32004R0638



Official Journal L 102 , 07/04/2004 P. 0001 - 0008


Ir-Regolament (KE) 638/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tal-31 ta' Marzu 2004

fuq l-istatistiċi Komunitarji rigward il-kummerċ ta' merkanzija bejn Stati Membri u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3330/91

IL-PARLAMENT U L-KUNSILL TA'L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunita Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 285 tiegħu,

Wara li kunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [1],

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [2],

Billi,

(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3330/91 tas-7 ta' Novembru 1991 dwar l-istatistika li għandha x'taqsam mal-kummerċ ta'l-oġġetti bejn Stati Membri [3] introduċa sistema totalment ġdida għall-ġbir tad-data, li ġiet issimplifikata f'żewġ okkażjonijiet. Biex tittejjeb it-trasparenza ta' din is-sistema u biex din issir eħfef biex tiftiehem, ir-Regolament (KEE) Nru 3330/91 għandu jinbidel b'dan ir-Regolament.

(2) Din is-sistema għandha tinżamm, bħala livell dettaljat biżżejjed ta' informazzjoni statistikali għall-politika Komunitarja involuta fl-iżvilupp tas-suq intern u biex impriżi Komunitarji janalizzaw is-swieq speċifiċi tagħhom. Jeħtieġ ukoll li d-data miġbura tkun disponibbli malajr biex jiġi analizzat l-iżvilupp ta' l-Unjoni Ekonomika u Monetarja. L-Istati Membri għandu jkollhom il-possibbilta li jiġbru informazzjoni li tissodisfa l-ħtiġiet speċifiċi tagħhom.

(3) Madankollu, jeħtieġ li tittejjeb l-għażla tal-kliem fir-regoli dwar il-kompilazzjoni ta'l-istatistika tal-kummerċ tal-merkanzija bejn Stati Membri biex dawn ikunu jiftiehmu b'mod aktar faċli mill-kumpaniji responsabbli biex jipprovdu d-data, is-servizzi nazzjonali li jkunu jiġbru d-data u l-utenti.

(4) Sistema ta' thresholds għandha tinżamm, iżda f'forma simplifikata, biex tipprovdi rispons sodisfaċenti għall-ħtiġiet ta'l-utenti waqt li tnaqqas il-piż tar-rispons fuq il-partijiet responsabbli biex jipprovdu informazzjoni statistikali, partikolarment impriżi żgħar u ta' daqs medju.

(5) Għandha tinżamm rabta mill-qrib bejn is-sistema għall-ġbir ta' informazzjoni statistikali u l-formalitajiet fiskali li jeżistu fil-kuntest ta' kummerċ fil-merkanzija bejn Stati Membri. Din ir-rabta tagħmilha possibli, b'mod partikolari, li wieħed jiċċekkja l-kwalita ta'l-informazzjoni miġbura.

(6) Il-kwalita ta'l-informazzjoni statistikali miġbura, il-valutazzjoni tagħha permezz ta' indikaturi u t-trasparenza komuni f'dan il-qasam huma oġġettivi, li jeħtieġu regolamentazzjoni f'livell Komunitarju.

(7) Billi l-għanijiet ta' l-azzjoni pjanata, jiġifieri l-ħolqien ta' struttura legali komuni għall-produzzjoni sistematika ta' statistika Komunitarja li għandha x'taqsam mal-kummerċ tal-merkanzija bejn Stati Membri ma tistax tintlaħaq biżżejjed f'livell nazzjonali u tista' tintlaħaq aħjar f'livell Komunitarju, il-Komunita tista' tadotta miżuri, b'konformita mal-prinċipju tas-sussidjarjeta kif spjegat fl-Artikolu 5 tat-Trattat. B'konformita mal-prinċipju tal-proporzjonalita, kif spjegat f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx ‘il hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dan il-għan.

(8) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 tas-17 ta' Frar 1997 dwar l-Istatistika Komunitarja [4] jipprovdi struttura ta' referenza għal dan ir-Regolament. Madankollu, il-livell dettaljat ħafna ta' informazzjoni fil-qasam ta' l-istatistika li għandha x'taqsam mal-kummerċ tal-merkanzija jeħtieġ regoli speċifiċi fir-rigward tal-kunfidenzalita.

(9) Huwa importanti li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi ta' dan ir-Regolament u, biex isir dan, issir disposizzjoni għal proċedura Komunitarja biex tgħin halli jiġu stabbiliti l-arranġamenti ta' l-implimentazzjoni f'ambitu ta' żmien xieraq u biex isiru l-adattazzjonijiet tekniċi meħtieġa.

(10) Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tal-poteri ta'l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni [5],

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilix xi struttura komuni għall-produzzjoni sistematika ta' statisitiċi Komunitarji rigward il-kummerċ tal-merkanzija bejn Stati Membri.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom jgħoddu:

(a) "merkanzija": il-proprjeta mobbli kollha, inkluż il-kurrent elettriku;

(b) "merkanzija speċifika jew movimenti": merkanzija jew movimenti li, mill-istress naturali tagħhom, jeħtieġu disposizzjonijiet speċifiċi, u b'mod partikolari impjanti industrijali, bastimenti u ajruplani, prodotti tal-baħar, merkanzija mwassla f'bastimenti u f'ajruplani, konsenji alternati, merkanzija militari, merkanzija sejra jew ġejja minn stallazzjonijiet offshore, spacecraft, partijiet ta' vetturi bil-mutur u ta'l-ajruplani u skart;

(ċ) "awtoritajiet nazzjonali": istituti nazzjonali ta'l-istatistika u korpi oħra responsabbli f'kull Stat Membru għall-produzzjoni ta' statistika Komunitarja relattata mal-kummerċ ta' merkanzija bejn Stati Membri:

(d) "merkanzija Komunitarja:"

(i) merkanzija miksuba kollha kemm hi fit-territorju doganali tal-Komunita, mingħajr żieda ta' merkanzija minn pajjiżi jew territorji terzi li ma jkunux parti mit-territorju doganali tal-Komunita;

(ii) merkanzija minn pajjiżi jew territorji terzi li ma jkunux parti mit-territorju doganali tal-Komunita, li tkun ġiet rilaxxata għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa fi Stat Membru;

(iii) merkanzija miksuba fit-territorju doganali tal-Komunita jew mill-merkanzija msemmija esklussivament fil-punt (ii) inkella mill-merkanzija msemmija fil-punti (i) u (ii);

(e) "Stat Membru tad-dispaċċ": l-Istat Membru kif definit mit-territorju statistiku tiegħu li minnu l-merkanzija tintbagħat għal destinazzjoni fi Stat Membru ieħor;

(f) "Stat Membru li jirċievi": l-Istat Membru kif definit minn territorju statistiku tiegħu li fih il-merkanzija tasal minn Stat Membru ieħor;

(g) "merkanzija f'ċirkolazzjoni sempliċi bejn Stati Membri": Merkanzija Komunitarja mibgħuta mingħand Stat Membru għal għand ieħor, li, fi triqitha bejn l-Istat Mebru li sa jirċeviha, tivvjaġġa direttament minn ġo Stat Membru ieħor jew tieqaf għal raġunijiet relattati biss mat-trasport tal-merkanzija.

Artikolu 3

Ambitu

1. Statistiċi li għandhom x'jaqsmu mal-kummerċ tal-merkanzija bejn Stati Membri għandhom ikopru d-dispaċċi u l-wasla tal-merkanzija.

2. Id-dispaċċi għandhom ikopru din il-merkanzija li ġejja li titlaq mill-Istat Membru tad-dispaċċ għal destinazzjoni fi Stat Membru ieħor:

(a) Merkanzija Komunitarja, minbarra merkanzija li tkun f'ċirkolazzjoni sempliċi bejn Stati Membri;

(b) Merkanzija mqiegħda fi Stat Membru tad-dispaċċ taħt il-proċedura ta'l-ipproċessar doganali 'l ġewwa jew taħt il-proċedura ta'l-ipproċessar ta' kontroll taħt id-dwana.

3. Il-wasla għandha tkopri l-merkanzija li ġejja li tkun dieħla fi Stat Membru tal-wasla, li kienet fil-bidu ntbagħtet minn Stat Membru ieħor.

(a) Merkanzija Komunitarja, minbarra merkanzija li tkun f'ċirkolazzjoni sempliċi bejn Stati Membri;

(b) Merkanzija li qabel kienet tqiegħdet fi Stat Membru tad-dispaċċ skond il-proċedura doganali ta'l-ipproċessar 'il ġewwa jew l-ipproċessar skond il-proċedura ta' kontroll taħt id-dwana, li tinżamm skond il-proċedura ta' proċessar 'il ġewwa jew l-ipproċessar skond il-proċedura ta' kontroll taħt id-dwana jew rilaxxata għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa fl-Istat membru tal-wasla.

4. Regoli differenti jew speċifiċi, li għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(2), jistgħu jgħoddu għal merkanzija jew movimenti speċifiċi.

5. Xi merkanzija, li lista dwarha għandha ssir skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(2), għandha tiġi eskluża mill-istatistiċi għal raġunijiet metodoloġiċi.

Artikolu 4

Territorju statistiku

1. It-territorju statistiku ta'l-Istati membri għandu jikkorrispondi mat-territorju doganali tagħhom kif stabbilit fl-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 [6] tat-12 ta' Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju.

2. Permezz ta' deroga mill-paragrafu 1, it-territorju statistiku tal-Ġermanja għandu jinkludi l-Ħeligoland.

Artikolu 5

Sorsi ta' data

1. Sistema speċifika ta' ġbir ta' data, minn issa 'l quddiem imsejħa s-sistema "Intrastat", għandha tgħodd għall-provvista ta' l-informazzjoni statistikali fuq id-dispaċċ u l-wasla ta' merkanzija Komunitarja li ma tkunx is-suġġett ta' dokument amministrattiv singolu għall-finijiet doganali jew fiskali.

2. L-informazzjoni statistikali fuq id-dispaċċi u l-wasla ta' merkanzija oħra għandha tkun provduta direttament mid-dwana lill-awtoritajiet nazzjonali, ta' lanqas darba fix-xahar.

3. Għal merkanzija jew movimenti speċifiċi, sorsi ta' informazzjoni oħra minbarra s-sistema Intrastat jew id-dikjarazzjonijiet doganali jistgħu jintużaw.

4. Kull Stat Membru għandu jorganizza l-mod ta kif id-data ta'l-Intrastat tiġi provduta mill-partijiet responbsabbli biex jipprovdu informazzjoni. Biex jiġi faċilitat ix-xogħol ta' dawn il-partijiet, il-kundizzjonijiet għal użu akbar ta'l-ipproċessar awtomatiku tad-data u l-dispaċċ awtomatika tad-data għandu jiġi promoss mill-Kummissjoni (Eurostat) u mill-Istati Membri.

Artikolu 6

Perjodu ta' referenza

1. Il-perjodu tar-referenza biex l-informazzjoni tiġi provduta skond l-Artikolu 5 għandha tkun ix-xahar kalendarju tad-dispaċċ jew il-wasla tal-merkanzija.

2. Il-perjodu ta' referenza jista' jiġi adattat biex jieħu konsiderazzjoni tar-rabta mat-taxxa tal-valur miżjud (VAT) u l-obbligazzjonijiet tad-dwana, skond id-disposizzjonijiet adottati b'konformita mal-proċeduri msemmija fl-Artikolu 14(2).

Artikolu 7

Partijiet responabbli biex jipprovdu l-informazzjoni

1. Il-partijiet responsabbli biex jipprovdu informazzjoni għas-sistema Intrastat għandhom ikunu:

(a) il-persuni naturali u legali rreġistrati għall-VAT fl-Istat Membru tad-dispaċċ li:

(i) ikun ikkonkluda kuntratt, bl-eċċezzjoni tal-kuntratti tat-trasport, li jagħtu lok għal dispċċ ta' merkanzija jew, jekk fin-nuqqas ta' dan li,

(ii) jibgħat jew jipprovdi għad-dispaċċ tal-merkanzija jew, fin-nuqqas ta' dan li,

(iii) ikollu l-pussess tal-merkanzija li tkun is-suġġett għad-dispaċċ:

(b) il-persuna naturali jew legali reġistrata għall-VAT fl-Istat Membru tal-wasla li:

(i) ikun ikkonkluda kuntratt, bl-eċċezzjoni ta' kuntratti tat-trasport, li jagħti lok għal konsenja ta' merkanzija jew, fin-nuqqas ta' dan li,

(ii) jirċievi l-konsenja jew jipprovdi biex tintbagħat il-merkanzija jew, fin-nuqqas ta' dan li,

(iii) ikollu l-pussess tal-merkanzija li tkun is-suġġett tal-konsenja

2. Il-partijiet responsabbli biex jipprovdu informazzjoni jistgħu jittrasferixxu x-xogħol lil partijiet terzi, iżda dan it-trasferiment m'għandu bl-ebda mod inaqqas ir-responsabbilta tal-parti msemmija.

3. In-nuqqas ta' xi parti responsabbli biex tipprovdi informazzjoni biex taqdi l-obbligazzjonijiet tiegħu/tagħha taħt dan ir-Regolament għandu jirrendih/a suġġetta għal-pieni li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu.

Artikolu 8

Reġistri

1. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jagħmlu u jżommu reġistru ta' operaturi intra-Komunitarji li jkun fih ta' lanqas minn qed jikkonsenja, mad-dispaċċ, u l-kunsinnatarju, mal-wasla.

2. Biex jiġu identifikati l-partijiet responsabbli biex tiġi provduta l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 7 u biex tiġi verifikata l-informazzjoni li qed tiġi provduta, l-amministrazzjoni tat-taxxa responsabbli f'kull Stat Membru għandha tagħti lill-awtorita nazzjonali:

(a) ta‘ lanqas darba fix-xahar, listi ta'persuni naturali u legali li dikjaraw li, matul il-perjodu in- kwistjoni, huma jkunu provdew merkanzija lil Stati Membri oħra jew akkwistaw merkanzija minn Stati Membri oħra. Il-listi għandhom juru t-total tal-valuri tal-merkanzija dikjarata minn kull persuna naturali u legali għal finijiet fiskali;

(b) fuq l-inizjattiva proprja jew fuq talba ta'l-awtorita nazzjonali, bi kwalunkwe informazzjoni provduta għal finijiet fiskali li tista'ttejjeb il-kwalita ta'l-istatistiċi.

L-arranġamenti għall-komunikazzjoni ta'l-informazzjoni għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(2).

L-informazzjoni għandha tiġi trattata mill-awtorita nazzjonali skond ir-regoli applikati lilha mill-amministrazzjoni tat-taxxa.

3. L-amministrazzjoni tat-taxxa għandha ġġib għall-attenzjoni tan-negozjanti reġistrati mal-VAT l-obbligi li jistgħu jidħlu għalihom bħala partijiet responsabbli biex jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa mill-Intrastat.

Artikolu 9

L-informazzjoni ta'l-Intrastat li għandha tinġabar

1. L-informazzjoni li ġejja għandha tinġabar mill-awtoritajiet nazzjonali:

(a) in-numru ta'l-identifikazzjoni allokat lill-parti responsabbli biex tipprovdi informazzjoni skond l-Artikolu 2(1)(ċ) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta' Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta'l-Istati Membri rigward it-taxxi fuq il-valur tal-bejgħ- sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima [7], fil-versjoni mogħtija fl-Artikolu 28h tiegħu;

(b) il-perjodu ta' referenza;

(ċ) il-kurrent (wasla, dispaċċ);

(d) il-prodott, identifikat permezz ta' kodiċi bi tmien ċifri tan- Nomenklatura Magħquda kif stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta'Lulju 1987 dwar it-tariffa u n-nomenklatura statistikali dwar it-Tariffa Komuni tad-Dwana [8];

(e) L-Istat Membru msieħeb;

(f) il-valur tal-merkanzija;

(g) il-kwantita tal-merkanzija;

(h) in-natura ta'l-operazzjoni.

Definizzjonijiet tad-data statistikali msemmija fil-punti minn (e) sa (h) qed jidhru fl-Anness. Meta jkun meħtieġ, l-arranġamenti għall-ġbir ta' din l-informazzjoni, partikolarment il-kodiċijiet li għandhom jintużaw, għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(2).

2. L-Istati Membri jistgħu jiġbru informazzjoni addizzjonali, per eżempju:

(a) l-identifikazzjoni tal-merkanzija, f'livell aktar dettaljat min-Nomenklatura Magħquda;

(b) il-pajjiż ta'l-oriġini, mal-wasla;

(ċ) ir-reġjun ta'l-oriġini, mad-dispaċċ, u r-reġjun tad-destinazzjoni, mal-wasla;

(d) it-termini tal-konsenja;

(e) il-mod tat-trasport;

(f) il-proċedura statistikali.

Definizzjonijiet tad-data statistikali msemmija fil-punti minn (b) sa (f) qed jidhru fl-Anness. Meta jkun meħtieġ, l-arranġamenti għall-ġbir ta' din l-informazzjoni, partikolarment il-kodiċijiet li għandhom jintużaw, għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(2).

Artikolu 10

Simplifikazzjoni ġos-sistema Intrastat

1. Biex jiġu sodisfatti l-ħtiġiet ta'l-utenti ta' informazzjoni statistikali mingħajr ma' jiġu imposti piżijiet żejda fuq l-operaturi ekonomiċi, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu t-thresholds ta' kull sena f'valuri annwali ta' kummerċ intra-Komunitarju, li ‘l isfel minnhom il-partijiet ikunu eżenti milli jipprovdu xi informazzjoni ta'l-Intrastat jew jistgħu jipprovdu informazzjoni simplifikata.

2. It-thresholds għandhom jiġu stabbiliti għal kull Stat Membru, bil-wasliet u d-dispaċċi separati.

3. Biex jiġu stabbiliti t-treshholds li ‘l isfel minnhom il-partijiet ikunu eżenti milli jipprovdu xi informazzjoni Intrastat, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 9(1), l-ewwel sub-paragrafu, punti (a) sa (f), magħmulha disponibbli mill-partijiet responsabbli biex jipprovdu l-informazzjoni, tkun tali li talanqas ikun kopert 97 % tat-total tal-kummerċ ta'l-Istat membru relevanti espress f'valur.

4. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu thresholds oħra li ‘l isfel minnhom il-partijiet ikunu jistgħu jibbenefikaw mis-simplifikazzjoni li ġejja:

(a) eżenzjoni milli jipprovdu informazzjoni rigward il-kwantita tal-merkanzija;

(b) eżenzjoni milli jipprovdu informazzjoni rigward in-natura tat-tranżazzjoni;

(ċ) possibilta li jirrappurtaw massimu ta' 10 mis-subintestaturi dettaljati relevanti tan-Nomenklatura Magħquda, li l-aktar jintużaw f'termini ta' valur, u li jerġgħu jiġbru flimkien il-prodotti l-oħra skond ir-regoli stabbiliti skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(2).

Kull Stat Membru li japplika dawn it-thresholds għandu jiżgura li l-kummerċ ta' dawn il-partijiet għandu jkun jammonta għal massimu ta' 6 % tat-total tal-kummerċ tiegħu.

5. L-Istati Membri jistgħu, taħt ċerti kondizzjonijiet, li jilħqu l-ħtiġiet dwar kwalita u li għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(2), jissimplifikaw l-informazzjoni li għandha tiġi provduta għal tranżazzjonijiet individwali żgħar.

6. L-informazzjoni fuq it-thresholds applikata mill-Istati Membri għandha tintbagħat lill-Kummissjoni (Eurostat) mhux aktar tard mill-31 ta' Ottubru tas-sena li tiġi qabel is-sena li għaliha jgħoddu.

Artikolu 11

Il-kunfidenzalita ta'l-istatistika

Meta l-partijiet li jkunu provdew informazzjoni hekk jitolbu, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jiddeċiedu jekk ir-riżultati ta'l-istatistika li jagħmluha possibli li indirettament wieħed jidentifika lill-proveditur(i) imsemmi(ja) għandux(homx) jiġi(u) mxandra(in) jew inkella għandux(homx) jigi (jiġu) emendat(i) b'tali mod li x-xandir tieghu (tagħhom) ma' jippreġudikax(awx) il-konfidenzalita statistikali.

Artikolu 12

Trasmissjoni ta' data lill-Kummissjoni

1. L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni (Ewrostat) ir-riżultati ta' kull xahar ta'l-istatistiċi tagħhom li għandhom x'jaqsmu mal-kummerċ tal-merkanzija bejn Stati Membri mhux aktar tard minn:

(a) 40 jum kalendarju mit-tmiem tax-xahar ta' referenza biex id-data miġbura tiġi stabbilita skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(2);

(b) 70 jum kalendarju wara d-data tax-xahar ta' referenza fil-każ ta' riżultati dettaljati inkluża l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 9(1), l-ewwel subparagrafu, il-punti (b) u (h).

Fir-rigward tal-valur tal-merkanzija, ir-riżultati għandhom jinkludu l-valur statistikali biss, kif stabbilit fl-Anness.

L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoini (Ewrostat) id-data li tkun konfidenzali.

2. L-Istati Membri għandhom jagħtu lill-Kummissjoni (Ewrostat) ir-riżultati ta' kull xahar li jkopru l-kummerċ totali tagħhom fil-merkanzija billi jużaw estimi, fejn meħtieġ.

3. L-Istati Membri għandhom jibagħtu d-data lill-Kummissjoni (Ewrostat) f'forma elettronika, skond l-istandard ta'l-interchange. L-arranġamenti prattiċi biex tintbagħat id-data għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(2).

Artikolu 13

Kwalita

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw il-kwalita tad-data mibgħuta skond il-kwalita ta'l-indikaturi u l-istandards fis-seħħ.

2. L-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni (Ewrostat) rapport ta' kull sena fuq il-kwalita_ tad-data mibgħuta.

3. L-indikaturi u l-istandards li jagħmluha possibli biex il-kwalita tad-data tiġi stmata, l-istruttura tar-rapporti dwar il-kwalita li għandhom jiġu preżentati lill-Istati Membri u kull mezz meħtieġ biex tiġi stmata jew imtejba l-kwalita tad-data għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(2).

Artikolu 14

Proċedura tal-Kumitat

1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn Kumitat għall-istatistiċi fuq il-kummerċ tal-merkanzija bejn Stati Membri.

2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom jgħoddu l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, wara li jkunu kunsidrati d-disposizzjonijiet ta'l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu ta' żmien preskritt fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' tliet xhur.

3. Il-Kumitat għandu jadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu.

Artikolu 15

Tħassir

1. Ir-Regolament (KEE) Nru 3330/91 huwa b'hekk imħassar.

2. Referenzi għar-regolament imħassar għandhom jitqiesu li jkunu saru għal dan ir-Regolament.

Artikolu 16

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum li jiġi wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan għandu jgħodd mill-1 ta' Jannar 2005.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasbourg, fil-31 ta' Marzu 2004.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

P. Cox

Għall-Kunsill

Il-President

D. Roche

[1] ĠU C 32, 05.02.04, p. 92.

[2] L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 Diċembru 2003 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Marzu 2004.

[3] ĠU L 316, tas-16.11.1991., p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat mir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, tal-31.10.2003, p. 1).

[4] ĠU L 52, tat-22.2.1997, p.1. Ir-Regolament kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 1882/2003.

[5] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

[6] ĠU L 302, tad-19.10.1992, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat mir-Regolament (KE) Nru 2700/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 311, tat-12.12.2000, p. 17).

[7] ĠU L 145, tat-13.6.1977, p. 1. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata mid-Direttiva 2004/15/KE (ĠU L 52, tal-21.2.2004, p. 61).

[8] ĠU L 256, tas-7.9.1987, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2344/2003 (ĠU L 346, tal-31.12.2003, p. 38).

--------------------------------------------------

ANNESS

DEFINIZZJONIJIET TAD-DATA STATISTIKALI

1. Stat Membru msieħeb

(a) L-Istat Membru Msieħeb ikun l-Istat Membru tal-konsenja, mal-wasla. Dan ifisser l-Istat Membru tad-dispaċċ preżunt f'każi fejn il-merkanzija tidħol direttament minn Stat Membru ieħor. Meta, qabel tasal fl-Istat tal-wasla, l-merkanzija tkun daħlet fi Stat Membru wieħed jew aktar in-tranżitu u tkun ġiet suġġetta f'dawk l-Istati għal waqfiet jew operazzjonijiet legali mhux inerenti mat-trasport tagħhom (p.e. bidla fil-pussess), l-Istati Membri tal-konsenja għandhom jitqiesu bħala l-aħħar Stat Membru fejn ikunu saru dawk il-waqfiet jew l-operazzjonijiet.

(b) L-Istat Membru msieħeb huwa l-Istat Membru tad-destinazzjoni, mad-dispaċċ. Dan ifisser l-aħħar Stat Membru li lilu jkun magħruf, waqt id-dispaċċ, li l-merkanzija tkun sa tintbagħat.

2. Kwantita tal-merkanzija

Il-kwantita tal-merkanzija tista' tiġi espressa b'żewġ modi:

(a) il-massa netta, li tfisser il-massa attwali tal-merkanzija minbarra l-imballaġġ;

(b) l-entitajiet supplimentari, li jfissru l-entitajiet possibbli li jkejlu l-kwantita minbarra l-massa netta, skond id-dettalji fir-regolament annwali tal-Kummissjoni li jaġġorna n-Nomenklatura Magħquda.

3. Valur tal-merkanzija

Il-valur tal-merkanzija jista' jiġi espress b'żewġ modi:

(a) l-ammont taxxabbli, li huwa l-valur li għandu jiġi stabbilit għal skopijiet ta' tassazzjoni skond id-Direttiva 77/388/KEE;

(b) il-valur statistiku, li huwa l-valur ikkalkulat fil-fruntieri nazzjonali ta'l-Istati Membri. Dan jinkludi biss spejjeż inċidentali li jintefqu (in-nol, l-assigurazzjoni), fil-każ tad-dispaċċi, fil-parti tal-vjaġġ li ssir ġot-territorju ta'l-Istat Membru li jittrasmetti u, fil-każ tal-wasla, fil-parti tal-vjaġġ li tkun barra mit-territorju ta'l-Istat Membru tal-wasla.

4. Natura ta'l-operazzjoni

In-natura tat-transazzjoni tfisser id-diversi karatteristiċi (xiri/bejgħ, xogħol b'kuntratt, eċċ) li jitqiesu bħala siewja biex tintghazel transazzjoni minn oħra.

5. Il-pajjiż ta'l-oriġini

(a) Il-pajjiż ta'l-oriġini, mal-wasliet biss, tfisser il-pajjiż mnejn toriġina l-merkanzija.

(b) Merkanzija li tinkiseb biss jew li tiġi fabbrikata kollha kemm hi f'pajjiż toriġina minn dak il-pajjiż.

(ċ) Merkanzija li l-fabbrikazzjoni tagħha tkun involviet aktar minn pajjiż wieħed għandha titqies li tkun oriġinat fil-pajjiż fejn tkun għaddiet l-aħħar ipproċessar jew fabbrikazzjoni sostanzjali ekonomikament iġġustifikata f'kumpannija mgħammra għal dak l-iskop, li tirriżulta fil-fabbrikazzjoni ta' prodott ġdid jew li tirrappreżenta stadju ġdid ta' fabbrikazzjoni.

6. Reġjun ta'l-oriġini jew destina zzjoni

(a) Ir-reġjun ta'l-oriġini, waqt id-dispaċċ, ifisser Stat Membru ta' dispaċċ fejn il-merkanzija tkun ġiet iffabbrikata jew mibnija, immuntata, msewwija jew mantenuta; fin-nuqqas ta' dak, ir-reġjun ta'l-oriġini jkun ir-reġjun mnejn il-merkanzija tkun intbagħtet, jew, fin-nuqqas ta' dak, ir-reġjun fejn ikun sar il-proċess kummerċjali.

(b) Ir-reġjun tad-destinazzjoni, mal-wasla, tfisser ir-reġjun ta' l-Istat Membru fejn tasal fejn il-merkanzija għandha tiġi kunsmata, mibnija, immuntata, proċessata, msewwija jew mantenuta; fin-nuqqqas ta' dak, ir-reġjun tad-destinazzjoni jkun ir-reġjun li lilu l-merkanzija tkun sa tintbagħat, jew, fin-nuqqas ta' dak, ir-reġjun fejn il-proċess kummerċjali jkun sa jsir.

7. Termini tal-konsenja

It-termini tal-konsenja jfissru dawk id-disposizzjonijiet tal-kuntratt tal-bejgħ li jistabbilixxu l-obbligi tal-bejjiegħ u tax-xerrej rispettivament, skond l-Incoterms tal-Kamra Internazzjozzjonali tal-Kummerċ (cif, fob, eċċ).

8. Mod ta' transport

Il-mod tat-trasport jiġi stabbilit permezz tat-trasport li bih il-merkanzija tkun preżunta li sa titlaq mit-territorju statistiku ta'l-Istat Membru tad-dispaċċ, waqt l-dispaċċ, u permezz tal-mezz attiv ta' trasport li bih il-merkanzija tkun preżunta li daħlet fit-territorju statistiku ta'l-Istat Membru tal-wasla waqt il-wasla.

9. Proċedura statistikali

Il-proċedura statistikali tfisser id-diversi karatteristiċi li jitqiesu meħtieġa biex jingħażlu d-diversi tipi ta' wasliet/dispaċċi għal skopijiet ta'l-istatistika.

--------------------------------------------------