5.10.2004   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 308/1


IR-REGOLAMENT (KE) NRU 1682/2004 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta' Settembru 2004

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1655/2000 dwar l-Istrument Finanzjarju għall-Ambjent (LIFE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 175(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew (1)

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

L-Istrument Finanzjarju għall-Ambjent, LIFE, kif stabbilit mir-Regolament (KE) Nru. 1655/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), qiegħed jiġi implimentat f'fażijiet, li t-tielet waħda tintemm fil-31 ta' Diċembru 2004.

(2)

Meqjusa l-kontribuzzjoni pożittiva ta' LIFE għall-kisba ta' l-għanijiet tal-politika tal-Komunità dwar l-ambjent u bil-għan ta' aktar kontribuzzjoni għall-implimentazzjoni, l-aġġornar u l-iżvilupp tal-politika ambjentali tal-Komunità u tal-leġislazzjoni ambjentali, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-integrazzjoni ta' l-ambjent f'politika oħra, u ta' l-iżvilupp sostenibbli, it-tul tat-tielet fażi għandu jiġi estiż sal-31 ta' Diċembru 2006.

(3)

Is-Sitt Programm tal-Komunità ta' Azzjoni dwar l-Ambjent ġie adottat fit-22 ta' Lulju 2002 bid-Deċizjoni Nru. 1600/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Huwa neċessarju li jiġi addattat ir-Regolament (KE) Nru. 1655/2000 għall-għanijiet u l-prijoritajiet stabbiliti f'dak il-Programm.

(4)

Hemm bżonn li jitneħħa d-distakk ta' żmien bejn l-iskadenza tat-tielet fażi tal-LIFE u l-perspettivi finanzjarji l-ġodda wara l-2006 għal perijodu ta' sentejn li jintemm fil-31 ta' Diċembru 2006.

(5)

LIFE għandu jkun rinforzat bħala strument finanzjarju speċifiku, kumplimentarju għall-Programmi ta' Riċerka tal-Komunità u tal-Fondi Strutturali u l-Programmi ta' Żvilupp Rurali. Għandhom isiru sforzi li jinkoraġġixxu l-użu iktar effiċjenti ta' dawn l-istrumenti finanzjari Komunitarji għall-finanzjament ta' elementi ta' proġetti ta' l-ambjent u n-natura. Miżuri xierqa għandhom jiġu stabbiliti biex tkun ipprevenuta l-possibbiltà ta' finanzjament doppju.

(6)

Komunikazzjoni bl-isem “L-iżvilupp ta' pjan ta' azzjoni għat-teknoloġija ambjentali” kienet adottata mill-Kummissjoni fil-25 ta' Marzu 2003. Din il-Komunikazzjoni kienet segwita minn Pjan ta' Azzjoni dwar it-Teknologija Ambjentali li ġie adottat fit-28 ta' Jannar 2004, li għandu jservi ta' referenza għal-linji ta' gwida għall-Ambjent LIFE.

(7)

Ir-rapport speċjali tal-Qorti ta' l-Awdituri Nru. 11/2003 (5) eżamina t-tnissil, l-amministrazzjoni u l-implimentazzjoni ta' LIFE. Huwa xieraq li jittieħed kont tar-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti.

(8)

Mill-1 ta' Mejju 2004 għaxar Stati Membri ġodda ssieħbu ma' l-Unjoni Ewropea u dan għandu jiġi hekk rifless fl-allokazzjoni tal-budget lil LIFE.

(9)

L-esplojtazzjoni u d-disseminazzjoni tar-riżultati għandhom jiġu mtejjba u l-ammont allokat fil-budget għal dak l-għan għandu jiżdied.

(10)

Proġetti li jkunu għadhom għaddejjin sa l-aħħar tal-2006 għandhom jibqgħu jiġu mmonitorjati u verifikati.

(11)

Fis-sentenza tagħha tal-21 ta' Jannar 2003 (6) il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej annullat l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru. 1655/2000. Il-Qorti ddikjarat illi “l-effetti ta' l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru. 1655/2000 għandhom jinżammu kompletament sakemm il-Parlament u l-Kunsill jadottaw dispożizzjonijiet ġodda dwar il-proċedura tal-kumitat li għalih il-miżuri għall-implimentazzjoni ta' dak ir-Regolament huma soġġetti”.

(12)

Bi qbil ma' l-Artikolu 233 tat-Trattat, l-istituzzjonjiet li l-atti tagħhom ġew iddikjarati nulli huma meħtieġa jieħdu l-miżuri neċessarji biex ikunu konformi mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

(13)

Il-miżuri li l-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta taħt is-setgħat ta' implimentazzjoni mogħtija lilha mir-Regolament (KE) Nru. 1655/2000 huma miżuri ta' amministrazzjoni li għandhom x'jaqsmu ma' l-implimentazzjoni ta' programm b' implikazzjonijiet sostanzjali għall-budget fis-sens tat-tifsira ta' l-Artikolu 2(a) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni (7). Dawk il-miżuri għandhom għaldaqstant jiġu addottati skond il-proċedura ta' amministrazzjoni prevista fl-Artikolu 4 ta' dik id-Deċizjoni, mingħajr preġudizzju għall-proċedura tal-kumitat li għandha tintgħażel għal kull żvilupp ieħor ta' LIFE jew għal strument finanzjarju esklussivament fil-qasam ta' l-ambjent.

(14)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi għat-tul kollu tal-programm qafas finanzjarju li jikkostitwixxi l-punt ewlieni ta' referenza fis-sens tat-tifsira tal-punt 33 tal-Ftehim Inter-Istituzzjonali tas-6 ta' Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina fil-budget u t-titjib tal-proċedura dwar il-budget, għall-awtoritajiet għall-budget matul il-proċedura annwali dwar il-budget  (8).

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru. 1655/2000 għandu jkun emendat kif ġej:

1)

L-Artikolu 3 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 3:

(i)

il-punt (a) għandu jinbidel b'dan li ġej:

“(a)

50 % għall-proġetti ta' konservazzjoni tan-natura, 100 % ta' l-ispejjeż eliġibbli esklużi l-ispejjeż fissi u oġġetti li jservu fit-tul għal miżuri ta' akkumpanjament skond il-paragrafu 2(b)(i) u (ii) u 100 % ta' l-ispejjeż għal miżuri ta' akkumpanjament skond il-paragrafu 2(b)(iii);”;

(ii)

għandu jiżdied il-punt li ġej:

“(ċ)

l-ispejjeż tas-salarju ta' ħaddiem mas-servizz ċivili għandhom ikunu kkunsidrati bħala eliġibbli biss sakemm dawn jirrelataw ma' l-ispiża ta' attivitajiet li l-awtorità pubblika relevanti ma kenitx twettaq li kieku l-proġett konċernat ma jitwettaqx.”;

(b)

Għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

“3a.   L-għotja ta' assistenza fir-rigward ta' proġett li jinvolvi l-akkwist ta' art għandu jkun suġġett għall-kondizzjoni li l-art li nxtrat hi riservata maż-żmien għal użu ta' l-art konsistenti ma' l-oġġettiv ta' LIFE-natura stipulat fil-paragrafu 1. L-Istati Membri għandhom, permezz ta' trasferiment jew b'xi mod ieħor, jiżguraw ir-riżerva maż-żmien ta' art bħal din għall-għanijiet ta' ħarsien tan-natura.”;

(ċ)

fil-paragrafu 7, it-tieni paragrafu għandu jinbidel b'li ġej:

“Bi qbil ma' l-Artikolu 116 tar-Regolament tal-Kunsill (KE/Euratom) Nru. 1605/2002 tal-25 ta' ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (*), deċizjoni għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni dwar proġetti li ġew aċċettati u ftehim għal għajnuna finanzjarja li jistabbilixxu l-ammont ta' assistenza finanzjarja, il-proċeduri u l-kontrolli finanzjarji, u l-kondizzjonijiet tekniċi speċifiċi tal-proġett approvat għandhom jiġu konklużi mal-benefiċjarji.

(*)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.”;"

(d)

Paragrafu 8 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“8.   Fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni:

(a)

miżuri ta' akkumpanjament li għandhom jiġu ffinanzjati skond il-paragrafu 2(b)(i) u (ii) għandhom, wara konsultazzjoni mal-kumitat imsemmi fl-Artikolu 21 tad-Direttiva 92/43/KEE, ikunu s-suġġett ta' sejħiet għal proposti. Stati Membri jistgħu jissottomettu proposti dwar miżuri ta' akkumpanjament lill-Kummissjoni,

(b)

miżuri ta' akkumpanjament li għandhom ikunu ffinanzjati skond il-paragrafu 2(b)(iii) għandhom ikunu s-suġġett ta' sejħiet għal offerti. Is-sejħiet kollha għal offerti għandhom ikunu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea fejn il-kriterji speċifiċi li għandhom jintlaħqu għandhom ikunu stabbiliti.”;

2)

L-Artikolu 4 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

Fil-paragrafu 3:

(i)

ir-raba' sub-paragrafu għandu jinbidel b'dan li ġej:

“Ir-rata ta' sostenn finanzjarju mill-Komunità għandha tkun 100 % ta' l-ispejjeż eliġibbli esklużi l-ispejjeż fissi u oġġetti li jservu fit-tul għal miżuri ta' akkumpanjament skond il-paragrafu 2(ċ)(i) u 100 % ta' l-ispejjeż għal miżuri ta' akkumpanjament skond il-paragrafu 2(ċ)(ii).”;

(ii)

għandu jiżdied is-sub-paragrafu li ġej:

QU

“L-ispejjeż tas-salarju ta' ħaddiem mas-servizz ċivili għandhom ikunu kkunsidrati bħala eliġibbli biss sakemm dawn jirrelataw ma' l-ispiża ta' attivitajiet li l-awtorità pubblika relevanti ma kenitx twettaq li kieku l-proġett konċernat ma jseħħx.”;

(b)

il-paragrafu 4 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“4.   Sa fejn għandhom x'jaqsmu l-proġetti ta' dimostrazzjoni msemmija fil-paragrafu 2(a), linji ta' gwida għandhom jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 11(2), u ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dawk il-linji ta' gwida għandhom jindikaw iż-żoni ta' prijorità u l-għanijiet għal proġetti ta' dimostrazzjoni b'referenza espliċita għal prijoritajiet stabbiliti fid-Deċiżjoni Nru. 1600/2002/KE (**).

Il-linji ta' gwida ser jassiguraw li l-LIFE-Ambjent ikun komplimentari għall-Programmi ta' Riċerka tal-Komunità u l-Fondi Strutturali u l-Programmi ta' Żvilupp Rurali.

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi linji ta' gwida għall-proġetti preparatorji msemmija fil-paragrafu 2(b). Għandha tippubblika dawn il-linji ta' gwida fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea u tinforma l-kumitat msemmi fl-Artikolu 11(1) tal-pubblikazzjoni tagħhom.

(**)  ĠU L 242, 10.9.2002, p. 1.”;"

(ċ)

fil-paragrafu 6, il-punti (d) u (e) għandhom jinbidlu b'dan li ġej:

“(d)

kapaċi li jippromwovu l-applikazzjoni u disseminazzjoni wiesgħa ta' prattiċi, teknoloġiji u/jew prodotti li jwasslu għall-protezzjoni ta' l-ambjent;

(e)

li jimmiraw lejn l-iżvilupp u t-trasferiment ta' teknoloġiji jew metodi innovattivi li jistgħu jiġu wżati f'sitwazzjonijiet identiċi jew simili, b'mod partikolari fi Stati Membri ġodda;”;

(d)

Il-paragrafu 8 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“8.   Fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni:

(a)

proġetti li għandhom jiġu ffinanzjati bis-saħħa tal-paragrafu 2(b) u miżuri ta' akkumpanjament li għandhom ikunu ffinanzjati skond il-paragrafu 2(ċ)(i) għandhom, wara konsultazzjoni mal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 11(1), ikunu s-suġġett ta' sejħiet għal proposti. L-Istati Membri jistgħu jissottomettu lill-Kummissjoni proposti għal proġetti li għandhom jiġu ffinanzjati skond il-paragrafu 2(b) kif ukoll miżuri ta' akkumpanjament li għandhom jiġu ffinanzjati skond il-paragrafu 2(ċ)(i);

(b)

miżuri ta' akkumpanjament li għandhom jiġu ffinanzjati skond il-paragrafu 2(ċ)(ii) għandhom ikunu s-suġġett ta' sejħiet għal offerti. Is-sejħiet kollha għal offerti għandhom ikunu ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea fejn il-kriterji speċifiċi li għandhom jintlaħqu għandhom ikunu stabbiliti.”;

(e)

Il-paragrafu 11 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“11.   Skond l-Artikolu 116 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru. 1605/2002, deċizjoni għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni dwar il-proġetti li jkunu ġew aċċettati u ftehim għal għajnuna finanzjarja li jistabbilixxu l-ammont ta' assistenza finanzjarja, il-proċeduri u l-kontrolli finanzjarji, u l-kondizzjonijiet tekniċi speċifiċi tal-proġett approvat għandhom jiġu konklużi mal-benefiċjarji.”;

3)

fl-Artikolu 5, il-paragrafu 9, għandu jinbidel b'dan li ġej:

“9.   Fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni, miżuri ta' akkumpanjament li għandhom jiġu ffinanzjati skond il-paragrafu 2(b) għandhom ikunu s-suġġett ta' sejħiet għal offerti ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea fejn il-kriterji speċifiċi li għandhom jintlaħqu għandhom ikunu stabbiliti.”;

4)

Fl-Artikolu 7, it-titolu u l-paragrafu 1 għandhom jinbidlu b'dan li ġej:

Artikolu 7

Konsistenza u kumplimentarità bejn strumenti finanzjarji

1.   Mingħajr preġudizzju għall-kondizzjonijiet għall-pajjiżi kandidati għall-adeżjoni, stabbiliti fl-Artikolu 6, il-proġetti li jirċievu għajnuna prevista mill-Fondi Strutturali jew strumenti oħra tal-budget tal-Komunità ma għandhomx ikunu eliġibbli għal assistenza finanzjarja taħt dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li tinġibed l-attenzjoni ta' l-applikanti għall-fatt li huma ma jistgħux jakkumulaw sussidji minn fondi differenti tal-Komunità. Miżuri xierqa għandhom jiġu stabbiliti biex tkun ipprevenuta l-possibbiltà ta' finanzjament doppju.

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jinformaw lill-applikanti dwar l-istrumenti finanzjarji Komunitarji diversi li huma disponibbli għall-finanzjament ta' elementi ta' proġetti dwar l-ambjent u n-natura.”;

5)

Artikolu 8 għandu jkun emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1 is-sub-paragrafu li ġej għandu jiżdied:

“It-tielet fażi għandha tkun estiża b'sentejn sal-31 ta' Diċembru 2006. Il-qafas finanzjarju għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament huwa hawnhekk stabbilit għal EUR 317.2. miljun. L-awtorità għall-budget għandha tawtorizza appropjazzjonijiet annwali fil-kuntest tal-proċedura annwali dwar il-budget u fil-limiti tal-perspettiva finanzjarja applikabbli.”;

(b)

fil-paragrafu 3, it-tieni paragrafu għandu jinbidel b'li ġej:

“Għall-perijodu mill-1 ta' Jannar 2005 sal-31 ta' Diċembru 2006, il-miżuri ta' akkumpanjament għandhom ikunu limitati għas-6 % ta' l-approprazzjonijiet disponibbli.”;

6)

l-Artikolu 9 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu (1), jiżdied is-sub-paragrafu li ġej:

“Il-Kummissjoni għandha tassigura li r-riżultat ta' kull proġett iffinanzjat jiġi disseminat lill-pubbliku ġenerali u għandha wkoll turi kif il-kapaċitajiet u l-esperjenza miksuba jistgħu jiġu riprodotti x'imkien ieħor.”;

(b)

għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

“6.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika kull sena lista sħiħa ta' proġetti ffinanzjati inkluża deskrizzjoni qasira, kif ukoll sommarju tal-fondi li ntefqu f'kull każ.”;

7)

L-Artikolu 11(2) għandu jinbidel b' li ġej:

“2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, wara li jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tiegħu.

Il-perijodu msemmi fl-Artikolu 4 (3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' tliet xhur.”

8)

L-Artikolu 12 għandu jinbidel b'dan li ġej:

Artikolu 12

Evalwazzjoni tat-tielet fażi u l-kontinwazzjoni ta' LIFE

1.   Mhux aktar tard mit-30 ta' Settembru 2005, il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill:

(a)

rapport li jaġġorna r-reviżjoni ta' nofs il-perijodu sottomess f'Novembru 2003 u li jevalwa l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, il-kontribut tiegħu għall-iżvilupp tal-politika ta' l-ambjent tal-Komunità, u l-użu li sar mill-approprjazzjonijiet; u

(b)

jekk xieraq, proposta għall-iżvilupp ulterjuri tal-LIFE jew ta' strument finanzjarju esklussivament fil-qasam ta' l-ambjent li, inter alia, għandu jieħu kont tar-rakkomandazzjonijiet tar-reviżjoni tal-LIFE, li japplikaw mill-2007 'l quddiem.

2.   Wara l-adozzjoni ta' proposta simili min-naħa tal-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, skond it-Trattat, għandhom jiddeċiedu mhux aktar tard mill-1 ta' Mejju 2006 dwar l-implimentazzjoni ta' dak l-istrument finanzjarju, mill-1 ta' Jannar 2007.

3.   L-ammont meħtieġ fil-kwadru finanzjarju sabiex jipprovdi għal miżuri ta' monitoraġġ u verifika fil-perijodu wara l-31 ta' Diċembru 2006 għandu jitqies bħala konfermat biss jekk huwa konsistenti mal-perspettivi finanzjari ġodda li jibdew fl-2007.”.

L-Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, 15 ta' Settembru 2004

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

A. NICOLAÏ


(1)  ĠU C 80, 30.3.2004, p. 57.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' April 2004 (Għadha mhux ippubblikata fil-ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta' Lulju 2004.

(3)  ĠU L 192, 28.7.2000, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru. 788/2004 (ĠU L 138, 30.4.2004, p.17).

(4)  ĠU L 242, 10.09.2002, p. 1.

(5)  ĠU C 61, 10.3.2004, p. 1.

(6)  Każ C-378/00, Kummissjoni v. il-Parlament Ewropew u l-Kunsill [2003] ECR I-937

(7)  ĠU L 184, 17.7.1999, p.23.

(8)  ĠU C 172, 18.06.1999, p. 1. Ftehim kif emendat b'Deċiżjoni 2003/429/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (OJ L 147, 14.06.2003, p. 25).