32004R0873



Official Journal L 162 , 30/04/2004 P. 0038 - 0039


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 873/2004

29 ta' April 2004

li jemenda Regolament (KE) Nru 2100/94 dwar drittijiet tal-Komunità dwar il-varjetà ta' pjanti

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 308 miġjub fih,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

Billi:

(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 tas-27 ta' Lulju 1994 rigward id-drittijiet Komunitarji dwar il-varjetà tal-pjanti [2] jikkreja reġim Komunitarju għall-varjetajiet ta' pjanti, ko-eżistenti ma' reġimi nazzjonali, li jippermetti l-għoti ta' drittijiet ta' proprjetà industrijali, validi fil-Komunità kollha (drittijiet Komunitarji dwar il-varjetà ta' pjanti).

(2) L-implimentazzjoni u applikazzjoni ta' dan ir-reġim huma mwettqa minn uffiċċju Komunitarju bi personalità legali magħruf bħala l-Uffiċċju tal-Komunità dwar il-Varjetà tal-Pjanti (l-Uffiċċju).

(3) It-terminu "liċenza obbligatorja" għandu jkollha l-istess tifsir u kontenut bħat-terminu korrenti "dritt ta' esplojtazzjoni obbligatorju".

(4) L-Uffiċċju biss għandu d-dritt jagħti licenżja obbligatorja għall-varjetà ta' pjanta li hija protetta bi dritt Komunitarju ta' varjetà ta' pjanta.

(5) Il-kwadru legali tal-Komunità għall-protezzjoni ta' invenzjonijiet bioteknoloġiċi, mwaqqaf bid-Direttiva 98/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 1998 dwar il-protezzjoni legali ta' invenzjonijiet bioteknoloġiċi [3] jiipreskrivi fl-Artikolu 12 regoli għall-għoti ta' liċenzi obbligatorji mhux esklussivi fejn varjetajiet ta' pjanti protetti nkluzi varjetajiet ta' pjanti Komunitarji, jinkorporaw invenzjonijiet patenti, u viċe versa.

(6) L-Artikolu 29 tar-Regolament (KE) Nru 2100/94, waqt li jipprovdi b'mod ġenerali għall-għoti ta' liċenzi obbligatorji ghal varjetajiet ta' pjanti Komunitarji għal raġunijiet ta' interess pubbliku, ma jirreferix espressament għal liċenzi li jingħataw konformi ma' l-Artikolu 12 tad-Direttiva 98/44/KE.

(7) In konsiderazzjoni tal-bżonn li jiġu assigurati t-trasparenza u l-koerenza tas-sistema ta' qsim ta' liċenzi huwa xieraq li jiġu emendati r-regoli mwaqqfa b'Regolament (KE) Nru 2100/94, li jagħmel riferenza espressa u li jispeċifika l-kondizzjonijiet speċifiċi relatati mal-liċenzi obbligatorji previsti fid-Direttiva 98/44/KE.

(8) In konsiderazzjoni ta' l-għan nazzjonali għall-protezzjoni ta' invenzjonijiet bioteknoloġiċi skond id-Direttiva 98/44/KE huwa neċessarju li jiġi assigurat li d-detentur tal-patenti nazzjonali jingħata liċenza-maqsuma għal dritt ta' varjetà ta' pjanti fl-Istati Membri biss fejn hu/hi għandu/għandha pretensjoni għal patenti għal invenzjoni bioteknoloġika.

(9) It-Trattat ma jipprovdix għal poteri, barra minn dawk fl-Artikolu 308 miġjub fih, għall-addozzjoni ta' dan ir-Regolament,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 29 tar-Regolament (KE) Nru 2100/94 għandu jiġi rimpjazzat b'dan li ġej:

"Artikolu 29

Liċenzar obbligatorju

1. Liċenzi obbligatorji jingħataw lil persuna waħda jew aktar mill-Uffiċċju, fuq applikazzjoni minn dik il-persuna jew dawk il-persuni, imma biss għal raġunijiet ta' interess pubbliku u wara konsultazzjoni mal-Kunsill li hemm riferenza għalih fl-Artikolu 36.

2. Wara applikazzjoni minn Stat Membru, mill-Kummissjoni jew minn organizzazzjoni kostitwita fil-livell tal-Komunità u reġistrata mill-Kummissjoni, tista' tingħata liċenza obbligatorja, jew lil kategorija ta' persuni li jissodisfaw bżonnijiet speċifiċi, jew lil xi ħadd f'wieħed jew aktar mill-Istati Membri jew fil-Komunità. Tista' tingħata biss fuq bażi ta' interess pubbliku u bl-approvazzjoni tal-Kunsill Amministrattiv

3. L-Uffiċċju għandu, fl-għoti ta' liċenza obbligatorja skond il-paragrafi 1, 2, 5 jew 5a, jistipula t-tip ta' atti koperti u jispeċifika kondizzjonijiet raġjonevoli fir-rigward ta' dawn il-paragrafi kif ukoll l-bżonnijiet speċifiċi tal-paragrafu 2. Il-kondizzjonijiet raġjonevoli għandhom jieħdu in konsiderazzjoni l-interessi ta' detentur ta' drittijiet ta' varjetajiet ta' pjanti li jista' jiġi affetwat bil-għoti ta' liċenza obbligatorja. Il-kondizzjonijiet raġjonevoli jistgħu jinkludu possibbiltà ta' żmien limitat, il-pagament ta' dritt bħala kumpens xieraq lid-detentur u jistgħu jimponu ċerti dmirijiet fuq id-detentur, li t-twettiq tagħhom huma neċessarji biex ikun jista' jsir użu.

4. Wara l-iskadenza ta' kull perjodu ta' sena wara l-għoti tal-liċenza obbligatorja skond il-paragrafi 1, 2, 5 jew 5a, u fiż-żmien limitat possibbli elenkat fil-paragrafu 3, kwalunkwe wieħed mill-partijiet mdaħħla jistgħu jitolbu li d-deċiżjoni dwar l-għoti tal-liċenza obbligatorja tkun kanċellata jew emendata. Ir-raġunijiet uniċi għal talba bħal din huma li ċ-ċirkostanzi li wasslu għad-deċiżjoni nbidlu fil-frattemp.

5. Wara applikazzjoni, liċenza obbligatorja tingħata lid-detentur fir-rigward ta' varjetà essenzalment mnissla jekk il-kriterji elenkati fil-paragrafu ntlaħqu. Il-kondizzjonijiet raġjonevoli li hemm riferenza għalihom fil-paragrafu 3 għandhom jinkludu pagament ta' dritt xieraq bħala kumpens ekwitabbli lid-detentur inizjali tal-varjetà.

5. 5a. Wara applikazzjoni, liċenza obbligatorja għall-użu mhux esklussiv ta' varjetà ta' pjanta protetta skond l-Artikolu 12(2) tad- Direttiva 98/44/KE għanda tingħata lid-detentur ta' patenti għal invenzjoni bioteknoloġika, u soġġetta għal pagament ta' dritt xieraq bħala kumpens ekwitabbli basta li d-detentur tal-patenti juri li:

(i) hu/hi applika mingħajr suċċess lid-detentur tad-dritt tal-varjetà tal-pjanta biex jikseb liċenza kuntrattwali; u

(ii) l-invenzjoni tikkostitwixxi progress tekniku sinifikanti ta' interess ekonomiku konsiderevoli paragunat mal-varjetà ta' pjanta protetta.

Fejn, sabiex hu/hi jkun jista' jottjeni jew jutilizza d-dritt tal-varjetà ta' pjanta, detentur ġie mogħti liċenza obbligatorja konformi ma' l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 98/44/KE għall-użu mhux esklussiv ta' invenzjoni patenti, liċenza-maqsuma mhux esklussiva tiġi mogħtija b'termini raġjonevoli biex jutilizza l-varjetà, wara applikazzjoni, lid-detentur tal-patenti ta' dik l-invenzjoni,

L-iskop territorjali tal-liċenza jew liċenza-maqsuma li hemm riferenza għaliha f'dan il-paragrafu għandu jkun limitat għall-parti jew partijiet tal-Komunità koperti bil-patenti.

6. Ir-regoli ta' implimentazzjoni skond l-Artikolu 114 jistgħu jispeċifikaw ċerti eżempji oħra ta' liċenzi fl-interess pubbliku li hemm riferenza għalihom fil-paragrafi 1, 2 u 5a, u barra dan jippreskrivu dettalji dwar l-implimentazzjoni tal-paragrafi 1 sa 5a.

7. Liċenzi obbligatorji ma jistgħux jingħataw minn Stati Membri fir-rigward ta' dritt Komunitarju ta' varjetà ta' pjanta."

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ wara għoxrin ġurnata mill-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, fid-29 ta' April 2004.

Għall-Kunsill

M. McDowell

Il-President

[1] Opinjoni tat-13 Jannar 2004 (għada mhix ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[2] ĠU L 227, ta' l- 01.09.94, pġ. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1650/2003 (ĠU L 245, tad-29.09.03, pġ. 28).

[3] ĠU L 213, tat-30.07.98, pġ. 13.

--------------------------------------------------