32004R0809

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 809/2004 tad-29 ta' April 2004 li jimplimenta d-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-informazzjoni inkluża fil-prospetti u kif ukoll il-format, l-inkorporazzjoni b'referenza u l-pubblikazzjoni ta' prospetti bħal dawn u d-disseminazzjoni tar-reklamiTest b'relevanza għaż-ŻEE.

CS.ES Chapter 06 Volume 07 P. 307 - 412
ET.ES Chapter 06 Volume 07 P. 307 - 412
HU.ES Chapter 06 Volume 07 P. 307 - 412
LT.ES Chapter 06 Volume 07 P. 307 - 412
LV.ES Chapter 06 Volume 07 P. 307 - 412
MT.ES Chapter 06 Volume 07 P. 307 - 412
PL.ES Chapter 06 Volume 07 P. 307 - 412
SK.ES Chapter 06 Volume 07 P. 307 - 412
SL.ES Chapter 06 Volume 07 P. 307 - 412


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 809/2004

tad-29 ta' April 2004

li jimplimenta d-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-informazzjoni inkluża fil-prospetti u kif ukoll il-format, l-inkorporazzjoni b'referenza u l-pubblikazzjoni ta' prospetti bħal dawn u d-disseminazzjoni tar-reklami

(Test b'relevanza għaż-ŻEE)

Il-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-4 ta' Novembru 2003 dwar il-prospett li għandu jkun ippubblikat meta titoli jkunu offruti lill-pubbliku jew introdotti kummerċjalment u li tmemenda d-Direttiva 2001/34/KE [1], u b'mod partikolari l-Artikolu 5(5), l-Artikolu 7, l-Artikolu 10(4), l-Artikolu 11(3), l-Artikolu 14(8) u l-Artikolu 15(7) tagħhom,

Wara li kkonsultat lill-Kumitat tar-Regolaturi ta' Titoli Ewropej (KERT) [2] għal parir tekniku,

Billi:

(1) Id-Direttiva 2003/71/KE tistabbilixxi l-prinċipji li għandhom ikunu osservati meta jitħejjew prospetti. Dawn il-prinċipji jeħtieġ li jkunu supplementati sa fejn jikkonċerna l-informazzjoni li għandha tingħata fihom, il-format u l-aspetti tal-pubblikazzjoni, l-informazzjoni li għandha tkun inkorporata b'referenza fi prospett u d-disseminazzjoni tar-reklami.

(2) Skond it-tip ta' l-emittent jew it-titoli involuti, għandha tkun stabbilita tipoloġija ta' ħtiġijiet minimi ta' informazzjoni li tikkorrispondi għal dawk l-iskedi li fil-prattika huma l-aktar applikati. Dawn l-iskedi għandhom ikunu bbażati fuq il-punti ta' l-informazzjoni meħtieġa fl-"I standards ta' Żvelar tal-IOSCO għall-offerti trans-konfini u elenkus inizjali" (parti I) u dwar l-iskedi eżistenti tad-Direttiva 2001/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Mejju dwar id-dħul ta' titoli fil-elenkus uffiċjali tal-boroż u dwar l-informazzjoni li għandha tkun ippubblikata dwar dawn it-titoli.

(3) L-informazzjoni mogħtija mill-emittent, l-offerent jew il-persuna li titlob li tidħol f'kummerċ f'suq regolat, skond dan ir-Regolament, għandha tkun suġġetta għad-disposizzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni tad-data.

(4) Għandha tingħata attenzjoni, f'dawk il-każi fejn il-prospett jikkonsisti f'dokumenti separati, id-duplikazzjoni ta' l-informazzjoni għandha tkun evitata; għal dan il-għan għandhom jitpoġġew skedi dettaljati separati għad-dokument ta' reġistrazzjoni u għan-nota tat-titoli, adattata għat-tipi partikolari ta' l-emittent u tat-titoli konċernati, sabiex ikun kopert kull tip ta' titolu.

(5) L-emittent, l-offerent jew il-persuna li titlob li tidħol f'kummerċ f'suq regolat għandhom id-dritt li jinkludu fi prospett jew prospett bażi informazzjoni adizzjonali li tmur 'l hinn mill-punti ta' l-informazzjoni previsti fl-iskedi u fil-building blocks. Kwalunkwe informazzjoni addizzjonali pprovduta għandha tkun xierqa għat-tip tat-titoli jew in-natura ta' l-emittent involut.

(6) F'ħafna każi, minħabba l-varjetà ta' l-emittenti, it-tipi tat-titoli, l-involviment jew le ta' terza persuna bħala garanti, jekk hemm elenku jew le eċċ, skeda waħda ma tagħtix l-informazzjoni xierqa għal investitur li jagħmel id-deċiżjoni ta' investiment tiegħu. Għalhekk għandha tkun possibbli il-kombinazzjoni ta' l-iskedi varji. Għandha tkun stabbilita tabella bla tmiem ta' kombinazzjonijiet, li tipprovdi kombinazzjonijiet differenti ta' skedi possibbli u "building blocks" għall-ħafna mit-tipi differenti ta' titoli, sabiex tassisti lill-emittenti meta jħejju l-prospett.

(7) L-iskeda tad-dokument ta' reġistrazzjoni ta' l-ishma għandha tkun applikabbli lill-ishma u titoli oħrajn trasferibbli ekwivalenti għall-ishma imma anke għal titoli oħrajn li jippermettu adeżjoni għall-kapital ta' l-emittent permezz ta' konverżjoni jew skambju. Fil-każ ta' l-aħħar din l-iskeda m' għandhiex tintuża meta l-ishma primarji li għandhom jiġu offruti ikunu diġa nħarġu qabel il-ħruġ tat-titoli li jippermettu adeżjoni għall-kapital ta' l-emittent; madankollu din l-iskeda għandha tintuża meta l-ishma ggarantiti li għandhom jiġu offruti ikunu diġa nħarġu imma għadhom mhux introdotti kummerċjalment f'suq regolat.

(8) L-iżvelar volontarju tat-tbassir tal-profitt fid-dokument ta' reġistrazzjoni ta' l-ishma għandu jkun ippreżentat b'mod konsistenti u komparabbli u għandu jkun akkumpanjat b'dikjarazzjoni ippreparata minn accountants jew awdituri indipendenti. Din l-informazzjoni m'għandhiex tkun konfuża ma' l-iżvelar ta' xejriet magħrufa jew informazzjoni oħra fattwali b'impatt materjali fuq il-prospetti ta' l-emittenti. Barra minn hekk, għandhom jipprovdu spejgazzjoni dwar kwalunkwe tibdil fil-politika ta' żvelar li tikkonċerna t-tbassir tal-profitt meta tissupplementa prospett jew it-tħejjija ta' prospett.

(9) Hija meħtieġa informazzjoni finanzjarja pro forma f'każ ta' tibdil gross sinifikanti, i. e. varjazzjoni ta' aktar minn 25 % relattiva għal indikatur wieħed jew aktar tad-daqs tal-kummerċ ta' l-emittent, fis-sitwazzjoni ta' emittent minħabba xi operazzjoni partikolari, bl-eċċezzjoni ta' dawk is-sitwazzjonijiet fejn ikun jinħtieġ ikkontjar magħqud.

(10) L-iskeda għan-nota ta' l-ishma tat-titoli għandha tkun applikabbli lil kwalunkwe klassi ta' ishma minħabba li tikkunsidra l-informazzjoni dwar id-deksrizzjoni tad-drittijiet marbuta mat-titoli u l-proċedura għall-eserċitar ta' kwalunkwe drittijiet marbuta mat-titoli.

(11) Xi titoli ta' debitu bħall-bonds strutturati jiġbru fihom ċertu elementi ta' titolu derivattiv, għalhekk għandhom ikunu nklużi ħtiġijiet addizzjonali ta' żvelar li jikkonċernaw lill-komponent derivattiv fil-ħlas ta' l-imgħax fl-iskeda tan-nota tat-titoli għal titoli ta' debitu.

(12) Il-"building blocks" addizzjonali li jikkonċernaw il-garanzija għandhom japplikaw għall-kwalunkwe obbligazzjoni skond kwalunkwe tip ta' titolu.

(13) Id-dokument ta' reġistrazzjoni tat-titoli ggarantiti b'attiv m'għandux japplika għall-bonds fuq self ta' proprjetà kif previst f'Artikolu 5(4)(b) tad-Direttiva 2003/71/KE u bonds oħrajn koperti. L-istess għandu japplika għall-"building blocks" addizzjonali għat-titoli ggarantiti b'attiv li jridu jkunu kkombinati man-nota tat-titoli għat-titoli ta' debitu.

(14) Investituri fi kwantitjiet kbar għandhom jitħallew jagħmlu d-deċiżjoni ta' investiment tagħhom fuq elementi oħrajn u differenti minn dawk ikkunsidrati mill-investituri fi kwantitajiet zgħar. Għalhekk jeħtieġ kontenut differenzat tal-prospett għal titoli ta' debitu u derivattivi immirat għal dawk l-investituri li jixtru titoli ta' debitu jew titoli derivattivi b'denominazzjoni kull unità ta' mill-anqas EUR 50000 jew denominazzjoni f'munita oħra iżda l-valur ta' din id-denominazzjoni minima meta kkonvertita f'EWRO jammonta għal mill-anqas EWRO 50000.

(15) Fil-kuntest tar-riċevuti depositorji, għandha titpoġġa emfażi fuq l-emittent ta' l-ishma primarji u mhux fuq l-emittent tar-riċevuta depositorja. Fejn ikun hemm rikors legali għad-depositu minbarra ksur ta' l-obbligi ta' fiduċja jew ta' aġenzija tiegħu, it-taqsima tal-fatturi ta' riskju fil-prospett għandu jkun fiha l-informazzjoni sħiħa dwar dan il-fatt u fuq iċ-ċirkostanzi ta' dan ir-rikors. Meta jitħejja prospett bħala dokument tripartit (i.e. dokument ta' reġistrazzjoni, nota tat-titoli u sommarju), id-dokument ta' reġistrazzjoni għandu jkun limitat għall-informazzjoni dwar id-depositu.

(16) L-iskeda tad-dokument ta' reġistrazzjoni tal-banek għandha tkun applikabbli għall-banek minn pajjiżi terzi li ma jaqgħux fid-definizzjoni ta' istituzzjoni ta' kreditu prevista f'Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-20 ta' Marzu 2000 dwar it-teħid u t-tmexxija tal-kummerċ ta' istituzzjonijiet ta' kreditu [3] imma li għandhom l-uffiċċju rreġsitrat tagħhom fi l-Istat li huma membru ta' l-OKED.

(17) Jekk xi aġent bi skop speċjali joħroġ titoli ta' debitu u derivattivi iggarantiti minn xi bank, m'għandux juża l-iskeda tad-dokument ta' reġistrazzjoni tal-banek.

(18) L-iskeda "nota tat-titoli għal titoli derivattivi" għandha tkun applikabbli għal titoli li m'humiex koperti bi skedi oħrajn u building blocks. L-iskop ta' din l-iskeda huwa ddeterminat bir-referenza liż-żewġ kategoriji ġeneriċi oħrajn ta' ishma u titoli ta' debitu. Sabiex tipprovdi spjegazzjoni ċara u komprensiva biex tgħin lill-investituri jifhmu kif huwa affetwat il-valur ta' l-investiment tagħhom mill-valur tal-garanzija, l-emittenti għandhom jitħallew jużaw eżempji xierqa fuq bażi voluntarja. Bħala eżempju, għal xi titoli derivattivi kumplessi, l-eżempji jistgħu ikunu l-aktar mod effettiv biex tkun spjegata in-natura ta' dawn it-titoli.

(19) L-informazzjoni addizzjonali "building blocks" fuq is-sehem iggarantit għal ċertu titoli ekwità għandha tiżdied fuq in-nota tat-titoli għat-titoli ta' debitu jew l-istrumenti ta' sostituzzjoni li jirreferu għall-"informazzjoni meħtieġa dwar il-garanzija" tan-nota tat-titoli ta' l-iskeda għal titoli derivattivi, li jiddipendu fuq il-karatteristiċi tat-titoli maħruġa.

(20) L-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali jew lokali huma barra mill-iskop tad-Direttiva 2003/71/KE. Madankollu, jistgħu jagħżlu li jipproduċu prospett skond din id-Direttiva. Emittenti sovrani ta' pajjiżi terzi u l-awtoritajiet reġjonali jew lokali tagħhom huma barra mill-iskop tad-Direttiva 2003/71/KE u huma obbligati li jipproduċu prospett jekk jixtiequ jagħmlu offerta pubblika ta' titoli fil-Komunità jew jixtiequ li t-titoli tagħhom jiġu introdotti kummerċjalment f'suq regolat. Għall dawk il-każi, għandhom jintużaw skedi partikolari għat-titoli maħruġa mill-Istati, l-awtoritajiet reġjonali u kummerċjali tagħhom u minn korpi internazzjonali pubbliċi.

(21) Prospett bażi u t-termini finali tiegħu għandhu jkun fih l-istess informazzjoni bħal prospett. Il-prinċipji ġenerali applikabbli għall-prospett huma applikabbli wkoll għat-termini finali. Minkejja dan, fejn it-termini finali m'humiex inklużi fil-prospett bażi m'għandhomx bżonn li jkunu approvati mill-awtorità kompetenti.

(22) Għal xi kategoriji ta' emittenti l-awtorità kompetenti għandu jkollha d-dritt li titlob informazzjoni adattata li tmur 'l hinn mill-punti ta' informazzjoni inklużi fl-iskedi u l-building blocks minħabba n-natura partikolari ta' l-attivitajiet imwettqa minn dawk l-emittenti. Hija meħtieġa lista preċiża u ristrettiva ta' l-emittenti li għalihom tista' tkun meħtieġa informazzjoni adattata. Il-ħtiġijiet ta' l-informazzjoni adattata għal kull kategorija ta' emittenti inkluża f'din il-lista għandha tkun xierqa u proporzjonata skond it-tip ta' kummerċ involut. Il-Kumitat tar-Regolaturi ta' Titoli Ewropej jista' jipprova b'mod attiv li jilħaq konverġenza fuq dawn il-ħtiġijiet ta' informazzjoni fi ħdan il-Komunità. L-inklużjoni ta' kategoriji ġodda fil-lista għandha tkun ristretta għal dawk il-każi fejn dan huwa ġġustifikat.

(23) Fil-każ ta' tipi kompletament ġodda ta' titoli li ma jistgħux ikunu koperti mill-iskedi eżistenti jew xi waħda mill-kombinazzjonijiet tagħhom, l-emittent għandu xorta jkollu l-possibiltà li japplika għall-approvazzjoni ta' prospett. F'dawk il-każi huwa għandu jitħalla jiddiskuti ma' l-awtorità kompetenti il-kontenut ta' l-informazzjoni li għandha tkun ipprovduta. Il-prospett approvat mill-awtorità kompetenti taħt dawk iċ-ċirkostanzi għandu jibbenefika minn passaport wieħed stabbilit fid-Direttiva 2003/71/KE. L-awtorità kompetenti għandha dejjem tipprova ssib similaritajiet u dejjem tuża skedi eżistenti kemm jista' jkun. Kwalunkwe ħtiġijiet addizzjonali ta' informazzjoni għandhom ikunu proporzjonati u xierqa għat-tip tat-titoli involuti.

(24) Ċertu punti ta' informazzjoni mitluba fl-iskedi u l-building blocks jew punti ta' informazzjoni ekwivalenti m'humiex relevanti għal titolu partikolari u għalhekk jista' ma jkunx applikabbli f'xi każi speċifiċi; f'dawk il-każi l-emittent għandu jkollu l-possibilità li jħalli din l-informazzjoni barra.

(25) Il-flessibilità imtejba fl-artikulazzjoni tal-prospett bażi bit-termini finali tiegħu imqabbel ma' prospett ta' ħarġa waħda m'għandux ifixkel l-adeżjoni faċli għall-materjal ta' l-informazzjoni għall-investituri.

(26) Dwar il-prospetti bażi, għandu jkun iċċarat b'mod identifikabbli faċilment liema tip ta' informazzjoni tkun trid tiġi nkluża bħala termini finali. Din il-ħtieġa għandha tkun ssodisfata b'numru ta' modi differenti, bħala eżempju, jekk il-prospett bażi fih spazji vojta biex tiddaħħal kwalunkwe informazzjoni fit-termini finali jew jekk il-prospett bażi fih lista ta' l-informazzjoni nieqsa.

(27) Fejn dokument wieħed jinkludi aktar minn prospett bażi wieħed u koll prospett bażi ikun jeħtieġ l-approvazzjoni ta' awtorità kompetenti differenti ta' l-oriġini, l-awtoritajiet kompetenti rispettivi għandhom jaġixxu f'koperazzjoni u, fejn meħtieġ, jittrasferixxu l-approvazzjoni tal-prospett skond l-Artikolu 13(5) tad-Direttiva 2003/71/KE, sabiex l-approvazzjoni minn awtorità kompetenti waħda biss tkun suffiċjenti għad-dokument kollu.

(28) Informazzjoni finanzjarja storika kif meħtieġa fl-iskedi għandha prinċipalment tkun ippreżentata skond ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2002 dwar l-applikazzjoni ta' l-i standard internazzjonali ta' l-ikkontjar [4] jew l-i standards ta' l-ikkontjar ta' l-Istati Membri. Għandhom jiġu stabbiliti, madankollu, ħtiġijiet speċifiċi għal emittenti ta' pajjiżi terzi.

(29) Għall-iskopijiet tal-pubblikazzjoni tad-dokument imsemmi f' Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/71/KE, l-emittenti għandhom jitħallew jagħżlu il-metodu tal-pubblikazzjoni li huma jikkunsidraw bħala adegwat fost dawk imsemmija f'Artikolu 14 ta' dik id-Direttiva. Fl-għażla tal-metodu tal-pubblikazzjoni għandhom jikkunsidraw l-għan tad-dokument u l-investituri għandu jkollhom permess għal adeżjoni mgħaġġla u kost-effiċjenti għal dik l-informazzjoni.

(30) L-għan ta' l-inkorporazzjoni b'referenza, kif prevista f'Artikolu 11 tad-Direttiva 2003/71/KE, huwa li jissimplifika u jnaqqas l-ispejjeż tat-tħejjija ta' prospett; madankollu dan l-għan m'għandux jinkiseb għad-detriment ta' interessi oħrajn li l-prospett huwa intenzjonat li jipproteġi. Bħala eżempju, il-fatt li l-lok naturali ta' l-informazzjoni meħtieġa huwa l-prospett, u li l-informazzjoni għandha tkun ippreżentata f'forma faċli u kompresiva, għandhom ikunu kkunsidrati wkoll. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-ligwa użata għall-informazzjoni inkorporata b'referenza u l-konsistenza tagħha mal-prospett innifsu. L-informazzjoni inkorporata b'referenza tista' tirreferi għal informazzjoni storika, madankollu jekk din l-informazzjoni m'hijiex aktar relevanti minħabba bidla materjali, dan għandu jissemma b'mod ċar fil-prospett u l-informazzjoni aġġornata għandha tiġi pprovduta wkoll.

(31) Fejn prospett huwa ppubblikat f'forma elettronika, huma meħtieġa miżuri addizzjonali ta' sigurtà meta mqabbel ma' mezzi tradizzjonali ta' pubblikazzjoni, billi jintużaw l-aħjar prattiċi disponibbli, sabiex tinżamm l-integrità ta' l-informazzjoni, biex tkun evitata manipulazzjoni jew modifikazzjoni minn persuni mhux awtorizzati, biex ikun evitat li tinbidel il-komprensibilità tagħha u biex wieħed jeħles minn konsegwenzi kuntrarji possibbli minn approċċi differenti ta' titoli offruti lill-pubbliku f'pajjiżi terzi.

(32) Il-ġurnal magħżul għall-pubblikazzjoni tal-prospett għandu jkollu firxa wiesgħa ta' distribuzzjoni u cirkolazzjoni kbira.

(33) Stat Membru ta' l-oriġini għandu jitħalla jitlob il-pubblikazzjoni ta' avviż li jgħid kif tqiegħed għad-disposizzjoni l-prospett u minn fejn jista'jinkiseb mill-pubbliku. Fejn l-Istat Membru ta' l-oriġini jitlob il-pubblikazzjoni ta' avviżi fil-leġislazzjoni tiegħu, il-kontenut ta' avviż bħal dan għandu jinżamm sal-punti meħtieġa ta' l-informazzjoni sabiex tkun evitata duplikazzjoni mas-sommarju. Dawn l-Istati Membri ta' l-oriġini jistgħu jitolbu wkoll li jiġi ppublikat avviż addizzjonali dwar it-termini finali ta' prospett bażi.

(34) Sabiex tkun iffaċilitata iċ-ċentralizzazzjoni ta' l-informazzjoni utli għall-investituri għandha tkun inkluża referenza fil-lista tal-prospetti approvati li tkun impoġġija fuq il-websajt ta' l-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru ta' l-oriġini, li tindika kif prospett kien ippubblikat u minn fejn jista' jinkiseb.

(35) L-Istati Membri għandhom jiżguraw konformità effettiva mar-regoli tar-reklamar li jikkonċernaw l-offerti pubbliċi u d-dħul f'kummerċ f'suq regolat. Għandha tinkiseb kordinazzjoni xierqa bejn l-awtoritajiet kompetenti f'offerti trans-konfini jew dħul f'kummerċ trans-konfini.

(36) Minħabba l-intervall bejn il-bidu fis-seħħ tar-Regolament (KE) No 1606/2002 u l-produzzjoni ta' uħud mill-effetti tiegħu, għandhom ikunu previsti numru ta' arranġamenti transitorji għall-informazzjoni finanzjarja storika inkluża fi prospett, sabiex ikun evitat piż eċċessiv fuq l-emittenti u jitħallew jadattaw il-mod kif jippreparaw u jippreżentaw l-informazzjoni finanzjarja storika f'perjodu ta' żmien raġonevoli wara il-bidu fis-seħħ tad-Direttiva 2003/71/KE.

(37) L-obbligazzjoni li tissemma mill-ġdid fi prospett l-informazzjoni finanzjarja storika skond ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 ma tkoprix titoli b'denominazzjoni kull unità ta' mill-anqas EUR 50000; konsegwentament arranġamenti transitorji bħal dawn m'humiex meħtieġa għal titoli bħal dawn.

(38) Għal raġunijiet ta' koerenza huwa xieraq li dan ir-Regolament jibda japplika mid-data tat-trasposizzjoni tad-Direttiva 2003/71/KE.

(39) Billi il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

Materji tas-suġġett u definizzjonijiet

Artikolu 1

Materji tas-suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi:

1. il-format tal-prospett imsemmi f'Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/71/KE;

2. il-ħtiġijiet ta' l-informazzjoni minimi li għandhom ikunu inklużi fi prospett previsti f'Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/71/KE;

3. il-metodu tal-pubblikazzjoni imsemmi f'Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/71/KE;

4. il-modalitajiet li magħhom l-informazzjoni tista' tkun inkorporata b'referenza fi prospett previsti f'Artikolu 11 tad-Direttiva 2003/71/KE;

5. il-metodi tal-pubblikazzjoni ta' prospett sabiex ikun żgurat li l-prospett ikun disponibbli pubblikament skond l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2003/71/KE;

6. il-metodi tad-disseminazzjoni tar-reklami imsemmija f'Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/71/KE.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw b'żieda ma' dawk stabbiliti fid-Direttiva 2003/71/KE:

1. "skeda" tfisser lista tal-ħtiġijiet ta' l-informazzjoni minimi adattati għan-natura partikolari tat-tipi differenti ta' l-emittenti u/jew it-titoli differenti involuti;

2. "building block" tfisser lista tal-ħtiġijiet ta' l-informazzjoni addizzjonali, mhux inkluża f'xi waħda mill-iskedi, li għandha tiżdied ma' waħda jew aktar mill-iskedi, skond il-każ, li tiddependi fuq it-tip ta' l-istrument u/jew operazzjoni li għalihom jitħejja prospett jew prospett bażi;

3. "fatturi ta' riskju" tfisser lista ta' riskji li huma speċifiċi għas-sitwazzjoni ta' l-emittent u/jew it-titoli u li huma materjali biex jittieħdu deċiżjonijiet ta' investiment;

4. "aġent bi skop speċjali" tfisser emittent li l-oġġetti u l-iskopijiet tiegħu huma primarjament il-ħruġ tat-titoli;

5. "titoli ggarantiti b'attiv" tfisser titoli li:

(a) jirrapreżentaw xi interess f'attiv, inkluż kwalunkwe dritijiet intenzjonati biex jiżguraw li jingħata s-servizz ta', jew li jiġu riċevuti jew il-prontezza tar-riċevuti mis-sidien ta' l-attiv ta' ammonti pagabbli wara dan; jew

(b) huma ggarantiti b'attiv u li t-termini tiegħu jipprovdu pagamenti li jikkonċernaw pagamenti jew tbassir raġonevoli ta' pagamenti kkalkulati b'referenza għall-attiv identifikat jew identifikabbli;

6. "impriża ta' l-investiment kollettiv taħt umbrella" tfisser impriża ta' investiment kollettiv investit f'impriża waħda jew aktar ta' investiment kollettiv, li l-attiv tagħhom jikkonsisti fi klassi(jiet) jew deskrizzjoni(jiet) separati ta' titoli;

7. "impriża ta' l-investiment kollettiv fuq proprjetà" tfisser impriża ta' investiment kollettiv li l-għan ta' l-investiment tagħha huwa l-parteċipazzjoni fiż-żamma ta' propjetà għal żmien twil;

8. "korp internazzjonali pubbliku" tfisser entità legali ta' natura pubblika stabbilita bi trattat internazzjonali bejn Stati sovrani u li minnhom Stat Membru jew aktar huma membri;

9. "reklam" tfisser avviżi:

(a) li jikkonċernaw offerta speċifika ta' titoli lill-pubbliku jew dħul f'kummerċ f'suq regolat; u

(b) li jfittxu li jippromwovu speċifikament is-sottoskrizzjoni potenzali jew l-akkwist ta' titoli.

10. "tbassir tal-profitt" tfisser forma ta' kliem li tiddikjara espressivament jew b'implikazzjoni tindika figura jew figura minima jew massima dwar il-livell tal-profitt jew telf mistenni għall-perjodu finanzjarju kurrenti u/jew il-perjodi finanzjarji sussegwenti għal dak il-perjodu, jew ikollha informazzjoni li minnha ikun jista' jsir kalkolu ta' tali figura dwar profitti jew telf futuri, anke jekk l-ebda figura partikolari ma tissemmau l-kelma "profitt" ma tintużax.

11. "stima tal-profitt" tfisser tbassir tal-profitt għal perjodu finanzjarju li jkun skada u li għalih ikunu għadhom ma ġew ippubblikati ebda riżultati.

12. "informazzjoni regolata" tfisser l-informazzjoni kollha li l-emittent, jew kwalunkwe persuna li tkun applikat biex iddaħħal titoli għal kummerċ f'suq regolat mingħajr il-permess ta' l-emittent, ikunu mitluba li jiżvelaw skond id-Direttiva 2001/34/KE jew skond l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

KAPITOLU II

Informazzjoni minima

Artikolu 3

L-informazzjoni minima li għandha tkun inkluża fi prospett

Il-prospett għandu jitħejja billi tintuża kombinazzjoni waħda jew aktar ta' l-iskedi u building blocks li ġejjin stabbiliti fl-Artikli 4 sa 20, skond il-kombinazzjonijiet tat-tipi varji ta' titoli previsti f'Artikolu 21.

Il-prospett għandu jkun fih il-punti ta' informazzjoni mitluba fl-Annessi I sa XVII skond it-tip ta' l-emittent jew titoli involuti, previsti fl-iskedi u building blocks stabbiliti fl-Artikli 4 sa 20. L-awtorità kompetenti m'għandhiex titlob li prospett ikun fih punti ta' informazzjoni li m'humiex inklużi fl-L-Annessi I sa XVII.

Sabiex tiżgura konformità ma' l-obbligazzjoni imsemmija f'Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2003/71/KE, l-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru ta' l-oriġini, meta japprova prospett skond l-Artikolu 13 ta' din id-Direttiva, tista' titlob li l-informazzjoni pprovduta mill-emittent, l-offerent jew il-persuna li titlob li tidħol f'kummerċ f'suq regolat tkun imħejjija, għal kull punt ta' informazzjoni, fuq il-bażi ta' każ każ.

Artikolu 4

L-iskeda tad-dokument ta' reġistrazzjoni ta' l-ishma

1. Għad-dokument ta' reġistrazzjoni ta' l-ishma għandha tingħata l-informazzjoni skond l-iskeda stabbilita fl-Anness I.

2. L-iskeda stabbilita fil-paragrafu 1 għandha tapplika għal li ġej:

(1) ishma u titoli trasferibbli oħrajn ekwivalenti għal ishma;

(2) titoli oħrajn li huma konformi mal-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) jistgħu ikunu kkonvertiti jew skambjati f'ishma jew titoli trasferibbli oħrajn ekwivalenti għal ishma, skond id-diskrezzjoni ta' l-emittent jew l-investitur, jew fuq il-bażi tal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-mument tal-ħruġ, jew billi jagħtu, bi kwalunkwe mod ieħor jew, il-possibilità li jkunu akkwistati ishma jew titoli trasferibbli oħrajn ekwivalenti għal ishma; u

(b) iżda li dawn l-ishma jew titoli trasferibbli oħrajn ekwivalenti għal ishma jinħarġu jew se jinħarġu mill-emittent tat-titolu u għadhom ma ġewx ikkummerċjati f'suq regolat jew suq ekwivalenti barra l-Komunità fil-ħin ta' l-approvazzjoni tal-prospett li jkopri t-titoli, u li l-ishma primarji jew titoli trasferibbli oħrajn ekwivalenti għal ishma jistgħu ikunu forniti u riżolti fiżikament.

Artikolu 5

Building block ta' informazzjoni finanzjarja pro forma

Għall-informazzjoni finanzjarja pro forma, għandha tingħata l-informazzjoni skond il-building block stabbilit fl-Anness II.

Qabel l-informazzjoni finanzjarja pro forma għandu jkun hemm paragrafu ta' introduzzjoni u spjegazzjoni li jiddikjara f'termini ċari l-iskop ta' l-inklużjoni ta' din l-informazzjoni fil-prospett.

Artikolu 6

L-iskeda tan-nota ta' l-ishma tat-titoli

1. Għan-nota ta' l-ishma tat-titoli huwa meħtieġ li l-informazzjoni tingħata skond l-iskeda stabbilita fl-Anness III.

2. L-iskeda għandha tapplika għal ishma u titoli trasferibbli oħrajn ekwivalenti għal ishma.

Artikolu 7

L-iskeda tad-dokument ta' reġistrazzjoni ta' titoli ta' debitu u derivattivi għal titoli b'denominazzjoni kull unità ta' anqas minn EUR 50000

Għad-dokument ta' reġistrazzjoni ta' titoli ta' debitu u derivattivi li jikkonċerna titoli li m'humiex koperti b'Artikolu 4 b'denominazzjoni kull unità ta' anqas minn EUR 50000 jew, fejn m'hemmx denominazzjoni individwali, għal titoli li jistgħu jiġu akkwistati mal-ħruġ għal anqas minn EUR 50000 kull titolu, l-informazzjoni għandha tingħata skond l-iskeda stabbilita fl-Anness IV.

Artikolu 8

L-iskeda tan-nota tat-titoli għal titoli ta' debitu b'denominazzjoni kull unità ta' anqas minn EUR 50000

1 Għan-nota tat-titoli għal titoli ta' debitu b'denominazzjoni kull unità ta' anqas minn EUR 50000 l-informazzjoni għandha tingħata skond l-iskeda stabbilita fl-Anness V.

2 L-iskeda għandha tapplika għal debitu fejn l-emittent għandu obbligazzjoni li tirriżulta mal-ħruġ li jħallas lill-investitur 100 % tal-valur nominali u b'żieda mal-ħlas ta' l-imgħax ukoll.

Artikolu 9

Building block tal-garanziji

Għall-garanziji l-informazzjoni għandha tingħata skond il-building block stabbilit fl-Anness VI.

Artikolu 10

L-iskeda tad-dokument ta' reġistrazzjoni għal titoli ggarantiti b'attiv

Għad-dokument ta' reġistrazzjoni għal titoli ggarantiti b'attiv l-informazzjoni għandha tingħata skond l-iskeda stabbilita fl-Anness VII.

Artikolu 11

Building block tat-titoli ggarantiti b'attiv

Għall-building block ta' l-informazzjoni addizzjonali għan-nota tat-titoli għal titoli ggarantiti b'attiv l-informazzjoni għandha tingħata skond il-building block stabbilit fl-Anness VIII.

Artikolu 12

L-iskeda tad-dokument ta' reġistrazzjoni tat-titoli ta' debitu u derivattivi għal titoli b'denominazzjoni kull unità ta' mill-anqas EUR 50000

Għad-dokument ta' reġistrazzjoni ta' titoli ta' debitu u derivattivi li jikkonċernaw titoli li m'humiex koperti b'Artikolu 4 b'denominazzjoni kull unità ta' mill-anqas EUR 50000 jew, fejn m'hemmx denominazzjoni individwali, għal titoli li jistgħu jiġu akkwistati mal-ħruġ għal mill-anqas EUR 50000 kull titolu, l-informazzjoni għandha tingħata skond l-iskeda stabbilita fl-Anness IX

Artikolu 13

L-iskeda tar-riċevuti tad-depositu

Għal riċevuti ta' depositi maħruġa fuq ishma l-informazzjoni għandha tingħata skond l-iskeda stabbilita fl-Anness X.

Artikolu 14

L-iskeda tad-dokument ta' reġistrazzjoni tal-banek

1 Għad-dokument ta' reġistrazzjoni tal-banek għal titoli ta' debitu u derivattivi u dawk it-titoli li m'humiex koperti b'Artikolu 4 l-informazzjoni għandha tingħata skond l-iskeda stabbilita fl-Anness XI.

2 L-iskeda stabbilita fil-paragrafu 1 għandha tapplika għal istituzzjonijiet ta' kreditu kif iddefinit fil-punt (a) ta' l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2000/12/KE kif ukol għal istituzzjonijiet ta' kreditu ta' pajjiżi terzi li ma jaqgħux taħt din id- definizzjoni imma għandhom l-uffiċċju reġistrat tagħhom fi stat li huwa membru ta' l-OKED.

Dawn l-entitajiet jistgħu anke jużaw alternattivament l-iskedi tad-dokument ta' reġistrazzjoni previsti skond l-Artikli 7 u 12.

Artikolu 15

L-iskeda tan-nota tat-titoli għal titoli derivattivi

1 Għan-nota tat-titoli għal titoli derivattivi l-informazzjoni għandha tingħata skond l-iskeda stabbilita fl-Anness XII.

2 L-iskeda għandha tapplika għal titoli li m'humiex fl-iskop ta' l-applikazzjoni ta' l-iskedi l-oħrajn tan-nota tat-titoli imsemmija fl-Artikli 6, 8 u 16, inkluż ċertu titoli fejn il-pagament u/jew l-obbligazzjonijiet tal-fornitura huma marbuta b'garanzija.

Artikolu 16

L-iskeda tan-nota tat-titoli għal titoli ta' debitu b'denominazzjoni kull unità ta' mill-anqas EUR 50000

1 Għan-nota tat-titoli għal titoli ta' debitu b'denominazzjoni kull unità ta' mill-anqas EUR 50000 l-informazzjoni għandha tingħata skond l-iskeda stabbilita fl-Anness XIII.

2 L-iskeda għandha tapplika għal debitu fejn l-emittent għandu obbligazzjoni li tirriżulta mal-ħruġ li jħallas lill-investitur 100 % tal-valur nominali u b'żieda mal-ħlas ta' l-imgħax ukoll.

Artikolu 17

Building block ta' l-informazzjoni addizzjonali fuq is-sehem iggarantit

1 Għall-informazzjoni addizzjonali dwar is-sehem iggarantit, id-deksrizzjoni tas-sehem iggarantit għandha tingħata skond il-building block stabbilit fl-Anness XIV.

Barra minn hekk, jekk l-emittent tas-sehem iggarantit huwa entità li tappartjeni lill-istess grupp, l-informazzjoni meħtieġa mill-iskeda imsemmija f'Artikolu 4 għandha tingħata dwar dak l-emittent.

2 L-informazzjoni addizzjonali imsemmija fl-ewwel sottoparagrafu tal-paragrafu 1 għandha tapplika biss għal dawk it-titoli li jikkonformaw maż-żewġ kondizzjonijiet li ġejjin:

(1) jistgħu ikunu kkonvertiti jew skambjati f'ishma jew titoli trasferibbli oħrajn ekwivalenti għal ishma, skond id-diskrezzjoni ta' l-emittent jew l-investitur, jew fuq il-bażi tal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-mument tal-ħruġ, jew billi jagħtu, bi kwalunkwe mod ieħjew, il-possibilità li jkunu akkwistati ishma jew titoli trasferibbli oħrajn ekwivalenti għal ishma; u

(2) iżda li dawn l-ishma jew titoli trasferibbli oħrajn ekwivalenti għal ishma jinħarġu jew se jinħarġu mill-emittent tat-titolu jew minn entità li tappartjeni lill-grupp ta' dak l-emittent u għadhom ma ġewx ikkummerċjati f'suq regolat jew suq ekwivalenti barra l-Komunità fil-ħin ta' l-approvazzjoni tal-prospett li jkopri t-titoli, u li l-ishma primarji jew titoli trasferibbli oħrajn ekwivalenti għal ishma jistgħu ikunu forniti u riżolti fiżikament

Artikolu 18

L-iskeda tad-dokument ta' reġistrazzjoni għal impriżi ta' investiment kollettiv tat-tip closed-end

1 Minbarra l-informazzjoni meħtieġa skond il-punti 1, 2, 3, 4, 5.1, 7, 9.1, 9.2.1, 9.2.3, 10.4, 13, 14, 15, 16, 17.2, 18, 19, 20, 21, 22, 23, 24, 25 ta' l-Anness I, għad-dokument ta' reġistrazzjoni għal titoli maħruġa mill-impriżi ta' investiment kollettiv tat-tip closed-end l-informazzjoni għandha tingħata skond l-iskeda stabbilita fl-Anness XV.

2 L-iskeda għandha tapplika għal impriżi ta' investiment kollettiv tat-tip closed-end li għandhom portafoll ta' attiv f'isem investituri li:

(1) huma rikonoxxuti mill-liġi nazzjonali ta' l-Istat Membru li fih huma nkorporati bħala impriża ta' investiment kollettiv tat-tip closed end; jew

(2) ma jieħdux u ma jfittxux li jieħdu kontroll legali jew maniġerjali ta' kwalunkwe wieħed mill-emittenti ta' l-investimenti ggarantiti tagħhom. F'każ bħal dan, il-kontroll legali u/jew il-parteċipazzjoni fil-korpi amministrattivi, maniġerjali jew ta' superviżjoni ta' l-emittent(i) garanti jistgħu jittieħdu fejn din l-azzjoni hija inċidentali għall-għan primarju ta' l-investiment, meħtieġa għall-protezzjoni ta' l-azzjonisti u f'ċirkostanzi biss fejn l-impriża ta' investiment kollettiv mhux se jeżerċita kontroll maniġerjali sinifikanti fuq l-operazzjonijiet ta' l-emittent(i) garanti.

Artikolu 19

L-iskeda tad-dokument ta' reġistrazzjoni għall-Istati Membri, il-pajjiżi terzi u l-awtoritajiet reġjonali u kummerċjali tagħhom

1 Għad-dokument ta' reġistrazzjoni għal titoli maħruġa mill-Istati Membri, mill-pajjiżi terzi u l-awtoritajiet reġjonali u kummerċjali tagħhom l-informazzjoni għandha tingħata skond l-iskeda stabbilita fl-Anness XVI.

2 L-iskeda għandha tapplika għat-tipi kollha ta' titoli maħruġa mill-Istati Membri, il-pajjiżi terzi u l-awtoritajiet reġjonali u kummerċjali tagħhom.

Artikolu 20

L-iskeda tad-dokument ta' reġistrazzjoni għall-korpi internazzjonali pubbliċi u għal emittenti ta' titoli ta' debitu ggarantiti minn stat membru ta' l-OKED

1 Għad-dokument ta' reġistrazzjoni għal titoli maħruġa mill-korpi internazzjonali pubbliċi u għal titoli primarji bla kondizzjoni u rrevokabilment, fuq il-bażi tal-leġislazzjoni nazzjonali, minn stat li huwa membru ta' l-OKED l-informazzjoni għandha tingħata skond l-iskeda stabbilita fl-Anness XVII.

2 L-iskeda għandha tapplika:

- għat-tipi kollha ta' titoli maħruġa mill-korpi internazzjonali pubbliċi,

- għal titoli ta' debitu ggarantiti bla kondizzjoni u rrevokabilment, fuq il-bażi tal-leġislazzjoni nazzjonali, minn stat li huwa membru ta' l-OKED.

Artikolu 21

Kombinazzjoni ta' skedi u building blocks

1 L-użu tal-kombinazzjonijiet previst fit-tabella stabbilita fl-Anness XVIII għandu jkun mandatorju meta jitħejjew prospetti għat-tipi ta' titoli li għalihom jikkorrispondu dawn il-kombinazzjonijiet skond din it-tabella.

Madankollu, għal titoli mhux koperti minn dawn il-kombinazzjonijiet jistgħu jintużaw aktar kombinazzjonijiet.

2 L-aktar skeda komprensiva u strinġenti tad-dokument ta' reġistrazzjoni, i.e. l-aktar skeda li tinħtieġ informazzjoni fit-termini tan-numru tal-punti ta' informazzjoni u l-grad ta' l-informazzjoni inkluża fihom, tista'dejjem tintuża biex jinħarġu titoli li għalihom hija prevista skeda komprensiva u strinġenti tad-dokument ta' reġistrazzjoni, skond il-gradi ta' skedi li ġejjin:

(1) skeda tad-dokument ta' reġistrazzjoni ta' l-ishma;

(2) skeda tad-dokument ta' reġistrazzjoni ta' titoli ta' debitu u derivattivi għal titoli b'denominazzjoni kull unità ta' anqas minn EUR 50000;

(3) skeda tad-dokument ta' reġistrazzjoni ta' titoli ta' debitu u derivattivi għal titoli b'denominazzjoni kull unità ta' mill-EUR 50000.

Artikolu 22

L-informazzjoni minima li trid tkun inkluża fi prospett bażi u t-termini finali tiegħu

1 Il-prospett bażi għandu jitħejja billi tintuża kombinazzjoni waħda jew aktar ta' skedi u building blocks previsti fl-Artikli 4 sa 20 skond il-kombinazzjonijiet għat-tipi varji ta' titoli stabbiliti fl-Anness XVIII.

Il-prospett bażi għandu jkun fih il-punti ta' informazzjoni mitluba fl-Annessi I sa XVII skond it-tip ta' l-emittent jew titoli involuti, previsti fl-iskedi u building blocks stabbiliti fl-Artikli 4 sa 20. L-awtorità kompetenti m'għandhiex titlob li prospett ikun fih punti ta' informazzjoni li m'humiex inklużi fl-Annessi I sa XVII.

Sabiex tiżgura konformità ma' l-obbligazzjoni imsemmija f'Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2003/71/KE, l-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru ta' l-oriġini, meta japprova prospett skond l-Artikolu 13 ta' din id-Direttiva, tista' titlob li l-informazzjoni pprovduta mill-emittent, l-offerent jew il-persuna li titlob li tidħol f'kummerċ f'suq regolat tkun imħejjija, għal kull punt ta' informazzjoni, fuq il-bażi ta' każ każ.

2 L-emittent, l-offerent jew il-persuna li titlob li tidħol f'kummerċ f'suq regolat jistgħu iħallu barra punti ta' informazzjoni li ma jkunux magħrufa meta l-prospett bażi ikun approvat li jkun jista' jkun magħruf biss fil-ħin tal-ħruġ individwali.

3 L-użu tal-kombinazzjonijiet previst fit-tabella stabbilita fl-Anness XVIII għandu jkun mandatorju meta jitħejjew prospetti bażi għat-tipi ta' titoli li għalihom jikkorrispondu dawn il-kombinazzjonijiet skond din it-tabella.

Madankollu, għal titoli mhux koperti minn dawn il-kombinazzjonijiet jistgħu jintużaw aktar kombinazzjonijiet.

4 It-termini finali marbuta ma' prospett bażi għandu jkun fihom il-punti ta' informazzjoni mill-iskedi varji tan-nota tat-titoli li fuqhom jitħejja l-prospett bażi.

5 Minbarra l-punti ta' informazzjoni stabbiliti fl-iskedi u building blocks imsemmija fl-Artikli 4 sa 20 l-informazzjoni li ġejja għandha tkun inkluża fil-prospett bażi:

1. indikazzjoni dwar l-informazzjoni li se tkun inkluża fit-termini finali;

2. il-metodu tal-pubblikazzjoni tat-termini finali; jekk l-emittent m'huwiex f'posizzjoni li jistabbilixxi, fil-ħin ta' l-approvazzjoni tal-prospett, il-metodu tal-pubblikazzjoni tat-termini finali, indikazzjoni ta' kif il-pubbliku se jkun informat dwar liema metodu se jintuża għall-pubblikazzjoni tat-termini finali;

3. fil-każ ta' ħruġ ta' titoli non ekwità skond il-punt (a) ta' l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2003/71/KE, deskrizzjoni ġenerali tal-programm.

6 Il-kategoriji ta' titoli li ġejjin biss jistgħu ikunu inklużi fi prospett bażi u t-termini finali tiegħu li jkopru ħruġ ta' tipi varji ta' titoli:

1. titoli ggarantiti b'attiv;

2. digrieti li jaqgħu taħt l-Artikolu 17;

3. titoli non-ekwità previsti taħt il-punt (b) ta' l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2003/71/KE;

4. it-titoli non-ekwità l-oħrajn kollha inkluż digrieti bl-eċċezzjoni ta' dawk imsemmija f'(2).

Fit-tħejjija ta' prospett bażi l-emittent, l-offerent jew il-persuna li titlob li tidħol f'kummerċ f'suq regolat għandha tissepara b'mod ċar l-informazzjoni speċifika dwar kull wieħed mit-titoli differenti inklużi f'dawn il-kategoriji.

7 Fejn jiġri avveniment mistenni skond l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2003/71/KE bejn iż-żmien li l-prospett bażi kien approvat u l-egħluq finali ta' l-offerta ta' kull ħarġa tat-titoli taħt il-prospett bażi jew, skond kif ikun il-każ, iż-żmien li fih jibda l-kummerċ tat-titoli f'suq regolat, l-emittent, l-offerent jew il-persuna li titlob li tidħol f'kummerċ f'suq regolat għandhom jippubblikaw supplement qabel l-egħluq finali ta' l-offerta jew id-dħul f'kummerċ ta' dawn it-titoli.

Artikolu 23

Adattamenti għall-informazzjoni minima mogħtija fil-prospetti u prospetti bażi

1 Minkejja l-Artikli 3 it-tieni paragrafu u 22(1) it-tieni sottoparagrafu, fejn l-attivitajiet ta' l-emittent jaqgħu taħt waħda mill-kategoriji inklużi fl-Anness XIX, l-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru ta' l-oriġini, wara li tikkunsidra in-natura speċifika ta' l-attivitajiet involuti, tista' titlob għal informazzjoni adattata, b'żieda mal-punti ta' informazzjoni ininklużi fl-iskedi u building blocks stabbiliti fl-Artikli 4 sa 20, inkluż, fejn xieraq, valutazzjoni jew xi rapport ieħjew ta' espert dwar l-attiv ta' l-emittent, sabiex jikkonforma ma' l-obbligazzjoni imsemmija f'Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2003/71/KE. L-awtorità kompetenti għandha minnufih tinforma lill-Kummissjoni tagħha.

Sabiex tinkiseb l-inklużjoni ta' kategorija ġdida fl-Anness XIX Stat Membru għandu jinnotifika ix-xewqa tiegħu lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha taġġorna din il-lista billi ssegwi l-proċedura tal-Kumitat prevista f'Artikolu 24 tad-Direttiva 2003/71/KE.

2 Permezz ta' deroga mill-Artikli 3 sa 22, fejn l-emittent, l-offerent jew il-persuna li titlob li tidħol f'kummerċ f'suq regolat japplikaw għall-approvazzjoni tal-prospett jew prospett bażi għal titolu li m'huwiex l-istess imma komparabbli għat-tipi varji tat-titoli imsemmija fit-tabell tal-kombinazzjonijiet stabbiliti fl-Anness XVIII, l-emittent, l-offerent jew il-persuna li titlob li tidħol f'kummerċ f'suq regolat għandhom iżidu l-punti ta' informazzjoni relevanti minn skeda ta' nota tat-titoli oħra prevista fl-Artikli 4 sa 20 għall-iskeda tan-nota tat-titoli ewlenija magħżula. Din iż-żieda għandha ssir skond il-karatteristiċi ewlenin tat-titoli offruti lill-pubbliku jew introdotti kummerċjalment f'suq regolat.

3 Permezz ta' deroga mill-Artikli 3 sa 22, fejn l-emittent, l-offerent jew il-persuna li titlob li tidħol f'kummerċ f'suq regolat japplikaw għall-approvazzjoni tal-prospett jew prospett bażi għal tip ġdid ta' titolu, l-emittent, l-offerent jew il-persuna li titlob li tidħol f'kummerċ f'suq regolat għandha tinnotifika l-abbozz tal-prospett jew prospett bażi lill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru ta' l-oriġini.

L-awtorità kompetenti għandha tiddeċiedi, b'konsultazzjoni ma' l-emittent, l-offerent jew il-persuna li titlob li tidħol f'kummerċ f'suq regolat, liema informazzjoni għandha tkun inkluża fil-prospett jew prospett bażi sabiex tikkonforma ma' l-obbligazzjoni imsemmija f'Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2003/71/KE. L-awtorità kompetenti għandha minnufih tinforma lill-Kummissjoni tagħha.

Id-deroga imsemmija fl-ewwel sottoparagrafu għandha tapplika biss fil-każ ta' tip ġdid ta' titolu li għandu karatteristiċi kompletament differenti mit-tipi varji tat-titoli imsemmija fl-Anness XVIII, jekk il-karatteristiċi ta' dan it-titolu ġdid huma tali li ma tkunx applikabbli xi kombinazzjoni tal-punti ta' informazzjoni differenti imsemmija fl-iskedi u building blocks previsti fl-Artikli 4 sa 20.

4 Permezz ta' deroga mill-Artikli 3 sa 22, fil-każijiet fejn wieħed mill-punti ta' informazzjoni meħtieġa f'waħda mill-iskedi jew building blocks imsemmija fl-Artikli 4 sa 20 jew informazzjoni ekwivalenti ma jkunx applikabbli għall-emittent, għall-offerent jew għat-titoli li dwarhom għandu x'jaqsam il-prospett, dik l-informazzjoni għandha titħalla barra.

Artikolu 24

Il-kontenut tas-sommarju tal-prospett u l-prospett bażi

L-emittent, l-offerent jew il-persuna li titlob li tidħol f'kummerċ f'suq regolat għandha tistabbilixxi waħedha il-kontenut dettaljat tas-sommarju tal-prospett jew prospett bażi imsemmija f'Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2003/71/KE.

KAPITOLU III

Il-format tal-prospett, prospett bażi u s-supplementi

Artikolu 25

Il-format tal-prospett

1 Fejn l-emittent, l-offerent jew il-persuna li titlob li tidħol f'kummerċ f'suq regolat jagħżlu, skond l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2003/71/KE li jħejju prospett bħala dokument wieħed, il-prospett għandu jikkonsisti fil-partijiet li ġejjin u fl-ordni li ġejja:

1. werrej ċar u dettaljat;

2. is-sommarju previst f'Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2003/71/KE;

3. il-fatturi ta' riskju marbuta ma' l-emittent u t-tip ta' titolu kopert mill-ħarġa;

4. il-punti ta' informazzjoni l-oħrajn inklużi fl-iskedi u building blocks li magħhom ikun tħejjal-prospett.

2 Fejn l-emittent, l-offerent jew il-il-persuna li titlob li tidħol f'kummerċ f'suq regolat jagħżlu, skond l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2003/71/KE li jħejju prospett li jikkonsisti f'dokumenti separati, in-nota tat-titoli u d-dokument ta' reġistrazzjoni għandhom it-tnejn li huma jikkonsistu fil-partijiet li ġejjin u fl-ordni li ġejja:

1. werrej ċar u dettaljat;

2. skond kif ikun il-każ, il-fatturi ta' riskju marbuta ma' l-emittent u t-tip ta' titolu kopert mill-ħarġa;

3. il-punti ta' informazzjoni l-oħrajn inklużi fl-iskedi u building blocks li magħhom ikun tħejja l-prospett.

3 Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, l-emittent, l-offerent jew il-persuna li titlob li tidħol f'kummerċ f'suq regolat għandhom ikunu ħielsa li jiddefenixxu l-ordni fil-presentazzjoni tal-punti ta' informazzjoni meħtieġa inklużi fl-iskedi u building blocks li magħhom ikun tħejja l-prospett.

4 Fejn l-ordni tal-punti ma tikkoinċidix ma' l-ordni ta' l-informazzjoni prevista fl-iskedi u building blocks li magħhom ikun tħejja l-prospett, l-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru ta' l-oriġini tista' titlob lill-emittent, l-offerent jew il-persuna li titlob li tidħol f'kummerċ f'suq regolat biex jipprovdu lista b'referenza doppja bl-iskop ta' l-iċċekkjar tal-prospett qabel l-approvazzjoni tiegħu. Din il-lista għandha tidentifika l-paġni fejn kull punt jista' jinsab fil-prospett.

5 Fejn is-sommarju ta' prospett irid ikun supplementat skond l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2003/71/KE, l-emittent, l-offerent jew il-persuna li titlob li tidħol f'kummerċ f'suq regolat għandhom jiddeċiedu fuq il-bażi ta' każ każ jekk għandhomx jintegraw l-informazzjoni l-ġdida fis-sommarju oriġinali billi jipproduċu s-sommarju l-ġdid, jew billi jipproduċu supplement għas-sommarju.

Jekk l-informazzjoni l-ġdida tkun integrata fis-sommarju oriġinali, l-emittent, l-offerent jew il-persuna li titlob li tidħol f'kummerċ f'suq regolat għandhom jiżguraw li l-investituri ikunu jistgħu jidentifikaw faċilment il-bidliet, b'mod partikolari permezz ta' noti taħt.

Artikolu 26

Il-format tal-prospett bażi u t-termini finali tiegħu

1 Fejn l-emittent, l-offerent jew il-persuna li titlob li tidħol f'kummerċ f'suq regolat jagħżlu, skond l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2003/71/KE li jħejju prospett bażi, il-prospett bażi għandu jikkonsisti fil-partijiet li ġejjin u fl-ordni li ġejja:

1. werrej ċar u dettaljat;

2. is-sommarju previst f'Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2003/71/KE;

3. il-fatturi ta' riskju marbuta ma' l-emittent u t-tip ta' titolu jew titoli kopert mill-ħarġa jew ħarġiet;

4. il-punti ta' informazzjoni l-oħrajn inklużi fl-iskedi u building blocks li magħhom ikun tħejja l-prospett.

2 Minkejja l-paragrafu 1, l-emittent, l-offerent jew il-persuna li titlob li tidħol f'kummerċ f'suq regolat għandhom ikunu ħielsa li jiddefenixxu l-ordni fil-presentazzjoni tal-punti ta' informazzjoni meħtieġa inklużi fl-iskedi u building blocks li magħhom ikun tħejja l-prospett. L-informazzjoni fuq it-titoli differenti li jkunu jinsabu fil-prospett bażi għandhom ikunu sseparati b'mod ċar.

3 Fejn l-ordni tal-punti ma tikkoinċidix ma' l-ordni ta' l-informazzjoni prevista fl-iskedi u building blocks li magħhom ikun tħejja l-prospett, l-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru ta' l-oriġini tista' titlob lill-emittent, l-offerent jew il-persuna li titlob li tidħol f'kummerċ f'suq regolat biex jipprovdu lista b'referenza doppja bl-iskop ta' l-iċċekkjar tal-prospett qabel l-approvazzjoni tiegħu. Din il-lista għandha tidentifika l-paġni fejn kull punt jista' jinsab fil-prospett.

4 Fil-każ li l-emittent, l-offerent jew il-persuna li titlob li tidħol f'kummerċ f'suq regolat qabel ikunu irreġistraw dokument ta' reġistrazzjoni għal tip partikolari ta' titolu u, fi stadju ieħor wara, jagħżlu li jħejju prospett bażi f'konformità mal-kondizzjonijiet previsti fil-punti (a) u (b) ta' l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2003/71/KE, il-prospett bażi għandu jkun fih:

1. l-informazzjoni li tkun tinsab fid-dokument ta' reġistrazzjoni preċedentament jew simultanjament irreġistrat u approvat għandha tkun inkorporata b'referenza, skond il-kondizzjonijiet previsti f'Artikolu 28 ta' dan ir-Regolament;

2. l-informazzjoni li b'mod ieħor tkun tinsab fin-nota tat-titoli relevanti mingħajr it-termini finali fejn it-termini finali m'humiex inklużi fil-prospett bażi.

5 It-termini finali marbuta mal-prospett bażi għandhom ikunu ppreżentati fil-forma ta' dokument separat li jkun fih biss it-termini finali jew bl-inklużjoni tat-termini finali fil-prospett bażi.

Fil-każ li t-termini finali ikunu nklużi f'dokument separat li jkun fih biss it-termini finali, tista' ssir replika ta' xi informazzjoni li tkun inkluża fil-prospett bażi approvat skond l-iskeda tan-nota tat-titoli relevanti li tkun intużat biex jitħejja l-prospett bażi. F'dan il-każ it-termini finali għandhom ikunu ppreżentati b'mod li jkunu identifikati faċilment bħala tali.

Għandha tiddaħħal dikjarazzjoni ċara u prominenti fit-termini finali li tindika li l-informazzjoni sħiħa dwar l-emittent u dwar l-offerta hija disponibbli biss fuq il-bażi tal-kombinazzjoni tal-prospett bażi u t-termini finali u fejn il-prospett bażi huwa disponibbli.

6 Fejn xi prospett bażi jirreferi għal titoli differenti, l-emittent, l-offerent jew il-persuna li titlob li tidħol f'kummerċ f'suq regolat għandhom jinkludu sommarju wieħed fil-prospett bażi għat-titoli kollha. L-informazzjoni dwar it-titoli differenti li tkun tinsab fis-sommarju, madankollu, għandha tkun isseparata b'mod ċar.

7 Fejn is-sommarju tal-prospett bażi irid ikun supplementat skond l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2003/71/KE, l-emittent, l-offerent jew il-persuna li titlob li tidħol f'kummerċ f'suq regolat għandhom jiddeċiedu fuq il-bażi ta' każ każ jekk l-informazzjoni l-ġdida għadhiex tkun integrata fis-sommarju oriġinali billi jipproduċu sommarju ġdid, jew billi jipproduċu supplement għas-sommarju.

Jekk l-informazzjoni l-ġdida tkun integrata fis-sommarju oriġinali tal-prospett bażi billi jipproduċu sommarju ġdid, l-emittent, l-offerent jew il-persuna li titlob li tidħol f'kummerċ f'suq regolat għandhom jiżguraw li l-investituri ikunu jistgħu jidentifikaw faċilment il-bidliet, b'mod partikolari permezz ta' noti taħt.

8 L-emittenti, l-offerenti jew il-persuni li jitolbu li jidħlu f'kummerċ f'suq regolat jistgħu jiġbru f'dokument wieħed prospett bażi wieħed jew aktar differenti.

KAPITOLU IV

Informazzjoni u inkorporazzjoni b’referenza

Artikolu 27

Il-pubblikazzjoni tad-dokument imsemmi f'Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2003/71/KE

1 Id-dokument imsemmi f'Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2003/71/KE għandu jitpoġġa għad-disposizzjoni għall-pubbliku, fuq l-għażla ta' l-emittent, l-offerent jew il-persuna li titlob li tidħol f'kummerċ f'suq regolat, permezz ta' wieħed mill-mezzi permessi skond l-Artikolu 14 tad-Direttiva fl-Istat Membru ta' l-oriġini ta' l-emittent.

2 Id-dokument għandu jkun irreġistrat ma' l-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru ta' l-oriġini u jitpoġġa għad-disposizzjoni tal-pubbliku sa mhux aktar tard minn 20 jum ta' xogħol wara l-pubblikazzjoni tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali fl-Istat Membru ta' l-oriġini.

3 Id-dokument għandu jinkludi dikjarazzjoni li tindika li xi informazzjoni tista' tkun skaduta, jekk ikun il-każ.

Artikolu 28

L-arranġamenti għall-inkorporazzjoni b'referenza

1 L-informazzjoni tista' tkun inkorporata b'referenza fi prospett jew prospett bażi, b'mod speċjali jekk tkun tinsab f'wieħed mid-dokumenti li ġejjin:

1. informazzjoni finanzjarja annwali u proviżorja;

2. dokumenti ippreparati fl-okkażjoni ta' xi operazzjoni speċifika bħal merger jew de-merger;

3. dikjarazzjonijiet finanzjarji u rapporti ta' l-awditur;

4. memorandum u artikli ta' assoċjazzjoni;

5. prospetti u/jew prospetti bażi preċedentament approvati w ippubblikati;

6. informazzjoni regolata;

7. ċirkolarijiet lid-detenturi tat-titoli.

2 Id-dokumenti li jkun fihom l-informazzjoni li tista' tkun inkorporata b'referenza fi prospett jew prospett bażi jew fid-dokumenti li jiġbru dan kollu fihom għandhom jitħejjew skond id-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/71/KE.

3 Jekk xi dokument li jista' jkun inkorporat b'referenza ikun fih informazzjoni li jkun sarilha tibdil materjali, il-prospett jew prospett bażi għandhom jiddikjaraw din iċ-ċirkostanza u għandhom jagħtu l-informazzjoni aġġornata.

4 L-emittent, l-offerent jew il-persuna li titlob li tidħol f'kummerċ f'suq regolat jistgħu jinkorporaw informazzjoni fi prospett jew prospett bażi billi jagħmlu referenza biss għal ċertu partijiet tad-dokument, iżda għandhom jiddikjaraw li l-partijiet mhux inkorporati huma jew mhux relevanti għall-investitur jew koperta x'imkien ieħor fil-prospett.

5 Meta jinkoporaw l-informazzjoni b'referenza, l-emittenti, l-offerenti jew il-persuni li jitolbu li jidħlu f'kummerċ f'suq regolat għandhom ifittxu li ma jipperikolawx il-protezzjoni ta' l-investitur fit-termini tal-komprensibilità u l-aċċessibilità ta' l-informazzjoni.

KAPITOLU V

Il-pubblikazzjoni u d-disseminazzjoni tar-reklami

Artikolu 29

Il-pubblikazzjoni f'forma elettronika

1 Il-pubblikazzjoni tal-prospett jew prospett bażi f'forma elettronika, jew skond il-punti (c) (d) u (e) ta' l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2003/71/KE, inkella bħala mezz addizzjonali ta' disponibilità, għandha tkun skond il-ħtiġijiet li ġejjin:

1. il-prospett jew prospett bażi għandhom ikunu aċċessibbli faċilment meta wieħed jidħol fil-websajt;

2. il-format tal-fajl għandu jkun b'mod li l-prospett jew prospett bażi ma jkunx jista' jiġi mmodifikat;

3. il-prospett jew prospett bażi għandu jkun fih ħajperlinks, bl-eċċezzjoni ta' links għal indirizzi elettroniċi fejn tkun disponibbli informazzjoni inkorporata b'referenza;

4. l-investituri għandu jkollhom il-possibilità li jniżżlu u jistampa l-prospett jew prospett bażi.

L-eċċezzjoni imsemmija fil-punt 3 ta' l-ewwel sottoparagrafu għandu jkun validu biss għad-dokumenti inkorporati b'referenza; dawn id-dokumenti għandhom ikunu disponibbli b'arranġamenti tekniċi faċli u mmedjati.

2 Jekk xi prospett jew prospett bażi dwar offerta ta' titoli lill-pubbliku ikun disponibbli fuq il-websajts ta' l-emittenti u l-intermedjarji finanzjarji jew tas-swieq regolati, dawn għandhom jieħdu l-miżuri, biex jevitaw milli jimmiraw għal residenti fl-Istati Membri jew il-pajjiżi terzi fejn mhux qed issir l-offerta ta' titoli lill-pubbliku, bħall-inklużjoni ta' disclaimer dwar lil min hija ndirizzata l-offerta.

Artikolu 30

Il-pubblikazzjoni fil-ġurnali

1 Sabiex tikkonforma mal-punt (a) ta' l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2003/71/KE il-pubblikazzjoni ta' prospett jew prospett bażi għandha ssir f'ġurnal ta' informazzjoni ġenerali jew finanzjarja li għandu skop nazzjonali jew supra-reġjonali;

2 Jekk l-awtorità kompetenti tkun ta' l-opinjoni li l-ġurnal magħżul għall-pubblikazzjoni ma jikkonformax mal-ħtiġijiet stabbiliti fil-paragrafu 1, għandha tistabbilixxi ġurnal li ċ-ċirkolazzjoni tiegħu tkun meqjusa xierqa għal dan l-iskop wara li tikkunsidra, b'mod partikolari, il-post ġeografiku, in-numru ta' abitanti u d-drawwiet tal-qari f'kull Stat Membru.

Artikolu 31

Il-pubblikazzjoni ta' l-avviż

1 Jekk xi Stat Membru jagħmel użu mill-possibilità, imsemmija f'Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2003/71/KE, li jitlob il-pubblikazzjoni ta' avviż li jgħid kif il-prospett jew prospett bażi ikun disponibbli u fejn jista' jinkiseb mill-pubbliku, dak l-avviż għandu jkun ippubblikat f'ġurnal li jissodisfa l-ħtiġijiet tal-pubblikazzjoni tal-prospetti skond l-Artikolu 30 ta' dan ir-Regolament.

Jekk l-avviż ikun jikkonċerna xi prospett jew prospett bażi ippubblikat bl-iskop biss li jiddaħħlu titoli għal kummerċ f'suq regolat fejn diġa jkunu ddaħħlu titoli ta' l-istess klassi, jista' minflok jiġi ppubblikat fil-gazzetta ta' dak is-suq regolat, irrespettivament minn jekk il-gazzetta tiġix stampata fuq karta jew f'forma elettronika.

2 L-avviż għandu jkun ippubblikat mhux aktar tard mill-jum ta' xogħol li jkun imiss wara d-data tal-pubblikazzjoni tal-prospett jew prospett bażi skond l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2003/71/KE.

3 L-avviż għandu jkun fih l-informazzjoni li ġejja:

1. l-identifikazzjoni ta' l-emittent;

2. it-tip, il-klassi u l-ammont tat-titoli offruti u/jew li dwarhom issir l-applikazzjoni għad-dħul f'kummerċ, iżda dawn l-elementi iridu jkunu magħrufa fil-ħin tal-pubblikazzjoni ta' l-avviż;

3. il-kalendarju intenzjonat ta' l-offerta/dħul f'kummerċ;

4. dikjarazzjoni li l-prospett jew prospett bażi ġie ppubblikat u fejn jista' jinkiseb;

5. jekk il-prospett jew prospett bażi ġie ppubblikat f'forma stampata, l-indirizzi fejn u l-perjodu ta' żmien li matulu dawn il-forom stampati ikunu disponibbli għall-pubbliku;

6. jekk il-prospett jew prospett bażi kien ippubblikat f'forma elettronika, l-indirizzi li lilhom għandhom jirreferu l-investituri biex jitolbu kopja stampata;

7. id-data ta' l-avviż.

Artikolu 32

Il-lista ta' prospetti approvati

Il-lista ta' prospetti u prospetti bażi approvati ippubblikata fuq il-websajt ta' l-awtorità kompetenti, skond l-Artikolu 14(4) tad-Direttiva 2003/71/KE, għandha ssemmi kemm minn dawn il-prospetti huma disponibbli u fejn jistgħu jinkisbu.

Artikolu 33

Il-pubblikazzjoni tat-termini finali ta' prospetti bażi

Il-metodu tal-pubblikazzjoni tat-termini finali li jikkonċernaw prospett bażi m'għandux għalfejn ikun l-istess bħal dak użat għall-prospett bażi sakemm il-metodu tal-pubblikazzjoni użat huwa wieħed mill-metodi ta' pubblikazzjoni indikati f'Artikolu 14 tad-Direttiva 2003/71/KE.

Artikolu 34

Id-disseminazzjoni tar-reklami

Ir-reklami li jikkonċernaw offerta lill-pubbliku ta' titoli jew dħul f'kummerċ f'suq regolat jistgħu ikunu ddisseminati lill-pubbliku mill-partijiet interessati, bħall-emittent, l-offerent jew il-persuna li titlob li tidħol f'kummerċ, l-intermedjarji finanzjarji li jipparteċipaw fil-pjazzament u/jew sottoskrizzjoni ta' titoli, b'mod speċjali permezz tal-mezzi ta' komunikazzjoni li ġejjin:

1. materja stampata indirizzata jew le;

2. messaġġ elettroniku jew reklam riċevut permezz ta' telefon ċellulari jew pager;

3. ittra standard;

4. reklamar fl-istampa b'forma ta' l-ordni jew mingħajrha;

5. katalogu;

6. telefon b'intervent uman jew mingħajru;

7. seminars u presentazzjonijiet;

8. radju;

9. videophone;

10. videotext;

11. posta elettronika;

12. magna tal-facsimile (fax);

13. televiżjoni;

14. avviż;

15. bill;

16. kartellun;

17. brochure;

18. web posting inkluż banners ta' l-internet.

KAPITOLU VI

Disposizzjonijiet transitorji u finali

Artikolu 35

Informazzjoni finanzjarja storika

1 L-obbligazzjoni għal emittenti tal-Komunità li fil-prospett jiddikjaraw mill-ġdid l-informazzjoni finanzjarja storika skond r-Regolament (KE) Nru 1606/2002, stabbilita fl-Anness I il-punt 20.1, l-Anness IV il-punt 13.1, l-Anness VII il-punt 8.2, l-Anness X il-punt 20.1 u l-Anness XI il-punt 11.1 m'għandhomx japplikaw għal kwalunkwe perjodu qabel l-1 ta' Jannar 2004 jew, fejn emittent għandu titoli introdotti kummerċjalment f'suq regolat fl-1 ta' Lulju 2005, sakemm l-emittent ikun ippubblika l-ewwel kontijiet ikkonsolidati tiegħu skond ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002.

2 Fejn emittent tal-Komunità huwa suġġett għal disposizzjonijiet nazzjonali transitorji adottati skond l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002, l-obbligazzjoni li fil-prospett li jiddikjara mill-ġdid l-informazzjoni finanzjarja storika ma tapplikax għal kwalunkwe perjodu qabel l-1 ta' Jannar 2006 jew, fejn emittent għandu titoli introdotti kummerċjalment f'suq regolat fl-1 ta' Lulju 2005, sakemm l-emittent ikun ippubblika l-ewwel kontijiet ikkonsolidati tiegħu skond ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002.

3 Sa 1 ta' Jannar 2007 l-obbligazzjoni li fil-prospett ssir dikjarazzjoni mill-ġdid ta' l-informazzjoni finanzjarja storika skond ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002, stabbilita fl-Anness I il-punt 20.1, l-Anness IV il-punt 13.1, l-Anness VII il-punt 8.2, l-Anness X il-punt 20.1 u l-Anness XI il-punt 11.1 m'għandhomx japplikaw għal emittenti mill-pajjiżi terzi:

1. li għandhom it-titoli tagħhom introdotti kummerċjalment f'suq regolat fl-1 ta' Jannar 2007; u

2. li ppreżentaw u ppreparaw l-informazzjoni finanzjarja storika skond l-i standards nazzjonali ta' l-ikkontjar tal-pajjiż terz.

F'dan il-każ, l-informazzjoni finanzjarja storika għandha tkun akkumpanjata b'informazzjoni aktar dettaljata u/jew addizzjonali jekk id-dikjarazzjonijiet finanzjarji inklużi fil-prospett ma jagħtux stampa vera u ġusta ta' l-attiv u l-passiv, tal-posizzjoni finanzjarja u tal-profitt u t-telf ta' l-emittent.

4 Emittenti ta' pajjiż terz li jkunu ppreparaw l-informazzjoni finanzjarja storika skond standards aċċettati internazzjonalment kif imsemmi f'Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002 jistgħu jużaw din l-informazzjoni fi kwalunkwe prospett irreġistrat qabel l-1 ta' Jannar 2007, mingħajr ma jkunu obbligati li jagħmlu dikjarazzjoni mill-ġdid.

5 Mill-1 ta' Jannar 2007 l-emittenti ta' pajjiż terz, kif imsemmi fil-paragrafui 3 u 4, għandhom jippreżentaw l-informazzjoni finanzjarja storika imsemmija fil-paragrafu 3 il-punt (1) wara l-jistabbilixxu mekkaniżmu ekwivalenti li għandu jiġi stabbilit mill-Kummissjoni. Dan il-mekkaniżmu għandu jkun stabbilit permezz tal-proċedura tal-Kumitat prevista f'Artikolu 24 tad-Direttiva 2003/71/KE.

6 Id-disposizzjonijiet ta' Artikolu għandhom japplikaw ukoll għall-Anness VI, il-punt 3.

Artikolu 36

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-Istati Membri fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta' Lulju 2005.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussels, fid-29 ta' April 2004.

Għall-Kummissjoni

Frederik Bolkestein

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 345, tal-31.12.2003, p. 64.

[2] Il-KERT kien stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/527/KE (ĠU L 191, tat-13.7.2001, p. 43).

[3] ĠU L 126, tas-26.5.2000, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bl-Att ta' Adeżjoni 2003.

[4] ĠU L 243, tal-11.9.2002, p. 1.

--------------------------------------------------

ANNESS I

Annessi I sa XVII: Skedi u building blocks

Anness XVIII: Tabella ta' kombinazzjonijiet ta' skedi u building blocks

Anness XIX: Lista ta' emittenti speċjalisti

--------------------------------------------------