32004R0435



Official Journal L 072 , 11/03/2004 P. 0001 - 0014


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 435/2004

tat-8 ta' Marzu 2004

li jimponi dazju definittiv kontra d-dumping u li jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq importazzjoni taċ-ċiklamat tas-sodju li joriġina fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u fl-Indoneżja

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra importazzjoni li kienet l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea [1] (ir-"Regolament bażiku"), u b'mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mogħtija mill-Kummissjoni wara li kkonsultat mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A. PROĊEDURA

(1) Fit-18 ta' Settembru 2003, il-Kummisjoni imponiet, bir-Regolament (KE) Nru 1627/2003 [2], dazju provviżorju kontra d-dumping fuq importazzjoni għal ġol-Komunità taċ-ċiklamat tas-sodju li joriġina fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina ("PRC")u fl-Indoneżja (ir-"Regolament provviżorju").

(2) Huwa mfakkar li l-perjodu ta' l-investigazzjoni ta' dumping u ta' ħsara kopra l-perjodu mill-1 ta' Ottubru 2001 sat-30 ta' Settembru 2002 ("IP"). L-istħarriġ ta' tendenzi relevanti għall-analiżi ta' ħsara kopra l-perjodu mill-1 ta' Jannar 1999 sat-tmiem ta' l-IP (il-"perjodu kkonsidrat").

B. PREĊEDURA SUSSEGWENTI

(3) Wara l-imposizzjoni ta' dazju provviżorju kontra d-dumping fuq importazzjoni taċ-ċiklamat tas-sodju li joriġina fil-PRC u fl-Indoneżja, xi partijiet interessati taw kummenti bil-miktub. Il-partijiet li talbu ngħataw ukoll l-opportunità li jinstemgħu b'mod verbali.

(4) Kif imfisser taħt il-premessa 5 tar-Regolament provviżorju, il-viżti ta' verifika tad-dumping lill-PRC u lill-Indoneżja li normalment isiru qabel is-sejbiet provviżorji, kienu kkanċellati minħabba l-introduzzjoni ta' restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar minħabba s-SARS. Avviż dwar il-konsegwenzi tas-SARS fuq l-investigazzjonijiet kontra d-dumping u kontra s-sussidji ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea [3].

(5) Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha li ħasset li kienet meħtieġa għas-sejbiet definittivi tagħha. Wara li tneħħew ir-restrizzjonijiet ta' l-ivvjaġġar konnessi mas-SARS, saru viżti ta' verifika fl-uffiċċji tal-kumpaniji li ġejjin:

(a) Produtturi esportaturi u l-kumpaniji relatati tagħhom fil-PRC u fil-Hong-Kong,

- Zhong Hua Fang Da (H.K.) Limited, Hong Kong,

- Fang Da Food Additive (Shen Zhen) Limited, Shenzhen, PRC,

- Shanghai Shumi Co. Ltd., Shanghai, PRC,

- Rainbow Rich Industrial Ltd., Hong Kong,

- Golden Time Enterprise (Shenzhen) Co. Ltd., Shenzhen, PRC.

(b) Produttur esportatur fl-Indoneżja

- PT. Golden Sari (Chemical Industry), Bandar Lampung, l-Indoneżja.

(6) Wara l-iskandenza tat-terminu perentorju għal kummenti fuq is-sejbiet provviżorji u sew wara l-viżti ta' verifika, kumpanija oħra Indoneżjana wriet lilha nfisha u talbet il-kwestjonarju tal-produtturi esportaturi sabiex twieġeb. Il-kumpanija ġiet informata li kellha turi lilha nfisha u titlob il-kwestjonarju fil-bidu ta' l-investigazzjoni. Ġiet informata wkoll li f'stadju daqshekk avvanzat ta' l-investigazzjoni l-ebda informazzjoni ġdida ma setgħet tiġi kkonsidrata u li s-sejbiet kienu ser ikunu bbażati fuq il-fatti disponibbli. Madankollu, ingħatat l-opportunità li tikkummenta u l-kummenti tagħha ġew kkonsidrati, imma ma biddlux il-konklużjoni t'hawn fuq.

(7) Il-partijiet kollha ġew informati bil-fatti u l-konsiderazzjonijiet essenzali li fuq il-bażi tagħhom kien intenzjonat li tiġi rakkomandata l-imposizzjoni ta' dazju definittiv kontra d-dumping u l-ġbir definittiv ta' ammonti miksuba permezz tad-dazju provviżorju. Ingħataw ukoll perjodu li fih setgħu jagħmlu rappreżentazzjonijiet sussegwenti għal dan l-isvelar. Il-kummenti verbali u bil-miktub mogħtija mill-partijiet ġew ikkunsidrati u, fejn xieraq, ittieħed kont tagħhom għas-sejbiet definittivi.

Ċ. PRODOTT TAĦT KONSIDERAZZJONI U PRODOTT SIMILI

(8) L-ebda kummenti dwar il-prodott ikkonċernat u prodott simili ma ġew riċevuti u, għalhekk, il-konklużjonijiet imniżżla fil-premessi 7 sa 13 tar-Regolament provviżorju huma hawnhekk ikkonfermati.

D. DUMPING

1. METODOLOĠIJA ĠENERALI

(9) Din it-taqsima tfisser il-metodoloġija ġenerali użata biex jiġi stabbilit jekk l-importazzjoni għal ġol-Komunità tal-prodott ikkonċernat kinitx l-oġġett ta' dumping. Kwistjonijiet speċifiċi imressqa mill-investigazzjoni għal kull pajjiż ikkonċernat huma deskritti fil-premessi 23 sa 49.

1.1. Valur normali

Għal produtturi esportaturi fl-Indoneżja u produtturi esportaturi fil-PRC li kkooperaw u li għalihom ingħata t-trattament ta' negozju li jopera f'kondizzjoni ta' ekonomija tas-suq ("MET")

1.1.1. Rappresentattività totali tal-bejgħ domestiku

(10) Skond l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, l-ewwel ġie mistħarreġ jekk il-bejgħ domestiku taċ-ċiklamat tas-sodju lill-klijenti indipendenti minn kull produttur esportatur kienx rappreżentattiv, jiġ. jekk il-volum totali ta' dan il-bejgħ kienx mill-inqas 5 % tal-volum totali tal-bejgħ korrespondenti għall-esportazzjoni lill-Komunità.

1.1.2. Rappresentattività speċifika għat-tip ta' prodott

(11) Sussegwetament, kien mistħarreġ jekk il-bejgħ domestiku tat-tipi ta' prodott esportati setgħax jiġi kkonsidrat bħala rappreżentattiv. Għal dan il-għan, it-tipi komparabbli mibjugħa fis-suq domestiku kellhom jiġu identifikati l-ewwel. L-investigazzjoni kkunsidrat dawk it-tipi ta' prodott taċ-ċiklamat tas-sodju mibjugħin b'mod domestiku bħala identiċi jew direttament komparabbli mat-tipi mibjugħa għall-esportazzjoni fil-Komunità meta kienu ta' l-istess forma kif definit fil-premessa 8 tar-Regolament provviżorju.

(12) Il-bejgħ domestiku ta' tip ta' prodott partikolari kien ikkunsidrat biżżejjed rappreżentattiv meta l-volum totali ta' bejgħ domestiku ta' dak it-tip mibjugħ lill-klijenti indipendenti matul l-IP rrappreżenta 5 % jew aktar tal-volum totali ta' bejgħ tat-tip ta' prodott komparabbli esportat lill-Komunità.

1.1.3. Prova tal-kors normali tal-kummerċ

(13) Ġie mistħarreġ jekk il-bejgħ domestiku ta' kull produttur esportatur setgħax jiġi kkunsidrat bħala magħmul fil-kors normali tal-kummerċ skond l-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku.

(14) Dan sar billi ġie stabbilit il-proporzjon ta' bejgħ domestiku lill-klijenti indipendenti, ta' kull tip ta' prodott esportat, li ma nbigħx b'telf fis-suq domestiku matul l-IP:

(a) Għal dawk it-tipi ta' prodott fejn aktar minn 80 % bil-volum ta' bejgħ fis-suq domestiku ma kienx taħt il-prezz ta' unità u fejn il-medja peżata tal-prezz tal-bejgħ kienet daqs jew aktar għolja mill-medja peżata tal-prezz tal-produzzjoni, il-valur normali, skond it-tip ta' prodott, kien ikkalkolat bħala l-medja peżata tal-prezzijiet kollha tal-bejgħ domestiku matul l-IP, imħallsa jew li għandhom jitħallsu lill-klijenti indipendenti, tat-tip imsemmi rrispettivament minn jekk dan il-bejgħ ħalliex qligħ jew le.

(b) Għal dawk it-tipi ta' prodott fejn mill-inqas 10 %, imma mhux aktar minn 80 %, bil-volum, ta' bejgħ fis-suq domestiku ma kienx taħt il-prezz ta' unità, il-valur normali, skond it-tip ta' prodott, kien ikkalkolat bħala l-medja peżata tal-prezzijiet tal-bejgħ domestiku li saru bi prezzijiet daqs jew aktar għolja mill-prezz ta' unità biss, tat-tip imsemmi.

1.1.4. Valur normali bbażat fuq prezz domestiku attwali

(15) Meta l-ħtiġiet imniżżla fil-premessi 10 sa 14(b) intlaħqu, il-valur normali kien ibbażat għat-tip ta' prodott korrispondenti fuq il-prezzijiet attwali mħallsa jew li għandhom jitħallsu, mill-klijenti indipendenti fis-suq domestiku tal-pajjiż esportatur matul l-IP, kif previst fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku.

Għall-produtturi esportaturi fil-PRC mingħajr il-MET

(16) Skond l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, il-valur normali għall-produtturi esportaturi li ma jingħatawx il-MET għandu jiġi stabbilit fuq il-bażi tal-prezz jew tal-valur mibni f'pajjiż terz b'ekonomija tas-suq (pajjiż analogu) għall-prodott simili.

1.2. Prezz għall-esportazzjoni

(17) Skond l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku, il-prezz għall-esportazzjoni għandu jkun il-prezz attwalment imħallas jew li għandu jitħallas għall-prodott meta dan jinbigħ għall-esportazzjoni mill-pajjiż esportatur lill-Komunità.

1.3. Paragun

(18) Sabiex jiġi żgurat paragun imparzjali bejn il-valur normali u l-prezz għall-esportazzjoni, ittieħed kont, skond l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, ta' differenzi fil-fatturi li kienu affermati u ppruvati li jaffetwaw il-prezzijiet u l-komparabilità tal-prezzijiet. Fuq dan il-bażi, ingħataw konċessjonijiet, fejn applikabbli u ġġustifikati, għad-differenzi fl-ispejjeż tat-trasport, trasport ta' merkanzija bil-baħar u spejjeż ta' l-assigurazzjoni, tqandil, tgħabbija u spejjeż anċillari, livell ta' kummerċ, spejjeż ta' l-ippakkjar, spejjeż tal-kreditu, kummissjonijiet, skonti u piżijiet bankarji.

(19) Il-paragun bejn il-valur normali u l-prezz għall-esportazzjoni kien magħmul fuq bażi ta' kif joħroġ mill-fabbrika u fl-istess livell ta' kummerċ.

1.4. Marġni tad-dumping

Għall-produtturi esportaturi fl-Indoneżja u produtturi esportaturi fil-PRC li ngħataw il-MET

(20) Skond l-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku, il-medja peżata aġġustata tal-valur normali skond it-tip ta' prodott, kif determinat fil-premessi 10 sa 15, kienet imqabbla mal-medja peżata aġġustata tal-prezz għall-esportazzjoni, kif determinat fil-premessa 17.

Għall-kumpaniji li ma kkooperawx

(21) Għal dawk il-produtturi esportaturi li la wieġbu l-kwestjonarju u lanqas ma wrew lilhom infushom b'xi mod ieħor, il-marġni tad-dumping kien stabbilit fuq il-bażi tal-fatti disponibbli, skond l-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku. L-approċċ t'hawn fuq kien ikkunsidrat meħtieġ ukoll għall-produtturi esportaturi li ma kkooperawx, sabiex produtturi esportaturi bħal dawn li ma kkooperawx ma jitħallewx li jibbenefikaw minn nuqqas tal-kooperazzjoni tagħhom.

(22) Fejn il-livell totali ta' kooperazzjoni instab li kien baxx ħafna, kien ikkunsidrat xieraq li għall-kumpaniji li ma kkooperawx jiġi stabbilit marġni tad-dumping għall-pajjiż kollu f'livell aktar għoli mill-ogħla marġni tad-dumping stabbilit għal kumpanija li kkooperat. Tassew, hemm il-għaliex jiġi maħsub li l-livelli għoljin tan-nuqqas ta' kooperazzjoni rriżultaw billi l-produtturi esportaturi li ma kkooperawx fil-pajjiż ikkonċernat kienu kkaġunaw livell ta' dumping aktar għoli minn kull produttur esportatur li kkoopera fl-istess pajjiż.

2. KWISTJONIJIET SPEĊIFIĊI MRESSQA MILL-INVESTIGAZZJONI FIR-RIGWARD TA' L-ISTABBILIMENT TAL-MARĠNI TAD-DUMPING GĦAL KULL WIEĦED MILL-PAJJIŻI KKONĊERNATI

2.1. L-Indoneżja

(23) B'kollox, produttur esportatur wieħed ikkoopera fl-investigazzjoni.

2.1.1. Valur normali

(24) L-ewwel ġie stabbilit li l-bejgħ domestiku taċ-ċiklamat tas-sodju ta' l-uniku produttur esportatur li kkoopera kien rappreżentattiv matul l-IP (ara l-premessa 10 t'hawn fuq). Kien stabbilit ukoll li l-uniku tip ta' prodott taċ-ċiklamat tas-sodju mibjugħ fis-suq domestiku mill-produttur esportatur li kkoopera kien identiku ma' l-uniku tip mibjugħ għall-esportazzjoni lill-Komunità.

(25) Għal dan it-tip ta' prodott, peress li aktar minn 80 % bil-volum ma nbigħx b'telf fis-suq domestiku u l-medja peżata tal-prezz tal-bejgħ tiegħu kienet aktar għolja mill-medja peżata tal-prezz tal-produzzjoni, il-valur normali kien ikkalkolat bħala l-medja peżata tal-prezz tal-bejgħ domestiku kollu li sar matul l-IP, imħallas jew li għandu jitħallas mill-klijienti indipendenti, tat-tip imsemmi, kif imniżżel fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku.

2.1.2. Prezz għall-esportazzjoni

(26) L-esportazzjoni saret biss lill-klijenti mhux konnessi fil-Komunità u, għalhekk, il-prezz għall-esportazzjoni kien stabbilit skond l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku, fuq il-bażi ta' prezzijiet għall-esportazzjoni li attwalment tħallsu jew li għandhom jitħallsu matul l-IP.

2.1.3. Paragun

(27) Sabiex jiġi żgurat paragun imparzjali, ingħataw konċessjonijiet, fejn applikabbli u ġġustifikati, għad-differenzi fl-ispejjeż tat-trasport, trasport ta' merkanzija bil-baħar u spejjeż ta' l-assigurazzjoni, tqandil, tgħabbija u spejjeż anċillari, livell ta' kummerċ, spejjeż ta' l-ippakkjar, spejjeż tal-kreditu u kummissjonijiet.

(28) Il-produttur esportatur għamel pretensjoni għal aġġustament fil-valur normali b'ammont li jikkorrespondi mal-piżijiet ta' l-importazzjoni, taxxi indiretti u taxxi fuq id-dħul li jinġarru mill-prodott simili u minn materjali li huma fiżikament inkorporati ġo fih, meta maħsuba għall-konsum fl-Indoneżja u mhux miġbura jew rifużi f'konnessjoni mal-prodott esportat lill-Komunità. Madankollu, il-kumpanija kkonċernata ma setgħetx turi la li dawk it-taxxi ma kinux attwalment imħallsa jew rifużi f'konnessjoni mal-bejgħ għall-esportazzjoni lill-Komunità lanqas li xi taxxi bħal dawn li ma kinux imħallsa jew rifużi kienu inklużi fil-prezzijiet domestiċi. Għalhekk, il-pretensjoni ma ntlaqgħetx.

(29) Wara l-isvelar tal-fatti u l-konsiderazzjonijiet essenzali li fuq il-bażi tagħhom kien maħsub li tiġi rakkomandata l-imposizzjoni ta' dazju definittiv kontra d-dumping, il-produttur esportatur kkonċernat għamel pretensjoni għal aġġustament ta' ċerti spejjeż tar-rekklamar u aġġustament għall-ispejjeż ta' ċerti uffiċċji tar-rappreżentanti involuti f'xi bejgħ domestiku. Madankollu, ġie stabbilit li l-produttur esportatur kien diġà inkluda dawn l-ispejjeż fil-kwantifikazzjoni tal-livell ta' aġġustament tal-kummerċ li kien għamel pretensjoni fuqha aktar kmieni. Barra minn dan, il-livell ta' aġġustament tal-kummerċ li ngħata kien ikopri kull differenza fil-prezz bejn il-bejgħ minn kanali differenti minħabba funzjonijiet differenti, inkluż dawk li jikkonċernaw ir-rekklamar u l-uffiċċji tar-rappreżentanti tal-bejgħ. Għalhekk, u sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni meta jsiru l-aġġustamenti kif previst fl-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, ma kienx ikkonsidrat xieraq li jingħata aktar aġġustament għal dawn l-ispejjeż. Għalhekk, il-pretensjoni ma ntlaqgħetx.

2.1.4. Marġni tad-dumping

(30) Il-marġni definittiv irrappreżentat bħala persentaġġ tal-prezz cif fil-fruntiera Komunitarja dazju mhux imħallas huwa ta' 16,3 % għal PT. Golden Sari (Chemical Industry).

(31) Il-marġni tad-dumping residwali definittiv għll-Indoneżja kien stabbilit f'livell aktar għoli mill-marġni tad-dumping stabbilit għall-kumpanija li kkooperat peress li l-livell totali ta' kooperazzjoni fl-Indoneżja kien baxx. Sabiex jiġi stabbilit il-livell totali ta' nuqqas ta' kooperazzjoni, il-volum ta' l-esportazzjoni lill-Komunità rrapportat mill-produttur esportatur li kkoopera kien imqabbel ma' l-istatistika ta' l-importazzjoni ekwivalenti ta' l-Ewrostat. Dan wera livell ta' nuqqas ta' kooperazzjoni ta' madwar 40 % tal-volum totali ta' l-importazzjoni.

(32) Sabiex jiġi kkalkolat il-marġni ta' dumping residwali definittiv, u peress li l-kumpanija li kkooperat esportat tip ta' prodott wieħed biss, il-medja tal-prezz għall-importazzjoni fil-Komunità għall-Indoneżja, kif irrapportata fl-istatistika ta' l-Ewrostat, aġġustata għat-trasport ta' merkanzija bil-baħar u spejjeż ta' l-assigurazzjoni kienet imqabbla mal-valur normali, kif stabbilit għall-produttur esportatur li kkoopera, aġġustat għall-ispejjeż ta' trasport u l-ippakkjar. Il-marġni tad-dumping residwali definittiv huwa għalhekk stabbilit għal 18,1 %.

2.2. Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

(33) B'kollox, tliet produtturi esportaturi kkooperaw fl-investigazzjoni.

2.2.1. Trattament ta' l-Ekonomija fis-Suq (MET)

(34) Kif imniżżel fil-premessi 21 sa 25 tar-Regolament provviżorju, il-MET ingħata lit-tliet produtturi esportaturi kollha fil-PRC li applikaw għalih.

2.2.2. Valur normali għall-produtturi esportaturi li ngħataw il-MET

(35) Matul il-viżta ta' verifika lil Rainbow Rich Industrial Ltd., il-parent company ta' Golden Time Enterprise (Shenzhen) Co. Ltd., instab li l-produzzjoni u l-bejgħ taċ-ċiklamat tas-sodju matul l-IP ta' kumpanija produttriċi oħra relatata fil-PRC, San Lian Industrial, li qegħda f'Nanjing [4], la kienu rrapportati fit-tweġibiet tal-kwestjonarju u lanqas ma kienu sussegwentament irrapportati matul il-kors ta' l-investigazzjoni. Lanqas ma kien mitlub il-MET għal din il-kumpanija relatata. Għalhekk, l-informazzjoni dwar il-bejgħ domestiku u l-ispejjeż tal-produzzjoni ta' din il-kumpanija ma setgħetx tiġi verifikata matul il-verifika fil-post. Instab li dan il-bejgħ domestiku mhux irrapportat kien sinjifikanti, jiġ. madwar 45 % tal-bejgħ domestiku totali tal-kumpaniji relatati msemmija.

(36) Skond l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, jistgħu jsiru sejbiet provviżorji jew finali fuq il-bażi tal-fatti disponibbli meta parti interessata ma tippermettix aċċess għal, jew b'xi mod ieħor ma tipprovdix informazzjoni meħtieġa fil-limiti ta' ħin provduti fir-Regolament bażiku. Huwa nnotat li l-ispejjeż tal-produzzjoni u l-informazzjoni ta' bejgħ domestiku ta' San Lian Industrial hija informazzjoni meħtieġa sabiex jiġi stabbilit il-valur normali li għandu jiġi mqabbel mal-prezz għall-esportazzjoni stabbilit għal Golden Time Enterprise (Shenzhen) Co. Ltd. Peress li la l-MET ma ngħata lil San Lian Industrial, lanqas informazzjoni dwar il-bejgħ domestiku u l-prezz tal-produzzjoni tiegħu ma kienet provduta u verifikata matul l-investigazzjoni, id-determinazzjoni tal-valur normali għal Golden Time Enterprise (Shenzhen) Co. Ltd. għandu jkun bbażat fuq il-fatti disponibbli. Il-parti kkonċernata kienet għalhekk informata bil-konsegwenzi ta' dan in-nuqqas ta' kooperazzjoni parzjali u ngħatat l-opportunità li tikkumenta. Il-kummenti ikkonfermaw li San Lian Industrial immanifatturat u biegħet fis-suq domestiku matul l-IP ċiklamat tas-sodju għan-nom tal-parent company tagħha Rainbow Rich Industrial Ltd. u li d-dettalji qatt ma ġew irrapportati. Għalhekk, il-konklużjoni li l-valur normali għandu jkun stabbilit fuq il-bażi tal-fatti disponibbli hija hawnhekk ikkonfermata.

(37) Peress li l-valur normali għal Golden Time Enterprise (Shenzhen) Co. Ltd. normalment kien jinkludi l-bejgħ domestiku kollu tal-kumpaniji relatati u kumpanija waħda relatata hija kkonsidrata li ma kkooperatx u l-MET ma ngħatalhiex, pajjiż analogu intgħażel bħala l-aħjar fatti disponibbli biex jiġi stabbilit il-valur normali. F'dan ir-rispett, huwa nnotat li wara l-imposizzjoni ta' miżuri provviżorji l-ebda kummenti ma kienu riċevuti dwar l-għażla ta' l-Indoneżja bħala pajjiż analogu kif imniżżel fil-premessa 28 tar-Regolament provviżorju. Għalhekk, il-prezzijiet fl-Indoneżja kienu kkonsidrati sostituzzjonijiet raġjonevoli għall-prezzijiet fil-PRC. Il-medja tal-prezzijiet domestiċi tal-produttur esportatur Indoneżjan li kkoopera, kif verifikat matul il-viżta ta' verifika fil-post, għalhekk intużat biex jiġi stabbilit il-valur normali għall-produttur esportatur Ċiniż Golden Time Enterprise (Shenzhen) Co. Ltd.

(38) Wara l-isvelar tal-fatti u l-konsiderazzjonijiet essenzali li fuq il-bażi tagħhom kien maħsub li tiġi rakkomandata l-imposizzjoni ta' dazju definittiv kontra d-dumping, il-produttur esportatur Indoneżjan li kkoopera u l-Gvern Indoneżjan sostnew li l-valur normali għal Golden Time Enterprise (Shenzhen) Co. Ltd. u għal kull produttur esportatur Ċiniż ieħor li ma kkooperax (ara l-premessa 49) m'għandux ikun ibbażat fuq data mill-uniku produttur esportatur Indoneżjan li kkoopera, imma fuq data mill-ilment. Komplew isostnu li kienet tkun diskriminatorja li tintuża d-data tal-produttur esportatur Indoneżjan li kkoopera biex jiġi kkalkolat il-valur normali għall-produtturi esportaturi Ċiniżi li ma kkooperawx, peress li l-marġni tad-dumping stabbilit għal produttur esportatur Ċiniż wieħed, li kkoopera b'mod parzjali matul l-investigazzjoni, instab li kien aktar baxx minn dak għall-produttur esportatur Indoneżjan li kkoopera. L-ewwelnett, huwa nnotat li l-marġni tad-dumping huwa r-riżultat tal-paragun ta' valur normali ma' prezz għall-esportazzjoni. Għalhekk, il-livell tal-marġni tad-dumping jiddependi fuq żewġ parametri (valur normali u prezz għall-esportazzjoni) u ma jistgħux jinġibdu konkluzjonijiet, inkluż id-diskriminazzjoni msemmija hawn fuq, bit-tqabbil ta' wieħed biss minn dawn il-parametri, jiġ. il-valur normali. Barra minn dan, skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 18(5) tar-Regolament bażiku, jekk id-determinazzjonijiet, inkluż dawk dwar il-valur normali, huma bbażati fuq il-fatti disponibbli, kull fatti bħal dawn, inkluż l-informazzjoni provduta fl-ilment, għandhom ikunu ikkontrollati b'referenza għall-istatistika uffiċjali ta' l-importazzjoni jew għall-informazzjoni miksuba minn partijiet oħra interessati matul l-investigazzjoni. Għalhekk, peress li kienet irreġistrata informazzjoni verifikata dwar il-valur normali miksub mill-uniku produttur esportatur Indoneżjan li kkoopera, ma kienx ikkunsidrat xieraq li ma jingħatax każ ta' din l-informazzjoni u li minflok tintuża bħala fatti l-informazzjoni disponibbli provduta fl-ilment.

(39) Rigward il-produttur esportatur Fang Da Food Additives li qiegħed kemm f Shenzhen u f'Yang Quan, meta ġie eżaminat jekk il-bejgħ domestiku sarx waqt il-kors normali ta' operazzjonijiet kummerċjali skond l-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku, l-ispejjeż ta' bejgħ, ġenerali u amministrattivi kif irraportati minn Fang Da Food Additives u l-kumpaniji relatati tagħha għall-bejgħ domestiku tagħhom kienu aġġustati sabiex jittieħed kont ta' spejjeż li ġew irreġistrati fil-kontijiet tal-kumpanija relatata, Zhong Hua Fang Da Ltd. fil-Hong Kong. Il-verifika kkonfermat li dawn l-ispejjeż kienu magħqudin mill-viċin ma' l-operazzjonijiet fis-suq domestiku u mhux ma' l-attivitajiet ta' l-esportazzjoni kif kien affermat fil-bidu mill-kumpanija.

(40) L-istħarriġ ta' jekk il-bejgħ domestiku sarx matul il-kors normali ta' operazzjonijiet kummerċjali imbagħad sar billi ġie stabbilit il-proporzjon ta' bejgħ domestiku lil klijenti indipendenti, ta' kull wieħed miż-żewġ tipi rappreżentattivi, li ma inbigħx b'telf fis-suq domestiku matul l-IP.

(41) Għal dawk it-tipi ta' prodott fejn aktar minn 80 %, bil-volum, tal-bejgħ ma sarx b'telf fis-suq domestiku, u l-medja peżata tal-prezz tal-bejgħ kien daqs jew aktar mill-medja peżata tal-prezz tal-produzzjoni, il-valur normali, skond it-tip ta' prodott, kien ikkalkolat bħala l-medja peżata tal-prezzjijiet kollha tal-bejgħ domestiku, imħallsa jew li għandhom jitħallsu mill-klijenti indipendenti, tat-tip imsemmi.

(42) Gaħl dawk it-tipi ta' prodott fejn mill-inqas 10 %, imma mhux aktar minn 80 %, bil-volum, ta' bejgħ fis-suq domestiku ma kienx taħt il-prezz ta' unità, il-valur normali, skond it-tip ta' prodott, kien ikkalkolat bħala l-medja peżata tal-prezzijiet tal-bejgħ domestiku li sar bi prezzijiet daqs jew ogħla mill-prezz ta' unità, tat-tip imsemmi.

2.2.3. Prezzijiet għall-produtturi esportaturi li ngħataw il-MET

(43) Il-bejgħ kollu għall-esportazzjoni lill-Komunità mill-produtturi esportaturi kollha fil-PRC li kkooperaw sar lill-klijenti indipendenti fil-Komunità vija kumpaniji relatati fil-Hong Kong. L-investigazzjoni stabbiliet li fil-każijiet kollha l-funzjonijiet konnessi mal-bejgħ għall-esportazzjoni tal-produtturi esportaturi fil-PRC saru mill-kumpaniji relatati tagħhom fil-Hong Kong. Għalhekk, il-prezz għall-esportazzjoni ġie stabbilit skond l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku b'referenza għall-prezzijiet attwalment imħallsa jew li għandhom jitħallsu lill-kumpaniji relatati fil-Hong Kong.

2.2.4. Paragun għall-produtturi esportaturi li ngħataw il-MET

(44) Sabiex jiġi żgurat paragun imparzjali, ingħataw konċessjonijiet għad-differenzi fl-ispejjeż tat-trasport, assigurazzjoni, tqandil, tgħabbija u spejjeż anċillari, kreditu, ippakkjar, skonti u piżijiet bankarji fejn applikabbli u ġġustifikati.

(45) peress li għall-produtturi esportaturi kollha fil-PRC li kkooperaw il-bejgħ lill-Kommunità sar vija kumpaniji relatati fil-Hong Kong, il-prezzijiet għall-esportazzjoni ġew aġġustati kif indikat fil-premessa 44 sabiex jinġabu fil-livell ta' kif joħorġu mill-fabbrika fil-PRC.

(46) Il-produtturi esportaturi li kkooperaw u l-kumpaniji relatati tagħhom tal-bejgħ domestiku għamlu pretensjoni għal aġġustament fil-prezzijiet tal-bejgħ domestiku (valur normali) għall-ispejjeż ta' kreditu. Il-pretensjoni ma ntlaqgħetx għax il-kumpaniji ma setgħux juru prova bil-miktub tal-kondizzjonijiet mifthema għall-ħlas fil-jum tal-bejgħ, jiġ. fil-fatturi tal-bejgħ domestiku tagħhom jew f'korrespondenza oħra.

2.2.5. Marġni tad-dumping għall-produtturi esportaturi li ngħataw il-MET

(47) Il-paragun tal-valur normali u l-prezz għall-esportazzjoni kif indikat fil-premessa 19 ma wera l-ebda dumping għaż-żewġ kumpaniji ta' Fang Da Food Additive li qegħdin f'Shenzhen u f'Yang Quan. L-investigazzjoni għandha għalhekk tintemm għal dawn il-kumpaniji mingħajr l-imposizzjoni ta' miżuri.

(48) Kif imfisser fil-premessa 37, il-valur normali għal Golden Time Enterprise (Shenzhen) Co. Ltd. ġie stabbilit bl-użu ta' prezzijiet f'pajjiż analogu, l-Indoneżja. Il-paragun tal-valur normali u tal-prezz għall-esportazzjoni kif indikat fil-premessa 19 wera marġni tad-dumping ta' 6,9 %.

2.2.6. Marġni tad-dumping għall-produtturi esportaturi mingħajr il-MET

(49) Kif imniżżel fil-premessa 34 tar-Regolament provviżorju, kien hemm nuqqas ta' kooperazzjoni sinjifikattiva mill-PRC (madwar 47 % ta' l-importazzjoni totali kif irrapportata fl-Ewrostat). Wara l-imposizzjoni ta' miżuri provviżorji l-ebda kummenti ma kienu riċevuti dwar din is-sejba. Barra minn dan, peress li l-PRC hija ekonomija fi transizzjoni, il-prezzjijiet ta' pajjiż analogu intużaw biex jiġi stabbilit valur normali għall-kalkolu tal-marġni tad-dumping għall-pajjiż kollu. Għar-raġunijiet imniżżla fil-premessa 37, l-Indoneżja intużat bħala pajjiż analogu xieraq għal dan l-iskop.

(50) Il-marġni tad-dumping definittiv għall-pajjiż kollu applikabbli għall-kumpaniji kollha mingħajr il-MET fil-PRC kien stabbilit għal 17,6 %, li jikkorrispondi għad-differenza bejn il-prezz għall-esportazzjoni kkalkolat fuq il-bażi tal-fatti disponibbli, jiġ. il-medja tal-prezz għall-importazzjoni fil-Komunità, kif irrapportata fl-istatistiċi ta'l-Ewrostat aġġustata għat-trasport ta' merkanzija bil-baħar u spejjeż ta' l-assigurazzjoni, u l-valur normali kif stabbilit għall-Indoneżja fil-premessa 32.

(51) Il-marġnijiet tad-dumping definittivi għall-PRC irrappreżentati bħala persentaġġ tal-prezz cif fil-fruntiera Komunitarja dazju mhux imħallas huma mniżżla fil-qosor kif ġej:

Produtturi esportaturi fil-PRC | (%) |

Fang Da Food Additive (Shen Zhen) Limited | 0 % |

Fang Da Food Additive (Yang Quan) Limited. | 0 % |

Golden Time Enterprise (Shenzhen) Co. Ltd. | 6,9 % |

Il-kumpaniji l-oħra kollha | 17,6 % |

E. INDUSTRIJA KOMUNITARJA

(52) L-ebda kummenti ma kienu riċevuti wara l-imposizzjoni tal-miżuri provviżorji dwar il-komposizzjoni ta' l-industrija Komunitarja. Għalhekk, is-sejbiet kif imniżżla fil-premessa 37 tar-Regolament provviżorju huma hawnhekk ikkonfermati.

F. ĦSARA

(53) Wara l-imposizzjoni tal-miżuri provviżorji, ma kienu riċevuti l-ebda kummenti dwar l-analiżi tal-konsum Komunitarju u, għalhekk, is-sejbiet imniżżla fil-premessi 38 u 39 tar-Regolament provviżorju huma hawnhekk ikkonfermati.

(54) L-ebda kummenti ma kienu wkoll riċevuti wara l-imposizzjoni tal-miżuri provviżorji dwar l-istima kumulattiva ta' l-effetti ta' l-importazzjoni kkonċernata. Barra minn dan, it-tibdil fil-marġnijiet tad-dumping definittivi ma jaffettwawx is-sejbiet imniżżla fil-premessi 40 sa 44 tar-Regolament provviżorju. Madankollu, wara l-isvelar tal-fatti u l-konsiderazzjonijiet essenzali li fuq il-bażi tagħhom kien intenzjonat li tiġi rakkomandata l-imposizzjoni ta' dazju definittiv kontra d-dumping, il-Gvern Indoneżjan afferma li ma kien hemm l-ebda ġustifikazzjoni għall-akkumulazzjoni ta' esportazzjoni mill-Indoneżja ma' dawk mill-PRC, għaliex l-esportazzjoni Indoneżjana naqset b'mod sostanzjali matul l-IP waqt li l-importazzjoni Ċiniża żdiedet b'mod sostanzjali. F'dan ir-rispett, l-investigazzjoni stabbiliet li, għalkemm l-importazzjoni li kienet l-oġġett ta' dumping mill-Indoneżja naqset ftit bejn l-2001 u l-IP, in ġenerali żdiedet matul il-perjodu kkonsidrat. Il-fatt li l-importazzjoni Ċiniża li kienet l-oġġett ta' dumping żdiedet aktar malajr mill-importazzjoni Indoneżjana li kienet l-oġġett ta' dumping matul il-perjodu kkonsidrat ma jiġġustifikax l-istima mhux kumulattiva ta' l-effetti ta' l-importazzjoni li kienet l-oġġett ta' dumping miż-żewġ pajjiżi li qed jiġu investigati skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 3(4) tar-Regolament bażiku. Għalhekk, peress li l-ebda kumment ieħor ma tressaq dwar is-sejbiet kif imniżżla fil-premessi 40 sa 44 tar-Regolament provviżorju, il-pretensjoni ma ntlaqgħetx u dawn is-sejbiet huma hawnhekk ikkonfermati.

(55) Madankollu, peress li ma nstab l-ebda dumping għal żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi relatati (ara l-premessa 47), il-volum u s-sehem fis-suq ta' l-importazzjoni li kienet l-oġġett ta' dumping ġew assessjati mill-ġdid. Tassew, importazzjoni li ma kinitx l-oġġett ta' dumping tnaqqset mill-importazzjoni kif stabbilit fil-premessi 45 u 46 tar-Regolament provviżorju. L-evoluzzjoni tal-volum ta' l-importazzjoni li kienet l-oġġett ta' dumping mill-PRC u l-Indoneżja u s-sehem tagħhom fis-suq matul il-perjodu kkonsidrat huma għalhekk kif ġej:

Importazzjoni totali li kienet l-oġġett ta' dumping (tunnellata metrika) | 1999 | 2000 | 2001 | IP |

Indiċi | 100 | 65 | 147 | 315 |

Sehem fis-suq ta' importazzjoni li kienet l-oġġett ta' dumping | 1999 | 2000 | 2001 | IP |

Indiċi | 100 | 62 | 125 | 210 |

(56) L-importazzjoni li kienet l-oġġett ta' dumping żdiedet matul il-perjodu kkonsidrat b'215 %. Żjieda aktar għolja ġiet innotata wara s-sena 2000. Bejn l-2001 u l-IP l-importazzjoni li kienet l-oġġett ta' dumping żdiedet b'114 %.

(57) Is-sehem fis-suq ta' l-importazzjoni li kienet l-oġġett ta' dumping żdied ukoll matul il-perjodu kkunsidrat b'110 %. Ukoll, iż-żjieda kienet aktar għolja wara s-sena 2000. Żjieda ta' 68 % kienet innotata bejn l-2001 u l-IP. Għandu jkun innotat li li s-sehem fis-suq ta' l-importazzjoni li kienet l-oġġett ta' dumping matul l-IP kienet sostanzjali ħafna. Għal raġunijiet ta' konfidenzalità l-figuri preċiżi, madankollu, ma jistgħux jingħataw.

(58) Peress li l-prezzijiet għall-esportazzjoni kif irrapportati mill-produtturi esportaturi kienu in ġenerali skond il-prezzijiet għall-importazzjoni ta' l-Ewrostat u l-ebda kumment ma kien riċevut wara l-imposizzjoni tal-miżuri provviżorji, is-sejbiet kif imniżżla fil-premessa 47 tar-Regolament provviżorju huma hawnhekk ikkonfermati.

(59) Għad-determinazzjoni tal-bejgħ taħt il-prezz matul l-IP intużat il-metodoloġija mniżżla fil-premessa 48 tar-Regolament provviżorju. Madankollu, il-medja tal-prezz għall-importazzjoni tal-produttur esportatur Indoneżjan li kkoopera issa intużat fil-kalkolu. Għall-produtturi esportaturi fil-PRC u fl-Indoneżja li ma kkooperawx il-bejgħ taħt il-prezz kien ikkalkolat bl-użu ta' prezzijiet għall-importazzjoni ta' l-Ewrostat għal dawn il-pajjiżi. Dawn il-prezzijiet kienu fil-livell cif u sar aġġustament xieraq biex jiġi inkluż kull dazju doganali li normalment jitħallas ma' l-importazzjoni.

(60) Fuq dik il-bażi, l-eżistenza tal-bejgħ taħt il-prezz kien stabbilit għall-importazzjoni li kienet l-oġġett ta' dumping mill-PRC u l-Indoneżja. Il-livell ta' bejgħ taħt il-prezz, irrappreżentat bħala persentaġġ tal-medja tal-prezz tal-bejgħ ta' l-industrija Komunitarja varja minn 11 % sa 15 % għall-PRC u instab li kien bejn wieħed u ieħor 20 % għall-Indoneżja.

(61) Wara l-imposizzjoni tal-miżuri provviżorji ma kienu riċevuti l-ebda kummenti bil-miktub dwar is-sitwazzjoni ta' l-industrija Komunitarja u l-konklużjoni dwar il-ħsara. Madankollu, waqt seduta produttur esportatur Ċiniż sostna li l-industrija Komunitarja ma soffrietx ħsara materjali għaliex matul il-perjodu kkonsidrat il-produzzjoni u l-prezzijiet tagħha baqgħu relattivament stabbli u l-bejgħ tagħha fil-Komunità u l-impjieg żdiedu.

(62) Huwa nnotat li dan il-produttur esportatur ma pprovda l-ebda prova li tindika li s-sejbiet relevanti kif imniżżla fir-Regolament provviżorju ma kinux preċiżi. Skond dawn is-sejbiet verifikati, il-produzzjoni u l-prezzijiet fl-industrija Komunitarja naqsu matul l-perjodu kkonsidrat b'10 % u 3 % rispettivament. Barra minn hekk, dan għandu jitqiegħed fil-kuntest ta' l-iżvilupp fil-konsum. Tassew, matul l-istess perjodu, minkejja li l-konsum ta' l-industrija Komunitarja żdied b'50 %, il-bejgħ fl-industrija Komunitarja żdied b'1 % biss. Għalhekk, huwa ċar li l-industrija Komunitarja ma setgħetx tibbenefika mis-suq li kien qed jespandi, u għall-kuntrarju tilfet sehem mis-suq. Rigward l-impieg, huwa nnotat li dan żdied b'7 % bejn l-1999 u l-2000, imma imbagħad baqa' stabbli sa u matul l-IP. Konsegwentement, ma kien hemm l-ebda żjieda fin-numru ta' impjegati li setgħu jaffettwaw is-sitwazzjoni ta' l-industrija Komunitarja matul l-IP. Barra minn dan, l-ispiża ta' l-impjieg għal kull impjegat in ġenerali żdiedet skond l-inflazzjoni matul il-perjodu kkonsidrat. Ġħalhekk, ġie konkluż li dawn l-argumenti ma jurux li l-industrija Komunitarja ma soffrietx ħsara materjali matul l-IP.

(63) Għal din ir-raġuni, is-sejbiet imniżżla fil-premessi 50 sa 69 tar-Regolament provviżorju li l-industrija Komunitarja soffriet ħsara materjali fil-biċċa l-kbira fil-forma ta' telf finanzjarju huma hawnhekk ikkonfermati.

Ġ. KAWŻAR TA' ĦSARA

(64) Skond l-Artikolu 3(6) u (7) tar-Regolament bażiku, ġie mistħarreġ jekk l-importazzjoni li kienet l-oġġett ta' dumping taċ-ċiklamat tas-sodju li joriġina fil-PRC u fl-Indoneżja ikkaġunatx ħsara lill-industrija Komunitarja f'livell li jagħmilha possibbli li tiġi kklassifikata bħala materjali. Fatturi magħrufin oħra għajr l-importazzjoni li kienet l-oġġett ta' dumping, li setgħu fl-istess ħin ikunu qed jagħmlu ħsara lill-industrija Komunitarja, kienu mistħarrġa wkoll biex jiġi żgurat li ħsara possibbli kkaġunata minn dawn il-fatturi l-oħra ma kinux attribwiti għall-importazzjoni li kienet l-oġġett ta' dumping.

(65) L-ebda kummenti bil-miktub ma kien riċevuti wara l-imposizzjoni tal-miżuri provviżorji. Madankollu, waqt seduta produttur esportatur Ċiniż sostna li l-importazzjoni mill-PRC mhijiex il-kawża ta' ħsara, għax l-industrija Komunitarja kienet tgawdi sitwazzjoni ta' kważi monopolju qabel ma kien jiġi esportat iċ-ċiklamat tas-sodju mill-PRC u l-Indoneżja, il-prezzijiet mill-PRC żdiedu matul il-perjodu kkonsidrat, il-bejgħ ta' l-industrija Komunitarja ma naqasx matul l-istess perjodu u l-industrija Komunitarja żammet is-sehem dominanti tagħha fis-suq.

(66) Dawn l-argumenti mhumiex ibbażati fuq il-fatti. L-investigazzjoni wriet li fil-bidu tal-perjodu kkonsidrat, jiġ. 1999, l-importazzjoni fil-Komunità kellha sehem fis-suq ta' aktar minn 35 %. Għalhekk, l-industrija Komunitarja ma kinitx qed tgawdi sitwazzjoni ta' kważi monopolju. Barra minn dan, kif imniżżel fil-premessa 47 tar-Regolament provviżorju, il-prezzijiet ta' l-importazzjoni li kienet l-oġġett ta' dumping naqsu bi 8 % matul il-perjodu kkonsidrat. Rigward l-evoluzzjoni tal-bejgħ ta' l-industrija Komunitarja, il-premessa 62 fissret li dawn żdiedu b'1 % biss matul perjodu meta l-konsum żdied b'50 %. Kif imniżżel fil-premessi 55 u 56 t'hawn fuq, l-importazzjoni li kienet l-oġġett ta' dumping żdiedet matul l-istess perjodu b'215 %. Fl-aħħar, is-seħem fis-suq ta' l-importazzjoni li kienet l-oġġett ta' dumping matul l-IP instab li kien aktar għoli mis-sehem fis-suq ta' l-industrija Komunitarja. Konsegwentement, l-argumenti ma jistgħux jintlaqgħu u l-konklużjonijiet imniżżla fil-premessi 71 u 72 tar-Regolament provviżorju huma hawnhekk ikkonfermati.

(67) L-istess produttur esportatur kompla jsostni li l-ħsara kienet ikkaġunata minn fatturi oħra, jiġ. l-industrija Komunitarja ma kinitx ippreparata biżżejjed biex tikkompeti fis-swieq domestiċi u barranin tagħha, il-profittabilità tagħha kienet affettwata mid-deċiżjonijiet kummerċjali proprji tagħha fuq investimenti sabiex iżżomm faċilitajiet ta' l-aktar stat avvanzat u biex tħares l-ambjent legali tagħha (regolamenti ambjentali stretti), l-industrija Komunitarja hija preżenti biss f'segment għoli tas-suq li tikkompeti indirettament biss mas-segment baxx li tinqeda b'importazzjoni mill-PRC u ċerti produtturi Ċiniżi jgawdu vantaġġi komparattivi li jgħinuhom ikunu aktar kompettitivi mill-industrija Komunitarja.

(68) Huwa nnotat li ma ġiet provduta l-ebda prova biex issostni l-argument li l-industrija Komunitarja ma kinitx ippreparata li tikkompeti fis-swieq domestiċi u barranin tagħha. Barra minn dan, l-investigazzjoni ma kixfet l-ebda raġuni bħal din. Il-premessa 73 tar-Regolament provviżorju niżżlet ir-raġunijiet għala r-riżultati ta' l-esportazzjoni ta' l-industrija Komunitarja ma setgħux jikkontribwixxu b'mod sinjifikattiv għall-ħsara li soffriet. Għall-kuntrarju, il-bejgħ taħt il-prezz sinjifikattiv mill-importazzjoni li kienet l-oġġett ta' dumping (ara l-premessa 60) juri b'mod ċar li l-importazzjoni li qed tiġi investigata kienet il-kawża prinċipali ta' ħsara lill-industrija Komunitarja u, għalhekk, il-pretensjoni ma tistax tintlaqa'.

(69) Rigward l-investimenti, huwa nnotat li l-industrija Komunitarja investiet meta l-profittabilità tagħha kienet posittiva. Matul l-IP, meta kellha telf, l-investimenti niżlu severament bi 13–il darba meta mqabbla mas-sena ta' qabel fejn kien hemm profitti (ara l-premessa 57 tar-Regolament provviżorju). Għalhekk m'hemm l-ebda indikazzjoni li l-investimenti, inkluż dawk għal skopijiet ambjentali, taw kontribut għall-ħsara li soffriet matul l-IP u l-pretensjoni ma ntlaqgħetx.

(70) Rigward in-nuqqas ta' kompetizzjoni diretta ta' l-industrija Komunitarja ma' importazzjoni mill-PRC, l-investigazzjoni stabbiliet li ż-żewġ forom taċ-ċiklamat tas-sodju kienu esportati mill-PRC għall-Kommunità u li ż-żewġ forom kienu mmanifatturati u mibjugħa fis-suq Komunitarju mill-industrija Komunitarja matul l-IP. Għalhekk, kompetizzjoni diretta kienet teżisti. Barra minn dan, peress li ż-żewġ forom huma xi ftit jew wisq sostitwibbli, kienet teżisti wkoll kompetizzjoni indiretta. Konsegwentement, il-pretensjoni ma tistax tintlaqa'.

(71) Safejn l-allegazzjoni li ċerti produtturi esportaturi Ċiniżi gawdew vantaġġi komparattivi li ppermettewlhom li jkunu aktar kompetittivi mill-industrija Komunitarja, huwa nnotat li ma ġew provduti l-ebda dettalji ta' dawn l-allegati l-vantaġġi. Huwa wkoll ikkunsidrat li l-produttur esportatur ikkonċernat jista' jibbenefika minn kull vantaġġi komparattivi li jista' jkun qed igawdi minnhom sakemm ma japplikax prezzijiet ta' dumping għall-prodott ikkonċernat fit-tifsira tar-Regolament bażiku.

(72) L-investigazzjoni stabbiliet ukoll li l-importazzjoni li ma kinitx l-oġġett ta' dumping mill-PRC ma kinitx qed tinbigħ taħt il-prezzijiet ta' l-industrija Komunitarja matul l-IP u, għalhekk, ma setgħetx tikkontribwixxi b'mod sinjifikattiv għall-ħsara li soffriet l-industrija Komunitarja.

(73) Konsegwentement, is-sejbiet u l-konklużjonijiet imniżżla fil-premessi 73 sa 77 tar-Regolament provviżorju li l-ħsara materjali li soffriet l-industrija Komunitarja kienet ikkaġunata fil-biċċa l-kbira minn importazzjoni li kienet l-oġġett ta' dumping huma hawnhekk ikkonfermati.

G. INTERESS TAL-KOMUNITÀ

1. RIMARKI ĠENERALI

(74) L-ebda kummenti ma kienu riċevuti wara l-imposizzjoni tal-miżuri provviżorji dwar is-sejbiet fuq l-interess tal-Komunità. Madankollu, ftit qabel l-imposizzjoni tal-miżuri provviżorji fornitur ta' materja prima u żewġ importaturi bagħtu ittri fejn affermaw li ma kienx ikun fl-interess tal-Komunità li jiġu imposti miżuri kontra l-produttur esportatur Indoneżjan li kkoopera. Il-Kummissjoni reġgħet stħarrġet jekk, minkejja l-konklużjoni finali dwar l-eżistenza ta' ħsara ikkaġunata mid-dumping, kienx hemm raġunijiet konvinċenti li setgħu jwasslu għall-konklużjoni li mhux fl-interess Komunitarju li jadotta miżuri f'dan il-każ partikolari. Għal dan il-għan, u skond l-Artikolu 21(1) tar-Regolament bażiku, ġew ikkunsidrati fuq il-bażi tal-prova kollha mogħtija l-impatt tal-miżuri li setgħu jittieħdu fuq il-partijiet kollha involuti f'din l-azzjoni kif ukoll il-konsegwenzi tad-deċiżjoni li ma jittieħdux dawn il-miżuri.

2. INTERESSI TAL-FORNITURI KOMUNITARJI

(75) Il-fornitur li wera lili nnifsu ftit qabel l-imposizzjoni tal-miżuri provviżorji, jiġ. fornitur ieħor għajr dawk imsemmija fil-premessi 83 u 84 tar-Regolament provviżorju, allega li fil-biċċa l-kbira qed ibigħ ċikloeżilammina (il-materja prima bażika użata għall-produzzjoni taċ-ċiklamat tas-sodju) lil-Lvant Imbiegħed u b'mod partikolari lill-Indoneżja. Afferma wkoll li peress li l-uniku produttur esportatur Indoneżjan li kkoopera huwa l-klijent prinċipali tiegħu, hemm ir-riskju li jitlef volum sinjifikanti ta' bejgħ jekk ikun impost dazju kontra d-dumping. Dan ikollu wkoll xi riperkussjonijiet fuq partijiet oħra li huma aktar ‘l isfel fil katina tal-provvisti.

(76) Huwa nnotat li ħlief għal ittra qasira li kienet mogħtija sew barra l-limiti ta' żmien stabbilit għal dak l-iskop fl-avviz ta' l-introduzzjoni, il-fornitur imsemmi ma pprovda l-ebda prova attwali li setgħet tissostanzja l-pretensjonijiet tiegħu kif previsti fl-Artikolu 21(7) tar-Regolament bażiku. L-ebda kummenti oħra ma ngħataw wara l-imposizzjoni tal-miżuri provviżorji u l-isvelar tal-fatti u l-konsiderazzjonijiet essenzali li fuq il-bażi tagħhom kien maħsub li tiġi rakkomandata l-imposizzjoni ta' dazju definittiv kontra d-dumping. Barra minn dan, instab li dan il-fornitur kien qed jipprovdi ċ-ċikloeżilammina lill-industrija Komunitarja wkoll. Huwa għalhekk konkluż li l-imposizzjoni ta' miżuri definittivi ma setgħetx ikollha effett negattiv sinjifikattiv fuq il-kummerċ tiegħu.

(77) L-ebda kummenti oħra dwar l-interess tal-fornituri ma ġew riċevuti u, għalhekk, il-konklużjonijiet imniżżla fil-premessi 83 u 84 tar-Regolament provviżorju huma hawnhekk ikkonfermati.

3. INTERESS TA' L-IMPORTATURI

(78) Iż-żewġ importaturi li wrew lilhom infushom ftit qabel l-imposizzjoni tal-miżuri provviżorji, allegaw li l-imposizzjoni ta' dazju kontra d-dumping fuq l-Indoneżja mhix ġustifikata peress li l-fornitur tagħhom, l-uniku produttur esportatur Indoneżjan li kkoopera, wera impenn qawwi li "iżomm l-prezzijiet f'livell li hu ġġustifikat ekonomikament". Barra minn dan, huma affermaw li l-"prezzijiet tal-produttur Indoneżjan dejjem kienu ogħla minn tal-produttur Ċiniż, bir-riżultat li l-prezzijiet fis-suq kienu raġjonevoli għall-konsumatur".

(79) Madankollu, dawn l-importaturi ma wrewx lilhom infushom u ma pprovdewx l-informazzjoni meħtieġa fil-limiti taż-żmien stabbiliti għal dak l-iskop fl-avviż ta' l-introduzzjoni. Il-pretensjonijiet tagħhom ma kinux appoġġjati minn xi prova attwali li setgħet tissostanzjhom. Barra minn dan, ma kienet irreġistrata l-ebda informazzjoni relevanti li setgħet tappoġġja dawn l-allegazzjonijiet. Għall-kuntrarju, l-investigazzjoni stabbiliet li l-prezzijiet tal-produttur esportatur Indoneżjan imsemmi kienu aktar baxxi mill-prezzijiet Ċiniżi (ara l-premessa 60). Għalhekk, peress li s-sottomissjonijiet ma kinux appoġġjati bi prova attwali, mhux ser jittieħed kont tagħhom skond l-Artikolu 21(7) tar-Regolament bażiku.

(80) L-ebda kummenti ssostanzjati oħra dwar l-interess ta' l-importaturi ma ġew riċevuti u, konsegwentement, il-konklużjonijiet imniżżla fil-premessi 85 sa 87 tar-Regolament provviżorju huma hawnhekk ikkonfermati.

4. INTERESS TA' L-UTENTI

(81) L-ebda kummenti dwar l-interess ta' l-utenti ma ġew riċevuti wara l-imposizzjoni tal-miżuri provviżorji u, għalhekk, il-konklużjonijiet imniżżla fil-premessi 88 sa 92 tar-Regolament provviżorju huma hawnhekk ikkonfermati.

5. INTERESS TA' L-INDUSTRIJA KOMUNITARJA

(82) L-ebda kummenti dwar l-interess ta' l-industrija Komunitarja ma ġew riċevuti wara l-imposizzjoni tal-miżuri provviżorji u, għalhekk, il-konklużjonijiet imniżżla fil-premessi 93 sa 95 tar-Regolament provviżorju huma hawnhekk ikkonfermati.

6. KOMPETIZZJONI U EFFETTI TA' TAGĦWIĠ FUQ IL-KUMMERĊ

(83) L-ebda kummenti bil-miktub dwar l-effetti ta' tagħwiġ fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ ma ġew riċevuti wara l-imposizzjoni tal-miżuri provviżorji. Madankollu, għalkemm skond l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku l-produtturi esportaturi m'humiex ikkonsidrati bħala partijiet interessati fil-qafas ta' l-analiżi ta' l-interess Komunitarju, waqt seduta produttur esportatur Ċiniż sostna li l-interess Komunitarju ma jiġġustifikax li jittieħdu miżuri għaliex l-imposizzjoni ta' miżuri provviżorji rristrinġiet in-numru ta' operaturi/esportaturi fis-suq Komunitarju mingħajr ma naqqset il-provvista mill-pajjiżi kkonċernati, l-industrija Komunitarja ma tistax tissodisfa d-domanda tas-suq u l-imposizzjoni ta' miżuri definittivi tirrinforza l-pożizzjoni dominanti ta' l-industrija Komunitarja.

(84) Huwa nnotat li l-għan tal-miżuri kontra d-dumping mhuwiex li jelimina esportaturi mis-suq Komunitarju, imma li jerġa' jġib kondizzjonijiet ta' kummerċ imparzjali. Il-fatt li l-produzzjoni ta' l-industrija Komunitarja ma tistax tlaħħaq, fil-preżent, mad-domanda Komunitarja mhijiex raġuni biex jitħallew prattiċċi kummerċjali inġusti. Huwa nnotat ukoll li l-industrija Komunitarja m'għandhiex pożizzjoni dominanti peress li s-sehem tagħha fis-suq kien inqas minn 50 % matul l-IP. Barra minn dan, waqt li huwa veru li l-uniċi pajjiżi barra mill-Komunità li jipproduċu ċ-ċiklamat tas-sodju huma l-Indoneżja u l-PRC, hemm ukoll produtturi importanti tal-PRC li ma nstabux li jipprattikaw id-dumping u li għalhekk jistgħu jfornu lis-suq Komunitarju bħal qabel. Għalhekk, l-argumenti ma jistgħux jintlaqgħu u l-konklużjonijiet imniżżla fil-premessi 96 sa 99 tar-Regolament provviżorju huma hawnhekk ikkonfermati.

7. KONKLUŻJONI DWAR L-INTERESS KOMUNITARJU

(85) Fuq il-bażi ta' l-analiżi t'hawn fuq, huwa konkluż li l-imposizzjoni ta' miżuri definittivi kontra d-dumping ma kinitx ser tkun kontra l-interess tal-Komunità.

H. MIŻURI DEFINITTIVI KONTRA D-DUMPING

1. LIVELL TA' ELIMINAZZJONI TAL-ĦSARA

(86) Fuq il-bażi tal-metodoloġija mfissra fil-premessi 101 sa 104 tar-Regolament provviżorju, kien ikkalkolat livell ta' eliminazzjoni ta' ħsara sabiex jiġi stabbilit il-livell tal-miżuri li għandhom jiġu imposti b'mod definittiv. Peress li l-ebda kummenti ma ġew riċevuti dwar il-metodolġija użata biex jiġi stabbilit il-livell ta' eliminazzjoni ta' ħsara, din il-metodoloġija hija hawnhekk ikkonfermata. Madankollu, il-medja tal-prezzijiet għall-importazzjoni użati ġew riveduti għall-kalkolazzjoni finali tal-bejgħ taħt il-prezz fil-premessa 59.

2. MIŻURI DEFINITTIVI

(87) Peress li l-livelli ta' eliminazzjoni ta' ħsara huma ogħla mill-marġnijiet tad-dumping stabbiliti għall-partijiet kollha kkonċernati, il-miżuri definittivi għandhom ikunu bbażati fuq dawn ta' l-aħħar.

(88) Huwa nnotat li l-informazzjoni rreġistrata tindika li wieħed mill-produtturi esportaturi li kkoopera jista' jkun li għandu l-ħsieb li jbaxxi l-prezzijiet sabiex jassorbixxi d-dazju. L-attenzjoni hija miġbuda lejn l-Artikolu 12 tar-Regolament bażiku, li jistipula li l-investigazzjoni tista' terġa tinfetaħ u li l-marġnijiet tad-dumping jerġgħu jiġu kkalkolati mill-ġdid f'każ fejn hemm biżżejjed prova li l-miżuri ma wasslux għal ċaqliq suffiċjenti fil-prezzijiet fil-Komunità. Hija l-intenzjoni ta' l-awtorità li qed tinvestiga li tipproċedi malajr b'investigazzjoni mill-ġdid f'każijiet fejn tingħata informazzjoni suffiċjenti dwar l-assorbiment tad-dazju. B'mod addizjonali, sabiex tiġi żgurata l-effiċjenza tal-miżuri u biex jiġi skoraġġit l-manipulazzjoni tal-prezzijiet, huwa xieraq li d-dazju jiġi impost f'forma ta' ammont speċifiku għal kull kilo.

(89) Huwa wkoll innotat li skond l-istatistiċi ta' l-importazzjoni ta' l-Ewrostat qed issir importazzjoni tal-prodott ikkonċernat minn pajjiżi (eż. Hong Kong), fejn m'hemm l-ebda produzzjoni taċ-ċiklamat tas-sodju. Skond l-informazzjoni rreġistrata disponibbli, il-produzzjoni taċ-ċiklamat tas-sodju teżisti biss fi Spanja, fl-Indoneżja u fil-PRC. Jekk tingħata biżżejjed informazzjoni dwar tqarriq fil-miżuri, l-awtorità ta' l-investigazzjoni hija lesta li tibda investigazzjoni malajr skond l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku.

(90) Fuq il-bażi ta' dak li ssemma hawn fuq, ir-rata tad-dazju għandha tkun daqs l-ammont fiss għal kull kilo taċ-ċiklamat tas-sodju kif jidher fit-tabella t'hawn taħt:

| Marġni tad-dumping | Rata ta' dazju definittiv (kull kilo) |

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina:

Fang Da Food Additive (Shen Zhen) Limited, Gong Le County, Bao An, Shenzhen,Industrial Estate, Xixian 518102, PRC | 0 % | EUR 0 |

Fang Da Food Additive (Yang Quan) Limited, Da Lian Dong Lu, Economic and Technology Zone, Yangquan City, Shanxi 045000, PRC | 0 % | EUR 0 |

Golden Time Enterprse (Shenzhen) Co. Ltd., Shanglilang, Cha Shan Industrial Area, Buji Town, Shenzhen City, Guangdong Province, PRC | 6,9 % | EUR 0,11 |

Il-kumpaniji l-oħra kollha | 17,6 % | EUR 0,26 |

L-Indoneżja:

PT. Golden Sari (Chemical Industry), Mitra Bahari Blok D1-D2, Jalan Pakin No. 1, Sunda Kelapa, Jakarta 14440, L-Indoneżja. | 16,3 % | EUR 0,24 |

Il-kumpaniji l-oħra kollha | 18,1 % | EUR 0,27 |

(91) Ir-rati ta' dazju kontra d-dumping għall-kumpaniji individwali speċifikati f'dan ir-Regolament kienu stabbiliti fuq il-bażi tas-sejbiet ta' l-investigazzjoni preżenti. Għalhekk, jirriflettu s-sitwazzjoni li nstabet matul l-investigazzjoni dwar dawn il-kumpaniji. Dawn ir-rati ta' dazju (kontra d-dazju f'livell nazzjonali applikabbli għall-"kumpaniji l-oħra kollha") huma għalhekk esklużivament applikabbli għall-importazzjoni ta' prodotti li joriġinaw fil-pajjiż ikkonċernat u manifatturati mill-kumpaniji u għalhekk mill-entitajiet legali speċifiċi msemmija. Prodotti importati manifatturati minn xi kumpanija oħra li ma ssemietx b'mod speċifiku fil-parti operattiva ta' dan ir-Regolament bl-isem u l-indirizz tagħha, inkluż entitajiet konnessi ma' dawk li ssemmew b'mod speċifiku, ma jistgħux jibbenefikaw minn dawn ir-rati u għandhom ikunu suġġetti għar-rata ta' dazju applikabbli għall-"kumpaniji l-oħra kollha".

(92) Kull pretensjoni li titlob l-applikazzjoni ta' dawn ir-rati ta' dazju kontra d-dumping għal kumpaniji individwali (eż. wara bidla fl-isem ta' l-entità jew wara li jitwaqqfu entitajiet ġodda tal-produzzjoni jew tal-bejgħ) għandha tkun indirizzata minnufih lill-Kummissjoni [5] bl-informazzjoni relevanti kollha, b'mod partikolari kull modifikazzjoni fl-attivitajiet tal-kumpanija konnessi mal-produzzjoni, bejgħ domestiku u għall-esportazzjoni konnessi ma', eż. dik il-bidla fl-isem jew dik il-bidla fl-entitajiet tal-produzzjoni u tal-bejgħ. Jekk xieraq, ir-Regolament għandu għalhekk ikun emendat bl-aġġornament tal-lista ta' kumpaniji li jibbenefikaw minn rati ta' dazju individwali.

3. ĠBIR TAD-DAZJU PROVVIŻORJU

(93) Minħabba l-kobor fid-daqs tal-marġnijiet tad-dumping li nstabu u fid-dawl tal-livell tal-ħsara kkaġunata lill-industrija Komunitarja, huwa kkonsidrat meħtieġ li l-ammonti depożitati permezz tad-dazju provviżorju impost mir-Regolament (KE) Nru 1627/2003 jinġabru definittivament sa l-ammont tad-dazju impost definittivament mir-Regolament preżenti jekk dan l-ammont ikun daqs jew inqas mill-ammont tad-dazju provviżorju. Altrimenti, l-ammont tad-dazju provviżorju biss għandu jinġabar definittivament. Ammonti depożitati li huma iżjed mill-ammont tad-dazju definittiv kontra d-dumping għandhom jiġu rrinunzjati,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1. Dazju definittiv kontra d-dumping huwa hawnhekk impost fuq importazzjoni taċ-ċiklamat tas-sodju, li bħalissa jista' jiġi kklassifikat fil-kodiċi NM ex29299000 (il-kodiċi TARIC 2929900010), u li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Indoneżja.

2. Ir-rata tad-dazju kontra d-dumping definittiv applikabbli għall-prezz nett, liberu fil-fruntiera Komunitarja, qabel id-dazju, għandu jkun kif ġej:

| Rata ta' dazju (EUR kull kilo) | Kodiċi addizjonali TARIC additional code |

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina:

Fang Da Food Additive (Shen Zhen) Limited, Gong Le Industrial Estate, Xixian County, Bao An, Shenzhen, 518102, PRC | 0 | A471 |

Fang Da Food Additive (Yang Quan) Limited, Da Lian Dong Lu, Economic and Technology Zone, Yangquan City, Shanxi 045000, PRC | 0 | A472 |

Golden Time Enterprise (Shenzhen) Co. Ltd., Shanglilang, Cha Shan Industrial Area, Buji Town, Shenzhen City, Guangdong Province, PRC | 0,11 | A473 |

Il-kumpaniji l-oħra kollha | 0,26 | A999 |

Indonesia

PT. Golden Sari (Chemical Industry), Mitra Bahari Blok D1-D2, Jalan Pakin No. 1, Sunda Kelapa, Jakarta 14440, Indonesia. 0,24 A502 | 0,24 | A502 |

All other companies | 0,27 | A999 |

3. F'każijiet fejn il-merkanzija soffriet danni qabel id-dħul f'ċirkolazzjoni libera u, għalhekk, il-prezz attwalment imħallas jew li għandu jitħallas huwa mqassam għad-determinazzjoni tal-valur doganali skond l-Artikolu 145 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta' Lulju 1993 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komuni [6], l-ammont ta' dazju kontra d-dumping, ikkalkolat fuq il-bażi tal-paragrafu 2 t'hawn fuq, għandu jitnaqqas b'persentaġġ li jikkorrespondi mat-tqassim tal-press attwalment imħallas jew li għandu jitħallas.

4. Sakemm mhux speċifikat mod ieħor, id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji tad-dwana għandhom japplikaw.

Artikolu 2

L-ammonti depożitati bħala dazju provviżorju kontra d-dumping, skond ir-Regolament (KE) Nru 1627/2003, fuq l-importazzjoni taċ-ċiklamat tas-sodju, li bħalissa huwa kklassifikat fil-kodiċi NM ex29299000 (il-kodiċi TARIC 2929900010), li toriġina fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u fl-Indoneżja għandhom jinġabru definittivament skond ir-regoli mniżżla hawn taħt.

L-ammonti depożitati li huma iżjed mill-ammont tad-dazju definittiv kontra d-dumping għandhom jiġu rrinunzjati. Fejn l-ammonti tad-dazju definittiv kontra d-dumping huma ogħla mid-dazju kontra d-dumping provviżorju, l-ammonti depożitati fil-livell tad-dazju provviżorju biss għandhom jinġabru definittivament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament ghandu jidhol fis-sehh l-ghada ta' meta ssir il-pubblikazzjoni tiegħu fil-Gurnal Ufficjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-8 ta' Marzu 2004.

Għall-Kunsill

Il-President

D. Ahern

[1] ĠU L 56, 06.03.96, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat mir-Regolament (KE) Nru 1972/2002 (ĠU L 305, 07.11.02, p. 1).

[2] ĠU L 232, 18.09.03, p. 12.

[3] ĠU C 191, 13.08.03, p. 2.

[4] Minn Ottubru 2002, il-kumpanija jisimha Jintian Enterprises Nanjing Co. Ltd.

[5] Il-Kummissjoni Ewropea – Id-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ - (5) Il-Kummissjoni Ewropea – Id-Direttorat B - J-79 5/17 - Rue de la Loi/Wetstraat 200 - B-1049 Brussel.

[6] ĠU L 253, tal-11.10.1993, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2286/2003 (ĠU L 343, tal-31.12.2003, p. 1).

--------------------------------------------------