' Mejju 2005.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, is-26 ta' Ottubru 2004.

Għall-Kunsill

Il-President

R. VERDONK


(1)  Opinjoni mogħtija fid-9 ta' Marzu 2004 (għadha mhux pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)

(2)  ĠU C 108, 30.4.2004, p. 97.

(3)  ĠU L 136, 31.5.1999, p. 1.

(4)  ĠU L 136, 31.5.1999, p. 15.

(5)  ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.

(6)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(7)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31.

(8)  ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43.

(9)  ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20.

(10)  ĠU L 17, 6.10.1958, p. 385. Regolament kif emendat l-aħħar bl-Att ta' Adeżjoni ta' l-2003.

(11)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(12)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.