32004R0392



Official Journal L 065 , 03/03/2004 P. 0001 - 0003


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 392/2004

tal-24 ta’ Frar 2004

li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2092/91 dwar il-produzzjoni organika ta’ prodotti agrikoli u indikazzjonijiet li jirreferu għaliha fi prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari Artikolu 37 tiegħu,

Wara li kunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

Billi:

(1) Regolament (KEE) Nru 2092/91 [2] jipprovdi għall-qafas armonizzat għat-tikkettjar, produzzjoni u spezzjoni ta’ prodotti agrikoli, li jġorru jew li jkunu maħsuba li jġorru indikazzjonijiet li jirreferu għall-metodu ta’ produzzjoni organika.

(2) Regolament (KEE) Nru 2092/91 jipprovdi wkoll għall-protezzjoni mal-Komunità kollha ta’ ċerti termini wżati biex jindikaw lill-konsumaturi li prodott tal-ikel jew prodott tal-għalf, jew l-ingredjenti tiegħu, huma miksuba skond il-metodu ta’ produzzjoni organika preskritt f’dak ir-Regolament. Dik il-protezzjoni tgħodd ukoll għad-derivattivi normali jew diminuttivi ta’ dawk l-espressjonijiet, sew jekk ikunu weħidhom jew kombinati, u indipendentement minn liema lingwa tintuża. Sabiex titneħħa kull possibbiltà ta’ misinterpretazzjoni fir-rigward tal-kamp ta’l-applikazzjoni tal-protezzjoni huwa xieraq li jiġi hekk emendat dak ir-Regolament.

(3) Regolament (KEE) Nru 2092/91 jipprovdi wkoll li operaturi li jipproduċu, jippreparaw jew jimportaw prodotti minn pajjiżi terzi, li jaqgħu fil-kamp ta’l-applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament ikunu suġġetti għal sistema ta’ spezzjoni. Fi snin reċenti, xi prodotti li jġorru indikazzjonijiet li jirreferu għall-metodu ta’ produzzjoni organika tqiegħdu fis-suq mingħajr ma kienu jikkonformaw mar-Regolament (KEE) Nru 2092/91. Minbarra dan, seħħet kontaminazzjoni b’erbiċidi matul il-ħażna ta’ prodotti minn biedja organika. Huwa għalhekk meħtieġ li tiġi rinfurzata s-sistema ta’ spezzjoni u li jiġu sottomessi għas-sistema ta’ spezzjoni l-operaturi kollha matul il-proċess kollu ta’ produzzjoni u preparazzjoni.

(4) B’konformità tal-prinċipju ta’l-attitudni bażata fuq ir-riskju, f’xi każi jista’ jidher li jkun proporzjonat li jiġu applikati l-ħtiġiet ta’ notifikazzjoni u spezzjoni għal ċerti tipi ta’ operaturi bl-imnut. Huwa għalhekk xieraq li jiġi provdut għall-possibbiltà li l-Istati membri jeżentaw dawk l-operaturi minn dawk il-ħtiġiet.

(5) Għall-finijiet ta’ rispett ghall-obbligazzjoni tas-segretezza professjonali, l-awtoritajiet ta’ spezzjoni u l-korpi huma meħtieġa li ma jikxfux informazzjoni u tagħrif li jiksbu fl-attività tagħhom ta’ spezzjoni. Iżda, l-iskambju ta’ informazzjoni għandu jkun possibbli bejn l-awtoritajiet ta’ spezzjoni u korpi sabiex titjieb ir-rintraċċabilità u tiġi garantita l-konformità mar-Regolament (KEE) Nru 2092/91 matul il-proċess kollu ta’ produzzjoni u preparazzjoni.

(6) Minħabba li l-logo tal-Komunità jindika li prodotti li huma koperti bl-iskema ta’l-ispezzjoni speċifika jistgħu jintużaw għall-prodotti importati minn pajjiżi terzi, huwa xieraq li jiġi provdut, għal raġunijiet ta’ ċarezza, li ħtiġiet ekwivalenti ta’ spezzjoni għandhom jiġu applikati għal dawk il-prodotti.

(7) Huwa xieraq li jiġi provdut għal data differita ta’ applikazzjoni tal-ħtiġiet tan-notifikazzjoni l-ġdida u l-ispezzjoni sabiex tippermetti għall-aġġustamenti meħtieġa, b’mod partikolari fl-Istati Membri fejn ma jeżistu ebda ħtiġiet bħal dawk fil-present. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għal dawk il-ħtiġiet ta’ spezzjoni li diġà jeżistu fil-livell nazzjonali.

(8) Ir-Regolament (KEE) Nru 2092/91 għandu għalhekk jiġi hekk emendat,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KEE) Nru 2092/91 huwa b’dan emendat kif ġej:

1. L-Artikolu 2 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

"Artikolu 2

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament prodott għandu jitqies bħala li jġorr indikazzjonijiet li jirreferu għall-metodu ta’ produzzjoni organika fejn, fl-ittikkettjar, materjal ta’ reklamar jew dokumenti kummerċjali, dak il-prodott, l-ingredjenti tiegħu jew il-materjali tal-għalf jiġu deskritti f’termini li jissuġġerixxu lix-xerrej li dak il-prodott, l-ingredjenti tiegħu jew il-materjali tal-għalf ikunu nkisbu skond ir-regoli ta’ produzzjoni preskritti f’Artikolu 6. B’mod partikolari, t-termini li ġejjin jew id-derivattivi normali tagħhom (bħal bio, eko, eċċ.) jew id-diminuttivi, weħidhom jew kombinati, għandhom jitqiesu bħala indikazzjonijiet li jirreferu għall-metodu ta’ produzzjoni organika mal-Komunità kollha u f’xi lingwa tal-Komunità, kemm-il darba ma jkunux applikati għal prodotti agrikoli f’oġġetti tal-ikel jew oġġetti ta’ għalf u kjarament ma jkollhom ebda konnessjoni ma’ dan il-metodu ta’ produzzjoni:

- bl-Ispanjol:

ecológico,

- bid-Daniż:

økologisk,

- bil-Germaniż:

ökologisch, biologisch,

- bil-Grieg:

βιολογικό,

- bl-Ingliż:

organic,

- bil-Franċiż:

biologique,

- bit-Taljan:

biologico,

- bl-Olandiż:

biologisch,

- bil-Portugiż:

biológico,

- bil-Finlandiż:

luonnonmukainen,

- bl-Isvediż:

ekologisk.";

2. F’Artikolu 8, il-paragrafu 1 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

"1. Kull operatur li jipproduċi, jipprepara, jaħżen jew jimporta minn pajjiż terz prodotti kif speċifikat f’Artikolu 1 bil-ħsieb tal-marketing sussegwenti tagħhom, jew li jqiegħed fis-suq dawk il-prodotti, għandu:

(a) jinnotifika din l-attività lill-awtorità kompetenti ta’l-Istat Membru fejn titwettaq l-attività; dik in-notifikazzjoni għandha tinkludi l-informazzjoni msemmija fl-Anness IV;

(b) jibgħat l-aċċettazzjoni tiegħu għas-sistema ta’ spezzjoni msemmija f’Artikolu 9.

L-Istati Membri jistgħu jeżentaw mill-applikazzjoni ta’ dan il-paragrafu l-operaturi li jbiegħu dawk il-prodotti direttament lill-konsumatur finali jew utent kemm-il darba ma jipproduċux, jippreparaw, jaħżnu (ħlief b’konnessjoni mal-punt tal-bejgħ), jew jimportaw dawk il-prodotti minn pajjiż terz.

Fejn operatur jikkuntratta xi waħda mill-attivitajiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu lil parti terza, dak l-operatur jista’ madanakollu jkun suġġett għall-ħtiġiet imsemmija fil-punti (a) u (b), u l-attivitajiet subkuntrattati għandhom ikunu suġġetti għas-sistema ta’ spezzjoni msemmija f’Artikolu 9.";

3. Artikolu 9 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a) il-paragrafu 1 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

"1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema ta’ spezzjoni operata minn awtorità waħda jew aktar li jkunu nominati ghal spezzjoni u/jew korpi privati approvati li għalihom l-operaturi msemmija f’Artikolu 8(1) għandhom ikunu suġġetti.";

(b) fil-paragrafu 7, il-punt (b), is-sentenza li ġejja għandha tiżdied:

"Iżda, fuq talba debitament ġustifikata mill-ħtieġa li jiġi garantit li l-prodotti jkunu ġew prodotti skond dan ir-Regolament, huma għandhom jiskambjaw ma’ awtoritajiet oħra ta’ spezzjoni jew korpi approvati ta’ spezzjoni informazzjoni relevanti dwar ir-riżultati ta’l-ispezzjoni tagħhom. Huma jistgħu wkoll jiskambjaw l-informazzjoni msemmija hawn fuq fuq l-inizjattiva tagħhom proprja.";

(ċ) fil-paragrafu 9, il-punt (a) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

"(a) "jiżgura li, fejn tinstab irregolarità fir-rigward ta’l-implimentazzjoni ta'" Artikoli 5 u 6 jew tad-dispożizzjonijiet imsemmija f’Artikoli 3 u 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 223/2003 tal-5 ta’ Frar 2003 dwar il-ħtiġiet ta’ tikkettjar relatati mal-metodu tal-produzzjoni organika għall-għalf, għal kompost u materjali tal-għalf [3], jew tal-miżuri msemmija fl-Anness III, l-indikazzjonijiet li hemm provvediment dwarhom f’Artikolu 2 li jirreferu għall-metodu ta’ produzzjoni organika jitneħħew mill-lott sħiħ jew il-lott tal-produzzjoni effettwat b’irregolarità konċernata;"

4. F’Artikolu 10(1), il-punt (b) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

"(b) jkunu ġew suġġetti għas-sistema ta’ spezzjoni msemmija f’Artikolu 9 mal-produzzjoni kollha u l-proċess ta’ preparazzjoni jew, fil-każ ta’ oġġetti importati għal miżuri ekwivalenti; fil-każ ta’ prodotti importati skond Artikolu 11(6), l-implimentazzjoni tas-sistema ta’ spezzjoni għandha tikkonforma ma’ ħtiġiet ekwivalenti għal dawk li hemm provvediment dwarhom f’Artikolu 9, u b’mod partikolari l-paragrafu 4 tiegħu;"

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum mill-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 1(2) għandu jgħodd mill-1 ta’ Lulju 2005.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel fl,-24 ta’ Frar 2004.

Għall-Kunsill

Il-President

J. Walsh

[1] Opinjoni mogħtija fl-4 ta’ Diċembru 2003 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[2] ĠU L 198, tat-22.7.1991, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2277/2003 (ĠU L 336, tat-23.12.2003, p. 68).

[3] GU L 31, 6.2.2003, p.3.

--------------------------------------------------