5.7.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea

224


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2004/98/KE

tat-30 ta' Settembru 2004

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE f’dak li jirrigwarda restrizzjonijiet fuq il-kummerċjalizzazzjoni u l-użu ta’ eteru pentabromodiferili fis-sistemi ta’ evakwazzjoni ta’ emerġenza ta’ ajruplan bil-għan li tadatta l-Anness I tagħħa għall-progress tekniku

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Kommunità Ewropea, u

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE tas-27 ta’ Lulju 1976 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri li jirrelataw mar-restrizzjonijiet tat-tqegħid fuq is-suq u l-użu ta’ sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 2a tagħha,

Billi:

(1)

Pentabromodiphenyl ether (pentaBDE) huwa uzat bħala ritardant tal-fjammi bromura, sabiex jipproteġi l-plastiċi, id-drappijiet, u oġġetti oħra minn nar.

(2)

Fuq il-bażi ta’ stima tar-riskju skond ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) 793/93 tat-23 ta’ Marzu 1993 dwar il-valutazzjoni u l-kontroll tar-riskji ta’ sostanzi eżistenti (2) kien ikkunsidrat neċessarju li jkun ristrett il-bejgħ fis-suq u l-użu tal-pentaBDE, u s-sustanza kienet għalhekk miżjuda ma’ l-Anness I tad-Direttiva 76/769/KEE.

(3)

Dan l-aħħar, saret disponibbli informazzjoni ġdida li turi li l-pentaBDE jintuża fi drappijiet speċifiċi għaż-żrieżaq u għaż-żrieraq-ċattra għall-evakwazzjoni minn ajruplan u ma jistax ikun sostitwit minn alternattivi xierqa minħabba l-kontrolli ta’ sigurtà estensivi u l-kondizzjonijiet regolatorji.

(4)

Emmissjonijiet minn dawn iż-żurżiqat għal ġewwa l-ambjent u li għalihom ikunu esposti l-bnedmin, ma għandhomx ikunu mistennija, ħlief f’każijiet ta’ emerġenza għal ftit sekondi, u biss fil-każ rari meta l-materjal ikun qiegħed jaqbad.

(5)

Meta titqies l-applikazzjoni limitata tal-pentaBDE fis-sistemi ta’ evakwazzjoni ta’ emerġenza ta’ l-ajruplan u l-kontribut negliġibbli għar-riskji totali li dan l-artiklu jagħti għas-saħħa u l-ambjent, ikun ġustifikat li l-pentaBDE ikun permess għall-bejgħ fis-suq u jintuża għall-din ir-raġuni speċifika.

(6)

Minħabba l-kumplessità tal-proċess ta’ sostituzzjoni u r-regolamenti ta’ l-awtorizzazzjoni għas-sistemi ta’ emerġenza ta’ l-ajruplan, u l-implikazzjonijiet soċjo-ekonomiċi serji, deroga li għandha limitu ta’ żmien hija ġustifikata għall-artikli essenzjali għas-sitwazzjonijiet ta’ evakwazzjoni. Peress li l-użu tal-pentaBDE ikun permess fis-sistemi ta’ evakwazzjoni ta’ emerġenza, dan iżomm is-sigurtà ta’ l-ajruplan billi jevita l-użu ta’ sistemi ta’ emerġenza li huma eqdem.

(7)

Id-Direttiva 76/769/KEE għalhekk teħtieġ li tkun emendata skond il-każ.

(8)

Din id-Direttiva għandha tapplika bla ħsara għal-leġislazzjoni tal-Kommunità li tistipola l-kondizzjonijieti minimi għall-protezzjoni tal-ħaddiema, b’mod partikolari d-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni tal-miżuri li jħajjru progressi fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (3), u d-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji relatati ma’ l-espożizzjoni għal aġenti kanċeroġeni jew mutaġeni fix-xogħol (Is-Sitt Direttiva individwali fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 16 (1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (4).

(9)

Il-miżuri msemmija f’din id-Direttiva huma f’ konformità ma’ l-opinjoni tal-Kumitat għall-adozzjoni tal-progress tekniku tad-Direttivi dwar it-tneħħija tal-barrieri tekniċi għall-kummerċ ta’ sostanzi u tħejjijiet perikolużi,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Anness I għad-Direttiva 76/769/KEE huwa emendat f’konformità ma’ l-Anness ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri se jadottaw u jippublikaw, sa l-iktar tard [tlitt xhur wara l-pubblikazzjoni], il-liġijiet, ir-regolamenti, u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma se jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u tabella ta’ konkordanza bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mhux iktar tard minn [tlitt xhur wara l-pubblikazzjoni].

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, se jkollhom fihom referenza għall-din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b’din it-tip ta’ referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri se jiddeterminaw il-mod kif din ir-referenza għandha ssir.

2.   L-Istati Membri se jikkomunikaw lill-Kummissjoni it-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam koprut minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva se tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, nhar it-30 ta' Settembru 2004.

Għall-Kummissjoni

Olli REHN

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 262, tas-27.9.1976, p. 201. Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva tal-Kummissjoni [dwar in-nikil] 2004/xx/KE (ĠU L xx, xx.xx.2004, p. x).

(2)  ĠU L 84, tal-5.4.1993, p. 1.

(3)  ĠU L 183, tad-29.6.1989, p. 1. Direttiva kif emendata mir-Regolament (KE) Nu 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, tal-31.10.2003, p. 1).

(4)  ĠU L 158, tat-30.4.2004, p. 50.


ANNESS

Anness I għad-Direttiva 76/769/KEE, hija emendata kif ġej:

Fit-tieni kolonna tal-punt 44, intitolata diphenylether, derivat pentabromat C12H5Br5O, paragrafu 3 ġdid huwa miżjud:

“3.

Permezz ta’ deroga, sal-31 March ta’ l- 2006 l-paragrafi 1 u 2 mhux se japplikaw għas-sistemi ta’ evakwazzjoni ta’ emerġenza ta’ l-ajruplani.”