32004L0081



Official Journal L 261 , 06/08/2004 P. 0019 - 0023


Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/81/KE

tad-29 ta' April 2004

dwar il-permess ta' residenza maħruġ lil ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma vittmi tat-traffikar fi bnedmin jew li kienu s-suġġett ta' azzjoni għall-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali, li jikkoperaw ma' l-awtoritajiet kompetenti

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-punt 3 ta' l-Artikolu 63 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Wara li kkonsulta l-Kumitat tar-Reġjuni,

Billi:

(1) L-kwadru ta' politika komuni ta' l-immigrazzjoni, inkluża d-definizzjoni tal-kondizzjonijiet ta' dħul u residenza għal barranin u miżuri għall-ġlieda kontra immigrazzjoni illegali, huwa element kostitwenti tal-mira ta' l-Unjoni Ewropea sabiex tinħoloq żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja.

(2) Fil-laqgħa speċjali tiegħu f'Tampere fil-15 u fis-16 ta' Ottubru 1999, il-Kunsill Ewropew esprima d-determinazzjoni tiegħu li jitratta l-immigrazzjoni illegali fil-fonti tagħha, per eżempju billi jiġu mmirati dawk li jinvolvu ruħhom fit-traffikar tal-bnedmin u l-esplojtazzjoni ekonomika ta' migranti. Sejjaħ lill-Istati Membri sabiex jikkonċentraw l-isforzi tagħhom fuq l-intraċċar u l-iżmantellar ta' netwerks kriminali waqt li jiġu protetti d-drittijiet tal-vittmi.

(3) Indikazzjoni tat-tħassib dejjem jikber dwar dan il-fenomenu f'livell internazzjonali kienet l-adozzjoni mill-Assemblea Ġenerali tal-Nazzjonijiet Uniti ta' Konvenzjoni kontra Kriminalità Organizzata Transnazzjonali, ssupplimentata minn Protokoll għall-Prevenzjoni, is-Soppressjoni u l-Punizzjoni tat-Traffikar fil-bnedmin, speċjalment Nisa u Tfal, u Protokoll Kontra l-Kutrabandu ta' Migranti fuq l-Art, bil-Baħar u bl-Ajru. Dawn kienu ffirmati mill-Komunità u mill-15-il Stat Membru f'Diċembru 2000.

(4) Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-protezzjoni mogħtija lil refuġjati, lil benefiċjarji ta' protezzjoni sussidjarja u lil persuni li qegħdin ifittxu protezzjoni internazzjonali taħt il-liġi internazzjonali tar-refuġjati u mingħajr preġudizzju għal strumenti oħra ta' drittijiet tal-bniedem.

(5) Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet oħra dwar il-protezzjoni ta' vittmi, xhieda jew persuni li huma partikolarment vulnerabbli. Lanqas ma tnaqqas mill-prerogattivi ta' l-Istati Membri fir-rigward tad-dritt ta' residenza mogħti fuq bażijiet umanitarji jew bażijiet oħra.

(6) Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fondamentali u tikkonforma mal-prinċipji rikonoxxuti per eżempju mill-Karta dwar Drittijiet Fondamentali ta' l-Unjoni Ewropea.

(7) L-Istati Membri għandhom jagħtu effett għad-dispożizzjoni ta' din id-Direttiva mingħajr diskriminazzjoni abbażi tas-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, karatteristiċi ġenetiċi, lingwa, reliġjon jew twemmin, opinjonijiet politiċi jew oħrajn, sħubija ta' minoranza nazzjonali, fortuna, twelid, disabilitajiet, età jew orjentazzjoni sesswali.

(8) Fil-livell Ewropew, id-Direttiva tal-Kunsill 2002/90/KE tat-28 November 2002 li tiddefinixxi l-faċilitazzjoni ta' dħul, transitu u residenza mhux awtorizzati [4] u d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/629/JHA tad-19 ta' Lulju 2002 dwar il-ġlieda kontra t-traffikar fil-bnedmin [5] kienu adottati sabiex tissaħħaħ il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-offiżi ta' hawn fuq.

(9) Din id-Direttiva tintroduċi permess ta' residenza maħsub għal vittmi tat-traffikar fil-bnedmin jew, fil-każ li Stat Membru jiddeċiedi li jestendi l-qasam ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva, lil ċittadini ta' pajjiżi terzi li kienu s-suġġett ta' azzjoni għall-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali li lilhom il-permess ta' residenza joffri inċentiv suffiċjenti sabiex ikun hemm koperazzjoni ma' l-awtoritajiet kompetenti filwaqt li jiġu inklużi ċerti kondizzjonijiet għas-salvagwardja kontra l-abbuż.

(10) Għal dan l-iskop, huwa neċessarju li jiġu stabbiliti l-kriterji sabiex joħrog permess ta' residenza, il-kondizzjonijiet ta' residenza u l-bażijiet għal nuqqas ta' tiġdid u rtirar. Id-Dritt sabiex wieħed joqgħod taħt din id-Direttiva huwa soġġett għal kondizzjonijiet u huwa ta' natura provviżorja.

(11) Iċ-ċittadini ta' pajjiż terz ikkonċernati għandhom jiġu infurmati bil-possibiltà li jottjenu dan il-permess ta' residenza u jingħataw perjodu biex fih jirriflettu fuq il-pożizzjoni tagħhom. Dan għandu jgħin sabiex ikunu f'pożizzjoni jilħqu deċiżjoni infurmata tajjeb dwar jekk għandhomx jikkoperaw jew le ma' l-awtoritajiet kompetenti, li jistgħu ikunu l-pulizija, l-prosekuzzjoni u l-awtoritajiet ġudizzjarji (in vista tar-riskji li dan jista' jinvolvi), sabiex jikkoperaw liberament u għaldaqstant b'mod iktar effettiv.

(12) Minħabba l-vulnerabbiltà tagħhom, iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi kkonċernati għandhom jingħataw l-assistenza pprovduta minn din id-Direttiva. Din l-assistenza għandha tippermettilhom jirkupraw u jiskappaw l-influwenza tal-perpetraturi ta' l-offiżi. It-Trattament mediku li għandu jiġi pprovdut lil ċittadini tal-pajjiżi terzi koperti minn din id-Direttiva, jinkludi wkoll, meta approprjat, kura psikoterapewtika.

(13) Deċiżjoni dwar il-ħruġ ta' permess ta' residenza għal mill-inqas sitt xhur jew it-tiġdid tiegħu għandha tittieħed mill-awtoritajiet kompetenti, li għandhom jikkunsidraw jekk il-kondizzjonijiet rilevanti humiex sodisfatti.

(14) Din id-Direttiva għandha tapplika mingħajr preġudizzju għall-attivitajiet imwettqa mill-awtoritajiet kompetenti fil-fażijiet kollha tal-proċeduri nazzjonali rilevanti, u b'mod partikolari meta jiġu investigati l-offiżi kkonċernati.

(15) Stati Membri għandhom jikkunsidraw li jawtorizzaw iż-żjara fuq bażijiet oħra, skond il-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom, għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li jistgħu jaqgħu fil-qasam ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva, iżda li ma jissodisfawx, jew li m'għadhomx jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti minnha, għall-membri tal-familja tiegħu/tagħha jew għal persuni trattati bħala membri tal-familja tiegħu/tagħha.

(16) Sabiex iċ-ċittadini kkonċernati ta' pajjiżi terzi jottjenu l-indipendenza tagħhom u ma jerġgħux lura għan-netwerk kriminali, it-titolari tal-permess ta' residenza għandhom ikunu awtorizzati, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti minn din id-Direttiva, għal aċċess għas-suq tax-xogħol u sabiex iwettqu taħriġ u edukazzjoni professjonali. Fl-Awtorizzazzjoni ta' aċċess tat-titolari tal-permess ta' residenza għal taħriġ u edukazzjoni professjonali, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw b'mod partikolari d-durata probabbli taż-żjara.

(17) Il-Parteċipazzjoni taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi kkonċernati fi programmi u skemi, li diġà jeżistu jew li għandhom jiġu introdotti, għandha tikkontribwixxi għall-irkupru tagħhom ta' ħajja soċjali normali.

(18) Fil-każ li ċ-ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernati jissottomettu applikazzjoni għal tip ieħor ta' permess ta' residenza, l-Istati Membri jieħdu deċiżjoni abbażi tal-liġi nazzjonali ordinarja tal-barranin. Meta tiġi eżaminata din l-applikazzjoni, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw il-fatt li ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi kkonċernati ingħataw il-permess ta' residenza taħt din id-Direttiva.

(19) L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni, fir-rigward ta' l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, bl-informazzjoni li ġiet identifikata fil-kwadru ta' l-attivitajiet żviluppati fir-rigward tal-ġbir u t-trattament ta' data statistika li tikkonċerna kwistjonijiet li jaqgħu fil-qasam ta' Affarijiet ta' Ġustizzja u Interni.

(20) Ladarba l-mira ta' l-introduzzjoni ta' permess ta' residenza għaċ-ċittadini ta' pajjiż terz ikkonċernat li jikkoperaw fil-ġlieda kontra t-traffikar fil-bnedmin ma tistax tintlaħaq biżżejjed mill-Istati Membri u tista' għaldaqstant, minħabba l-iskala ta' l-azzjoni, tintlaħaq aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista' taddotta miżuri, skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex tintlaħaq dik il-mira.

(21) Skond l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 tal-Protkoll imsemmi, dawn l-Istati Membri mhumiex qegħdin jieħdu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Direttiva u mhumiex marbuta minnha jew soġġetti għall-applikazzjoni tagħha.

(22) Skond l-Artikolu 1 u 2 tal-Protkoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka ma tieħux sehem fl-adozzjoni ta' din id-Direttiva u mhijiex marbuta minnha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

IL-KAPITOLU I

DISPOSIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

L-Iskop

L-Iskop ta' din id-Direttiva hija li jiġu definiti l-kondizzjonijiet sabiex jingħataw permessi ta' residenza ta' durata limitata, marbuta mat-tul tal-proċeduri nazzjonali rilevanti, lil ċittadini ta' pajjiżi terzi li jikkoperaw fil-ġlieda kontra t-traffikar fil-bnedmin jew kontra azzjoni sabiex tiġi ffaċilitata immigrazzjoni illegali.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva:

(a) "ċittadin ta' pajjiż terz" tfisser kwalunkwe persuna li mhijiex ċittadin ta' l-Unjoni fis-sens ta' l-Artikolu 17(1) tat-Trattat;

(b) "azzjoni sabiex tiġi ffaċilitata immigrazzjoni illegali" tkopri każijiet bħal dawk imsemmija fl-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 2002/90/KE;

(ċ) "l-ittraffikar fil-bnedmin" tkopri każijiet bħal dawk imsemmija fl-Artikoli 1, 2 u 3 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/629/JHA;

(d) "miżura sabiex tiġi applikata l-ordni ta' espulsjoni" tfisser kwalunkwe miżura meħuda minn Stat Membru sabiex tiġi applikata d-deċiżjoni ta' l-awtoritajiet kompetenti li tordna l-espulsjoni ta' ċittadin ta' pajjiż terz;

(e) "permess ta' residenza" tfisser kwalunkwe awtorizzazzjoni maħruġa minn Stat Membru, li tippermetti lil ċittadin ta' pajjiż terz li jissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti minn din id-Direttiva sabiex jibqa' b'mod legali fit-territorju tiegħu;

(f) "minuri mhux akkumpanjati" tfisser ċittadini ta' pajjiżi terzi taħt l-età ta' tmintax, li jaslu fit-territorju ta' Stat Membru mhux akkumpanjati minn adult responsabbli għalihom kemm jekk skond il-liġi kif ukoll jekk skond l-abitudni, u sakemm mhumiex effettivament taħt kura ta' din il-persuna, jew minuri li jibqgħu mhux akkumpanjati wara li jkunu daħlu fit-territorju ta' l-Istat Membru.

Artikolu 3

Il-Kamp ta' Applikazzjoni

1. L-Istati Membru għandhom japplikaw din id-Direttiva għaċ-ċittadini tal-pajjiż terz li huma, jew kienu vittmi ta' offiżi relatati mat-traffikar fil-bnedmin, anke jekk ikunu daħlu illegalment fit-territorju ta' l-Istati Membri.

2. L-Istati Membri jistgħu japplikaw din id-Direttiva għal ċittadini tal-pajjiż terz li kienu s-suġġett ta' azzjoni għall-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali.

3. Din id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernati li jkunu laħqu l-età ta' maġġoranza stabbilita bil-liġi ta' l-Istat Membru kkonċernat.

B'deroga, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li japplikaw din id-Direttiva għal minuri taħt il-kondizzjonjiet stabbiliti fil-liġi nazzjonali tagħhom.

Artikolu 4

Dispożizzjonijiet iktar favorevoli

Din id-Direttiva m'għandhiex tipprevjeni lil Stati Membri milli jadottaw jew iżommu dispożizzjonijiet iktar favorevoli għall-persuni koperti minn din id-Direttiva.

IL-KAPITOLU II

PROĊEDURA SABIEX JINĦAREĠ IL-PERMESS TA' RESIDENZA

Artikolu 5

Informazzjoni mogħtija liċ-ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernati

Meta l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri jieħdu l-opinjoni li ċittadin tal-pajjiż terz jista' jaqa' taħt il-qasam ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva, għandhom jinfurmaw lill-persuna kkonċernata bil-possibiltajiet offerti taħt din id-Direttiva.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li din l-informazzjoni tista' wkoll tiġi pprovduta minn organizzazzjoni mhux tal-gvern jew assoċjazzjoni speċifikament maħtura mill-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 6

Perjodu ta' riflessjoni

1. Stati Membri għandhom jassiguraw li ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi kkonċernati huma mogħtija perjodu ta' riflessjoni li jippermettilhom jirkupraw u jiskappaw l-influwenza tal-perpetraturi ta' l-offiżi sabiex ikunu jistgħu jieħdu deċiżjoni infurmata dwar jekk jikkoperawx ma' l-awtoritajiet kompetenti.

Id-Durata u l-punt ta' bidu tal-perjodu msemmi fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu determinati skond il-liġi nazzjonali.

2. Tul il-perjodu ta' riflessjoni u waqt li tkun mistennija d-deċiżjoni ta' l-awtoritajiet kompetenti, iċ-ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat għandu jkollhom aċċess għat-trattament imsemmi fl-Artikolu 7 u m'għandux ikun possibbli li tiġi infurzata kwalunkwe ordni ta' espulsjoni kontrihom.

3. Il-Perjodu ta' riflessjoni m'għandu joħloq ebda intitolament għal residenza taħt din id-Direttiva.

4. L-Istat Membru jista' fi kwalunkwe ħin iġib fit-tmiem il-perjodu ta' riflessjoni fil-każ li l-awtoritajiet kompetenti jkunu stabbilew li l-persuna kkonċernata attivament, volontarjament u fuq l-inizjattiva proprja tiegħu/tagħha ġeddet kuntatt mal-perpetraturi ta' l-offiżi msemmija fl-Artikolu 2(b) u (ċ) jew għal raġunijiet li jirrelataw għal politika pubblika u għall-protezzjoni ta' sigurtà nazzjonali.

Artikolu 7

Trattament mogħti qabel il-ħruġ tal-permess ta' residenza

1. Stati Membri għandhom jassiguraw li ċ-ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernati li m'għandhomx riżorsi suffiċjenti huma mogħtija standards ta' l-għixien kapaċi li jassiguraw l-għixien tagħhom u aċċess għal trattament mediku ta' emerġenza. Għandhom jattendu għall-ħtiġiet speċjali ta' l-iktar vulnerabbli, inkluż, meta approprjat u jekk ipprovdut mil-liġi nazzjonali, assistenza psikoloġika.

2. Stati Membri għandhom jieħdu kont tal-ħtiġiet ta' sigurtà u protezzjoni taċ-ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernati meta japplikaw din id-Direttiva, skond il-liġi nazzjonali.

3. Stati Membri għandhom jipprovdu liċ-ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernati, meta approprjat, b'servizzi ta' traduzzjoni u interpretazzjoni.

4. Stati Membri jistgħu jipprovdu liċ-ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernati b'għajnuna legali mingħajr ħlas, jekk stabbilit u taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti mil-liġi nazzjonali.

Artikolu 8

Il-ħruġ u t-tiġdid tal-permess ta' residenza

1. Wara l-iskadenza tal-perjodu ta' riflessjoni, jew iktar kmieni jekk l-awtoritajiet kompetenti huma ta' l-opinjoni li ċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat diġà ssodisfa l-kriterju stabbilit fis-subparagrafu (b), l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw:

(a) l-opportunità ppreżentata bl-estensjoni taż-żjara tiegħu/tagħha fit-territorju tiegħu/tagħha għall-investigazzjonijiet jew il-proċeduri ġudizzjarji, u

(b) jekk hu/hi wrewx intenzjoni ċara ta' koperazzjoni u

(ċ) jekk hu/hi eliminawx ir-relazzjonijiet kollha ma' dawk suspettati minn atti li jistgħu ikunu nklużi fost l-offiżi msemmija fl-Artikolu 2(b) u (ċ).

2. Għall-ħruġ tal-permess ta' residenza u mingħajr preġudizzju għar-raġunijiet li jirrelataw għal politika pubblika u għall-protezzjoni ta' sigurtà nazzjonali, is-sodisfazzjon tal-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun meħtieġ.

3. Mingħar preġudizzju għad-dispożizzjonijiet dwar l-irtirar imsemmija fl-Artikolu 14, il-permess ta' residenza għandu jkun validu għal mill-inqas sitt xhur. Għandu jiġġedded fil-każ li l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu jibqgħu jiġu sodisfatti.

IL-KAPITOLU III

TRATTAMENT TA' TITOLARI TAL-PERMESS TA' RESIDENZA

Artikolu 9

Trattament mogħti wara l-ħruġ tal-permess ta' residenza

1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li titolari ta' permess ta' residenza li m'għandhomx riżorsi suffiċjenti jingħataw għall-inqas l-istess trattament previst fl-Artikolu 7.

2. Stati Membri għandhom jipprovdu assistenza medika jew oħra neċessarja lil ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernati, li m'għandhomx riżorsi suffiċjenti u għandhom ħtiġiet speċjali, bħal nisa tqal, persuni b'disabilità jew vittmi ta' vjolenza sesswali jew forom oħra ta' vjolenza u, jekk Stati Membri għandhom rikors għall-għażla prevista fl-Artikolu 3(3), minuri.

Artikolu 10

Minuri

Fil-każ li Stati Membri għandhom rikors għall-għażla prevista fl-Artikolu 3(3), għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

(a) Stati Membri għandhom jieħdu kont dovut ta' l-aħjar interessi tal-wild meta japplikaw din id-Direttiva. Għandhom jassiguraw li l-proċedura hija approprjata għall-età u l-maturità tal-wild. B'mod partikolari, jekk jikkunsidraw li hu fl-aħjar interess tal-wild, jistgħu jestendu l-perjodu ta' riflessjoni.

(b) Stati Membri għandhom jassiguraw li minuri għandhom aċċess għas-sistema edukazzjonali taħt l-istess kondizzjonijiet ta' ċittadini. Stati Membri jistgħu jistipulaw li dan l-aċċess għandu jkun limitat għas-sistema pubblika ta' edukazzjoni.

(ċ) Fil-każ ta' ċittadini tal-pajjiż terz li mhumiex akkumpanjati minn minuri, Stati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji sabiex jistabilixxu l-identità, iċ-ċittadinanza tagħhom u l-fatt li mhumiex akkumpanjati. Għandhom jagħmlu kull sforz sabiex jallokaw lill-familji tagħhom malajr kemm jista' jkun u jieħdu l-passi neċessarji immedjatament sabiex jassiguraw rappreżentanza legali, inkluża r-rappreżentanza fil-proċeduri kriminali, jekk neċessarju, skond il-liġi nazzjonali.

Artikolu 11

Xogħol, taħriġ u edukazzjoni professjonali

1. Stati Membri għandhom jiddefinixxu r-regoli li taħthom titolari tal-permess ta' residenza għandhom ikunu awtorizzati jkollhom aċċess għas-suq tax-xogħol, għal taħriġ u edukazzjoni professjonali.

Dan l-aċċess għandu jkun limitat għad-durata tal-permess ta' residenza.

2. Il-Kondizzjonijiet u l-proċeduri għall-awtorizzazzjoni ta' aċċess għas-suq tax-xogħol, għal taħriġ u edukazzjoni rpfoessjonali għandhom jiġu determinati, taħt il-leġislazzjoni nazzjonali, mill-awtoritajiet kompetenti.

Artikolu 12

Programmi jew skemi għaċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi kkonċernati

1. Iċ-ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernati għandhom jingħataw aċċess għal programmi jew skemi eżistenti, pprovduti mill-Istati Membri jew minn organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mhux tal-gvern li għandhom ftehim speċifiku ma' l-Istati Membri, mmirati lejn l-irkupru tagħhom ta' ħajja soċjali normali, inklużi, meta approprjat, korsijiet maħsuba sabiex itejjbu l-kapaċitajiet professjonali tagħhom, jew il-preparazzjoni tar-ritorn assistit tagħhom lejn il-pajjiż ta' oriġini.

Stati Membri jistgħu jipprovdu programmi jew skemi speċifiċi għaċ-ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernati.

2. Meta Stat Membru jiddeċiedi li jintroduċi u jimplimenta l-programmi jew l-iskemi msemmija fil-paragrafu 1, jista' jagħmel il-ħruġ tal-permess ta' residenza jew it-tiġdid tiegħu kondizzjonali fuq il-parteċipazzjoni fil-programmi jew l-iskemi msemmija.

IL-KAPITOLU IV

NUQQAS TA' TIĠDID U RTIRAR

Artikolu 13

Nuqqas ta' tiġdid

1. Il-permess ta' residenza maħruġ abbażi ta' din id-Direttiva m'għandux jiġġedded jekk il-kondizzjonijiet ta' l-Artikolu 8(2) ma jibqgħux jiġu sodisfatti jew jekk deċiżjoni adottata mill-awtoritajiet kompetenti tterminat il-proċeduri rilevanti.

2. Meta l-permess ta' residenza maħruġ abbażi ta' din id-Direttiva jiskadi għandha tapplika l-liġi ordinarja tal-barranin.

Artikolu 14

L-Irtirar

Il-permess ta' residenza jista' jiġi rtirat fi kwalunkwe ħin jekk il-kondizzjonijiet għall-ħruġ ma jibqgħux jiġu sodisfatti. B'mod partikolari, il-permess ta' residenza jista' jiġi rtirat fil-każijiet li ġejjin:

(a) jekk titolari attivament, volontarjament u fuq l-inizjattiva proprja ġedded kuntatti ma' dawk suspettati li kkommettew l-offiżi msemmija fl-Artikolu 2(b) u (ċ); jew

(b) jekk l-awtorità kompetenti temmen li l-koperazzjoni tal-vittma hija frodulenti jew li l-ilment tagħha hija frodulenti jew ta' ħsara; jew

(ċ) għal raġunijiet li jirrelataw għal politika pubblika u għall-protezzjoni ta' sigurtà nazzjonali; jew

(d) meta l-vittma tieqaf li tikkopera; jew

(e) meta l-awtoritajiet kompetenti jiddeċiedu li ma jkomplux il-proċeduri.

IL-KAPITOLU V

DISPOSIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 15

Klawżola ta' salvagwardja

Din id-Direttiva għandha tapplika mingħajr preġudizzju għal regoli nazzjonali speċifiċi li jikkonċernaw il-protezzjoni ta' vittmi u ta' xhieda.

Artikolu 16

Rapport

1. Sa mhux iktar tard mis-6 ta' Awwissu 2008, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva fl-Istati Membri u tipproponi kwalunkw emendi li huma neċessarji. L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni kwalunkwe informazzjoni rilevanti għall-preparazzjoni ta' dan ir-rapport.

2. Wara li jiġi ppreżentat ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandu jirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill mill-inqas kull tliet snin dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva fl-Istati Membri.

Artikolu 17

Trasposizzjoni

L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijeit amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva qabel is-6 ta' Awwissu 2006. Għandhom immedjatament jinfurmaw lill-Kummissjoni bihom.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikollhom magħhom din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-Metodi li bihom issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

Artikolu 18

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-kum tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 19

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Magħmula fil-Lussemburgu, fid-29 ta' April 2004.

Għall-Kunsill

Il-President

M. McDowell

[1] ĠU C 126 E, tat-28.5.2002, p. 393.

[2] Opinjoni mogħtija fil-5 ta' Diċembru 2002 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] ĠU C 221, tas-17.9.2002, p. 80.

[4] ĠU L 328, tal-5.12.2002, p. 17.

[5] ĠU L 203, ta' l-1.8.2002, p. 1.

--------------------------------------------------