32004R0363



Official Journal L 063 , 28/02/2004 P. 0020 - 0021


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 363/2004

tal-25 ta' Frar 2004

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 68/2001 dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE dwar għajnuna għat-taħriġ

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 tas-7 ta' Mejju 1998 dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar ċerti kategorji ta' għajnuna orizzontali ta' l-Istat [1] u b'mod partikolari il-punt (a)(iv) ta' l-Artikolu 1(1) tiegħu,

Wara li ppubblikat abbozz ta' dan ir-Regolament [2],

Wara li kkonsultat il-Kumitat ta' Konsulenza dwar Għajnuna ta' l-Istat,

Billi:

(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 68/2001 [3] jipprovdi kondizzjonijiet speċjali dwar għajnuna li tingħata lill-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju. Id-definizzjoni ta' intrapriżi ta' daqs żgħir u medju fir-Regolament (KE) Nru 68/2001 hija dik użata fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 96/280/KE tat-3 ta' April 1996 li tikkonċerna d-definizzjoni ta' intrapriżi ta' daqs żgħir u medju [4]. Din ir-Rakkomandazzjoni ġiet mibdula mar-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE tas-6 ta' Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta' intrapriżi ta' daqs micro, żgħir u medju [5] b'effett mill-1 ta' Jannar 2005. Għall-iskop ta' ċertezza legali, id-definizzjoni użata fir-Regolament (KE) Nru 68/2001 għandha tkun l-istess bħal dik użata fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 70/2001 tat-12 ta' Jannar 2001 dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE li jikkonċernaw għajnuna ta' l-istat għal intrapriżi ta' daqs żgħir u medju [6].

(2) L-esperjenza wriet li huwa mixtieq li jkun hemm sistema ta' rapporti annwali unita u simplifikata adottata skond l-Artikolu 27 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jniżżel regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE [7]. Id-disposizzjonijiet speċifiċi tar-rapporti, stabbiliti fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 68/2001, għandhom għalhekk japplikaw biss sakemm tkun adottata sistema ta' rapporti ġenerali.

(3) Huwa neċessarju li jitniżżlu disposizzjonijiet għall-istima tal-kompatibilità mas-suq komuni ta' kwalunkwe għajnuna ta' taħriġ mogħtija mingħajr awtorizzazzjoni bil-quddiem tal-Kummissjoni qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 68/2001.

(4) Ir-Regolament (KE) Nru 68/2001 għandu għalhekk jiġi emendat b'dan il-mod,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 68/2001 jiġi emendat kif ġej:

1. L-Artikolu 1 jiġi mibdul b'dan li ġej:

"Artikolu 1

Ambitu

Dan ir-Regolament japplika għal għajnuna ta' taħriġ fis-setturi kollha, inklużi l-attivitajiet relatati mal-produzzjoni, il-proċessar u l-marketing ta' prodotti mniżżlin fl-Anness I tat-Trattat, bl-eċċezzjoni ta' għajnuna li taqa' taħt l-ambitu tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1407/2002 [8].";

2. Fl-Artikolu 2 il-punti (b) u (c) huma mibdulin b'dan li ġej:

"(b) "impriżi ta' daqs żgħir u medju"; tfisser impriżi kif definiti fl-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 70/2001 [9];

(ċ) "impriżi kbar"; tfisser impriżi li ma jaqgħux taħt id-definizzjoni ta' impriżi ta' daqs żgħir u medju;";

3. Fl-Artikolu 7, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"3. L-Istati Membri għandhom jiġbru rapport annwali dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament skond id-disposizzjonijiet ta' implimentazzjoni dwar il-forma u l-kontenut ta' rapporti annwali li huma stabbiliti skond l-Artikolu 27 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 [10].

Sakemm dawn id-disposizzjonijiet jidħlu fis-seħħ, l-Istati Membri għandhom jiġbru rapport annwali dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għal kull sena jew parti minn sena li għaliha japplika dan ir-Regolament, fil-forma stabbilita fl-Anness III, u wkoll f'forma kompjuterizzata. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b'dan ir-rapport mhux aktar tard minn tliet xhur wara li jispiċċa l-perjodu li r-rapport jirreferi għalih."

4. L-Artikolu 7a li ġej huwa miżjud:

"Artikolu 7a

Disposizzjonijiet transitorji

Skemi ta' għajnuna implimentati qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, u għajnuna mogħtija taħt skemi bħal dawn, mingħajr awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni u bi ksur tal-ħtiġijiet ta' notifika ta' l-Artikolu 88(3) tat-Trattat, ikunu kompatibbli mas-suq komuni fis-sens ta' l-Artikolu 87(3) tat-Trattat u jkunu eżenti jekk jaderixxu mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 3(2)(a) u 3(3) ta' dan ir-Regolament.

Għajnuna individwali, li ma hi fl-ebda skema, mogħtija qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, mingħajr awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni u bi ksur tal-ħtiġijiet ta' notifika ta' l-Artikolu 88(3) tat-Trattat, tkun kompatibbli mas-suq komuni fis-sens ta' l-Artikolu 87(3) tat-Trattat u tkun eżenti jekk taderixxi mal-kondizzjonijiet kollha ta' dan ir-Regolament, ħlief mal-ħtieġa fl-Artikolu 3(1) li ssir referenza għal dan ir-regolament.

Kull għajnuna li ma taderixxix ma' dawn il-kondizzjonijiet għandha tkun assessjata mill-Kummissjoni skond l-oqfsa, il-linji ta' gwida, il-komunikazzjonijiet u n-notifiki relevanti."

5. L-Anness I huwa mħassar.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ għoxrin jum wara d-data tal-publikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fil-25 ta' Frar 2004.

Għall-Kummissjoni

Mario Monti

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 142, 14.05.98, p. 1.

[2] ĠU C 190, 12.08.03, p. 2.

[3] ĠU L 10, 13.01.01, p. 20.

[4] ĠU L 107, 30.04.96, p. 4.

[5] ĠU L 124, 20.05.03, p. 36.

[6] ĠU L 10, 13.01.01, p. 33.

[7] ĠU L 83, tas-27.3.1999, p. 1, ir-Regolament kif emendat bl-Att ta' Adeżjoni ta' l-2003.

[8] ĠU L 205, 02.08.02, p. 1.

[9] ĠU L 10, 13.01.02, p. 33.

[10] ĠU L 83, 27.03.99, p. 1.

--------------------------------------------------