32004L0080



Official Journal L 261 , 06/08/2004 P. 0015 - 0018


Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/80/KE

tad-29 ta' April 2004

li għandha x'taqsam ma' kupens għal vittmi ta' delitti

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkonsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 308 tiegħu,

Wara li kkonsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkonsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkonsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [3],

Billi:

(1) Wieħed mill-għanijiet tal-Komunità Ewropea huwa li tabolixxi, bħal bejn l-Istati Membri, ostakli għaċ-ċaqliq liberu ta' persuni u servizzi.

(2) Il-Qorti tal-Ġustizzja żammet fil-Każ ta Cowan [4] li, fejn liġi Komunitarja tiggarantixxi għal persuna naturali l-liberta li tmur ġo Stat Membru ieħor, il-protezzjoni ta' dik il-persuna mill-periklu fl-Istat Membru msemmi, fuq l-istess bażi bħal dik ta' ċittadini nazzjonali u persuni li jgħixu hemm, hija corollary ta' dik il-liberta ta' ċaqliq. Miżuri sabiex jiġi faċilitat kumpens lil vittmi ta' delitti għandhom jiffurmaw parti mir-rejalizzazzjoni ta' dan l-għan.

(3) Fil-laqgħa tiegħu f'Tampere fil-15 u s-16 ta' Ottubru 1999, il-Kunsill Ewropew sejjaħ għat-tfassil ta' livelli stabbiliti minimi dwar il-protezzjoni ta' vittmi ta' delitti, b'mod partikolari fuq l-aċċess ta' vittmi tad-delitti għall-ġustizza u d-drittijiet tagħhom għal kumpens għal ħsarat, inkluż spejjeż legali.

(4) Il-Kunsill Ewropew ta' Brussel, imlaqqa' fil-25 u s-26 ta' Marzu 2004, fid-Dikjarazzjoni dwar il-Ġlieda kontra t-Terroriżmu, sejjaħ għall-adozzjoni ta' din id-Direttiva qabel l-1 ta' Mejju 2004.

(5) Fil-15 ta' Marzu 2001 il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni Qafas 2001/220/JHA dwar the standing ta' vittmi f'proċeduri kriminali [5]. Din id-Deċiżjoni, ibażata fuq it-Titolu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, tippermetti lill-vittmi tad-delitti li jippretendu kumpens minn min iwettaq id-delitt fil-kors ta' proċeduri kriminali.

(6) Vittmi tad-delitti fl-Unjoni Ewropea għandhom jiġu ntitolati għal kumpens bil-fier u xieraq għall-ħsarat li jkunu soffrew, mingħajr ma jingħata każ ta' fejn fil-Komunità Ewropea jkun ġie kommess id-delitt.

(7) Din id-Direttiva tfassal sistema ta' koperazzjoni biex jiġi faċiliat aċċess għal kumpens ta' vittmi ta' delitti f'sitwazzjonijiet tal-qsim tal-fruntieri, li għandha topera fuq il-bażi ta' skemi ta' l-Istati Membri fuq kumpens ta' vittmi ta' delitti vjolenti u intenzjonali, kommessi fit-territorji rispettivi tagħhom. Għalhekk, mekkaniżmu ta' kumpens għandu jkun fis-seħħ fl-Istati Membri kollha.

(8) Il-biċċa ‘l kbira ta' l-Istati Membri diġa stabbilixxew dawn l-iskemi ta' kumpens, xi wħud minnhom fi twettieq ta' l-obbligazzjonijiet tagħhom skond il-Konvenzjoni Ewropea ta' l-24 ta' Novembru 1983 dwar il-kumpens ta' vittmi ta' delitt.

(9) Ladarba l-miżuri li jinstabu f'din id-Direttiva huma meħtieġa sabiex jinkisbu għanijiet tal-Komunità u t-Trattat ma jipprovdix għal poteri oħra għajr dawk fl-Artikolu 308 tiegħu għall-adozzjoni ta' din id-Direttiva, dan l-Artikolu għandu jiġi applikat.

(10) Vittmi tad-delitti ħafna drabi ma jkunux jistgħu jiksbu kumpens minn min iwettaq id-delitt, minħabba li dak li jwettaq id-delitt jista' ma jkollux il-meżżi meħtieġa biex jissodisfa ġudizzju fuq ħsarat jew minħabba li dak l-jwettaq id-delitt ma jkunx jista' jiġi identifikat jew mixli.

(11) Sistema ta' koperazzjoni bejn l-awtoritàjiet ta' l-Istati Membri għandha tiġi ntrodotta sabiex jiġi faċilitat aċċess għal kumpens f'każijiet fejn id-delitt ikun ġie kommess fi Stat Membru ieħor għajr dak tar-residenza tal-vittma.

(12) Din is-sistema għandha tiżgura li vittmi tad-delitt ikunu jistgħu dejjem iduru lejn awtorità fl-Istat Membru ta' residenza u għandha terħi kull diffikulta prattika u lingwistika li sseħħ f'sitwazzjoni ta' qsim il-fruntieri.

(13) Is-sistema għandha tinkludi d-dispożizzjonijiet meħtieġa sabiex il-vittma tad-delitt tkun tista' ssib l-informazzjoni meħtieġa biex tagħmel l-applikazzjoni u biex titħalla koperazzjoni effiċjenti bejn l-awtoritàjiet involuti.

(14) Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fondamentali u tosserva l-prinċipji affermati mill-ġdid b'mod partikolari mill-Karta ta' Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea bħala priċnipji ġenerali tal-liġi Komunitarja.

(15) Ladarba l-għan li jiġi faċilitat aċċess għal kumpens ta' vittmi ta' delitti f'sitwazzjonijiet ta' qsim il-fruntieri ma jistax jinkiseb b' mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba f'elementi ta' qsim il-fruntieri u tista' għalhekk, minħabba fl-iskala u l-effetti ta' l-azzjoni, tinkiseb aħjar fil-livell tal-Komunità, il-Komunità tista' tadotta miżuri, bi qbil mal-prinċipju ta' sussidarjetà kif dikjarat fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Bi qbil mal-prinċipju ta' proporzjonalità, kif dikjarat f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dak il-għan.

(16) Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva għandhom jiġu adotti bi qbil mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tippreskrivi l-proċeduri għall-eżerċizzju ta' l-implimentazzjoni ta' poteri mogħtija lill-Kummissjoni [6].

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

IL-KAPITOLU I

AĊĊESS GĦAL KUMPENS F'SITWAZZJONIJIET TA' QSIM IL-FRUNTIERI

Artikolu 1

Id-dritt li wieħed jissottometti applikazzjoni fl-Istat Membru tar-residenza

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn delitt internazzjonali vjolenti jkun ġie kommess fi Stat Membru ieħor għajr l-Istat Membru fejn l-applikant għal kumpens ikun residenti abitwalment, l-applikant għandu jkollu d-dritt li jissottometti l-applikazzjoni lil awtorità jew kull korp ieħor fl-Istat Membru msemmi l-aħħar.

Artikolu 2

Responsabbilta għall-ħlas ta' kumpens

Kumpens għandu jitħallas mill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu ġie kommess id-delitt.

Artikolu 3

Awtoritàjiet responsabbli u proċeduri amministrattivi

1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu jew jinnominaw awtorità waħda jew numru ta' awtoritàjiet jew xi korpi oħra, minn issa ‘l quddiem imsejħa bħala "awtorità jew awtoritàjiet li qed jgħinu", sabiex ikunu responsabbli għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 1.

2. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu jew jinnominaw awtorità waħda jew numru ta' awtoritàjiet jew xi korpi oħra sabiex ikunu responsabbli biex jiddeċiedu dwar applikazzjonijiet għal kumpens minn issa ‘l quddiem imsejħa bħala "awtorità jew awtoritàjiet li jiddeċiedu".

3. L-Istati Membri għandhom jagħmlu sforz sabiex iżommu f'minimu l-formalitajiet amministrattivi meħtieġa minn applikant għall-kumpens.

Artikolu 4

Informazzjoni għal applikanti potenzali

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li applikanti potenzali għal kumpens ikollhom aċċess għal informazzjoni essenzali fuq il-possibiltajiet li japplikaw għal kumpens,b'kull mezzi li l-Istati Membri jidhrilhom li huwa xieraq.

Artikolu 5

Għajnuna lill-applikant

1. L-awtorità li qed tgħin għandha tipprovdi lill-applikant bl-informazzjoni riferit fl-Artikolu 4 u l-formoli ta' applikazzjoni meħtieġa, fuq il-bażi ta' manwal imfassal bi qbil ma' l-Artikolu 13(2).

2. L-awtorità li qed tgħin għandha, fuq it-talba ta' l-applikant, tipprovdi lilu jew lilha bi gwida u informazzjoni ġenerali dwar kif l-applikazzjoni għandha titlesta u liema dokumentazzjoni ta' appoġġ tista' tinħtieġ.

3. L-awtorità li qed tgħin m'għandhiex tagħmel xi stima ta' l-applikazzjoni.

Artikolu 6

Trassmissjoni ta' applikazzjonijiet

1. L-awtorità li qed tgħin għandha tittrasmetti l-applikazzjoni u kull dokumentazzjoni ta' appoġġ kemm jista' jkun malajr lill-awtorità li qed tiddeċiedi.

2. L-awtorità li qed tgħin għandha tittrasmetti l-applikazzjoni permezz tal-formola standard riferita fl-Artikolu 14.

3. Il-lingwa ta' l-applikazzjoni u kull dokumentazzjoni ta' appoġġ għandhom jiġu stabbiliti bi qbil ma' l-Artikolu 11(1).

Artikolu 7

Irċevuta ta' applikazzjonijiet

Malli tiġi rċevuta applikazzjoni trasmessa bi qbil ma' l-Artikolu 6, l-awtorità li qed tiddeċiedi għandha tibgħat l-informazzjoni li ġejja kemm jista' jkun malajr lill-awtorità li qed tgħin u lill-applikant:

(a) il-persuna tal-kuntatt jew id-dipartiment responsabbli għall-maniġġjar tal-materja;

(b) għarfien ta' l-irċevuta ta' l-applikazzjoni;

(ċ) jekk ikun possibbli, indikazzjoni tal-ħin approssimat sa meta deċiżjoni fuq l-applikazzjoni trid issir.

Artikolu 8

Talbiet għal informazzjoni supplimentari

L-awtorità li qed tgħin għandha jekk ikun meħtieġ tipprovdi gwida ġenerali lill-applikant meta twettaq kull talba għal informazzjoni supplimentari mill-awtorità li qed tiddeċiedi.

Għandha fuq it-talba ta' l-applikant tittrasmettiha sosegwentement kemm jista' jkun malajr direttament lill-awtorità li qed tiddeċiedi, u ddaħħal magħha, fejn ikun xieraq, lista ta' kull dokumentazzjoni ta' appoġġ trasmessa.

Artikolu 9

Smigħ ta' l-applikant

1. Jekk l-awtorità li qed tiddeċiedi, bi qbil mal-liġi ta' l-Istat Membru tagħha, li tisma lill-applikant jew kull persuna oħra bħala xhud jew espert, tista' tikkontattja lill-awtorità li qed tgħin għall-għan li tirranġa għal:

(a) persuna(i) sabiex jinstemgħu direttament mill-awtorità li qed tiddeċiedi, bi qbil mal-liġi ta' l-Istat Membru tagħha, permezz ta' l-użu b'mod partikolari ta' konferenzi bit-telefon jew bil-video; jew

(b) persuna(i) sabiex jinstemgħu mill-awtorità li qed tgħin, bi qbil mal-liġi ta' l-Istat Membru tagħha, li sosegwentement se titrasmetti rapport tas-smigħ lill-awtorità li qed tiddeċiedi.

2. Is-smigħ dirett bi qbil mal-paragrafu 1(a) jista' jseħħ biss f'koperazzjoni ma' l-awtorità li qed tgħin u fuq bażi voluntarju mingħajr il-possibilta li jiġu mposti miżuri ta' bil-fors mill-awtorità li qed tiddeċiedi.

Artikolu 10

Komunikazzjoni tad-deċiżjoni

L-awtorità li qed tiddeċiedi għandha tibgħat id-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal kumpens, billi tuża l-formula standard riferita fl-Artikolu 14, lill-applikant u lill-awtoritàjiet li qed igħinu, kemm jista' jkun malajr, bi qbil mal-liġi nazzjonali, wara li tkun ittieħdet id-deċiżjoni.

Artikolu 11

Dispożizzjonijiet oħra

1. Informazzjoni trasmessa bejn l-awtoritàjiet skond l-Artikoli 6 sa 10 għandha tiġi espressa:

(a) fil-lingwi uffiċjali jew f'waħda mill-lingwi ta' l-Istat Membru ta' l-awtorità li lilha tkun intbagħtet l-informazzjoni, li tikkorrespondi għal waħda mill-lingwi ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji; jew

(b) lingwa oħra ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji li dak l-Istat Membru jkun indika li jista' jaċċetta;

bl-eċċezzjoni ta':

(i) it-test sħiħ ta' deċiżjonijiet meħuda mill-awtorità li qed tiddeċiedi, fejn l-użu ta' lingwi għandha tiġi regolata mill-liġi ta' l-Istat Membru tagħha;

(ii) rapporti mfassla wara smigħ bi qbil ma' l-Artikolu 9(1)(b), fejn l-użu ta' lingwi għandu jiġi stabbilit mill-awtorità li qed tgħin, bla ħsara għall-ħtieġa li tikkorrespondi għall-waħda mill-lingwi ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji.

2. Servizzi mwettqa mill-awtorità li qed tgħin bi qbil ma' l-Artikoli 1 sa 10 m'għandhomx joħolqu pretensjoni għal xi rimborż ta' ħlasijiet jew spejjeż mill-applikant jew mill-awtorità li qed tiddeċiedi.

3. Formoli ta' l-applikazzjoni jew kull dokumentazzjoni oħra trasmessa bi qbil ma' l-Artikoli 6 sa 10 għandhom jiġu eżentati mill-awtentika jew kull formalita ekwivalenti.

IL-KAPITOLU II

SKEMI NAZZJONALI DWAR IL-KUMPENS

Artikolu 12

1. Ir-regoli dwar aċċess għal kumpens f'sitwazzjonijiet ta' qsim il-fruntiera mfassla minn din id-Direttiva għandhom joperaw fuq il-bażi ta' skemi ta' l-Istati Membri fuq kumpens għal vittmi ta' delitti vjolenti internazzjonali kommessi fit-territorji rispettivi tagħhom.

2. L-Istati Membri kollha għandhom jiżguraw li r-regoli nazzjonali tagħhom jipprovdu għall-eżistenza ta' skema ta' kumpens lil vittmi ta' delitti vjolenti internazzjonali kommessi fit-territorji rispettivi tagħhom, li tiggarantixxi kumpens bil-fier u xieraq għal vittmi.

IL-KAPITOLU III

DISPOSIZZJONIJIET TA' IMPLIMENTAZZJONI

Artikolu 13

Informazzjoni li trid tintbagħat lill-Kummissjoni u l-manwal

1. L-Istati Membri għandhom, mhux aktar tard mill-1 ta' Lulju 2005, jibgħatu lill-Kummissjoni dettalji ta':

(a) il-lista ta' awtoritàjiet stabbiliti jew nominati bi qbil ma' l-Artikoli 3(1) u 3(2), inkluż, fejn xieraq, informazzjoni dwar il-ġurisdizjoni speċjali u territorjali ta' dawn l-awtoritàjiet;

(b) il-lingwa(i) riferita fl-Artikolu 11(1)(a) li l-awtoritàjiet jistgħu jaċċettaw għall-għan li japplikaw l-Artikoli 6 u 10 u l-lingwa jew lingwi uffiċjali oħra għajr tagħha stess li hija jew huma aċċettabbli għaliha għat-trasmissjoni ta' applikazzjonijiet bi qbil ma' l-Artikolu 11(1)(b).

(ċ) l-informazzjoni stabbilita bi qbil ma' l-Artikolu 4;

(d) il-formoli ta' applikazzjoni għall-kumpens;

L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b'xi tibdil sosegwenti lil din l-informazzjoni.

2. Il-Kummissjoni għandha, f'koperazzjoni ma' l-Istati Membri tistabbilixxi u tippubblika fuq l-internet manwal li jikkontjeni l-informazzjoni provvduta mill-Istati Membri skond paragrafu 1. Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli sabiex tirranġa t-traduzzjonijiet meħtieġa tal-manwal.

Artikolu 14

Formola standard għat-trasmissjoni ta' applikazzjonijiet u deċiżjonijiet

Formoli standard għandhom jiġu stabbiliti, sa l-aħħar tard il-31 ta' Ottubru 2005, għat-trasmissjoni ta' applikazzjonijiet u deċiżjonijiet bi qbil mal-proċedura riferita fl-Artikolu 15(2).

Artikolu 15

Il-Kumitat

1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn Kumitat.

2. Fejn tintgħamel riferenza għal dan il-paragrafu, għandhom jgħoddu l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

3. Il-Kumitat għandu jadotta r-Regoli tiegħu ta' Proċedura.

Artikolu 16

Punti ta' kuntatt ċentrali

L-Istati Membri għandhom jaħtru punt ċentrali ta' kuntatt għall-għanijiet li:

(a) jgħin fl-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 13(2);

(b) iżid koperazzjoni mill-viċin u bdil ta' informazzjoni bejn l-awtoritàjiet li qed igħinu u dawk li qed jiddeċiedu fl-Istati Membri; u

(ċ) jagħtu għajnuna u jfittxu soluzzjonijiet għal xi diffikultajiet li jistgħu jseħħu fl-applikazzjoni ta' l-Artikoli 1 sa 10.

Il-punti ta' kuntatt għandhom jiltaqgħu regolarment.

Artikolu 17

Dispożizzjonijiet aktar favorevoli

Din id-Direttiva m'għandhiex tipprevjeni lill-Istati Membri, sakemm u safejn dawn id-dispożizzjonijiet huma kompatibbli ma' din id-Direttiva, milli:

(a) jintroduċu jew iżżommu dispożizzjonijiet aktar favorevoli għall-benefiċċju ta' vittmi tad-delitt jew kull persuna oħra affettwata mid-delitt;

(b) jintroduċu jew iżżommu dispożizzjonijiet għall-għan ta' kumpens ta' vittmi tad-delitti kommessi barra mit-territorju tagħhom, jew kull persuna oħra affettwata minn dan id-delitt, bla ħsara għal kull kondizzjoni li l-Istati Membri jistgħu jispeċifikaw għal dak il-għan.

Artikolu 18

Implimentazzjoni

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa' l-1 ta' Jannar 2006 l-aktar tard, bl-eċċezzjoni ta' l-Artikolu 12(2), li fil-każ tiegħu id-data ta' konformita għandha tkun l-1 ta' Lulju 2005. Għandhom jgħarrfu bihom lill-Kummissjoni fil-pront.

2. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva għandhom japplikaw biss għal applikanti li l-ħsarat tagħhom jirrisultaw minn delitti kommessi wara t-30 ta' Ġunju 2005.

3. Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandhom jkollhom riferenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'din ir-riferenza fl-okkazzjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi dwar kif issir din ir-riferenza għandhom jiġu preskritti mill-Istati Membri.

4. L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewliena tal-liġi domestika, li jadottaw fil-qasam regolat minn din id-Direttiva.

Artikolu 19

Reviżjoni

Mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2009, il-Kummissjoni għandha tippresenta lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rapport dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

Artikolu 20

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak li fih tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 21

Lil min indirizzat/a

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fil-Lussemburgu, fid-29 ta' April 2004.

Għall-Kunsill

Il-President

M. McDowell

[1] ĠU C 45 E, tal-25.2.2003, p. 69.

[2] Opinjoni mogħtija fit-23 ta' Ottubru 2003 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] ĠU C 95, tat-23.4.2003, p. 40.

[4] Każ 186/87, rapporti tal-Qorti Ewropea 1989, p. 195.

[5] ĠU L 82, tat-22.3.2001, p. 1.

[6] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

--------------------------------------------------