17/ 2 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta'l-Unjoni Ewropea |
45 |
32004L0048
L 157/45 |
IL-ĠURNAL UFFIĊJALI TA'L-UNJONI EWROPEA |
ID-DIRETTIVA 2004/48/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tad-29 ta' April 2004
fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ewropew għall-Affarijiet Ekonomiċi u Soċjali (1),
Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwqt li jaġixxu skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),
Billi:
(1) |
Il-kisba tas-suq intern twassal għall-eliminazzjoni tar-restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-moviment u tgħawwiġ ta' kompetizzjoni, waqt li toħloq ambjent li jwassal għall-innovazzjoni u investiment. F'dan il-kuntest, il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali hija element essenzali għas-suċċess tas-suq intern. Il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali hija importanti mhux biss għall-promozzjoni ta' l-innovazzjoni u l-kreattività, imma wkoll biex jiżviluppa l-impiegi u jtejjeb il-kompettività. |
(2) |
Il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali għandha tħalli l-inventur jew il-kreatur li jikseb profitt leġittimu mill-invenzjoni jew il-kreazzjoni tiegħu/tagħha. Għandha tħalli wkoll it-tixrid l-aktar wiesa' possibbli tax-xogħlijiet, idejat u tagħrif ġdid. Fl-istess ħin, ma għandix tfixkel il-libertà ta' l-espressjoni, il-moviment liberu ta' l-informazzjoni, jew il-protezzjoni ta' data personali, inkluż l-Internet. |
(3) |
Madanakollu, mingħajr mezz effettiv għall-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, l-innovazzjoni u l-kreattività huma skorraġiti u l-investiment jonqos. Għalhekk huwa neċessarju li jiġi assigurat li l-liġi sostantiva dwar proprjetà intellettwali, li llum tinsab fil-parti l-kbira bħala parti mill-acquis communautaire, hija applikkata b'mod effettiv fil-Komunità. Għalhekk, il-mezzi ta' infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali huma ta' importanza kbira għas-suċċess tas-Suq Intern. |
(4) |
Fuq livell internazzjonali, l-Istati Membri, kif wkoll il-Komunità hija nnifsha fir-rigward ta' ħwejjeġ li huma kompetenza tagħha, huma marbuta b'dan il-Ftehim dwar aspetti relatati mas-suq tal-proprjetà intellettwali (il-Ftehim TRIPS), approvat, bħala parti min-negozjati multilaterali tar-Rawnd Urugwajan, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE (3) u konkluż fil-kwadru ta' l-Organiżazzjoni Dinjija għall-Kummerċ. |
(5) |
Il-Ftehim TRIPS fih, b'mod partikolari, dispożizzjonijiet fuq il-mezzi għall-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, li huma l-istandards komuni applikabbli fuq livell internazzjonali u implimentati mill-Istati Membri kollha. Din id-Direttiva m'għandiex taffettwa l-obbligazzjonijiet internazzjonali ta' l-Istati Membri, inklużi dawk li jaqgħu taħt il-Ftehim TRIPS. |
(6) |
Hemm wkoll konvenzjonijiet internazzjonali li l-Istati Membri kollha huma partijiet u li fihom wkoll dispożizzjonijiet fuq il-mezzi għall-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Dawn jinkludu, b'mod partikolari, Il-Konvenzjoni ta' Pariġi għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali, il-Konvenzjoni ta' Berna għall-Protezzjoni tax-Xogħlijiet Letterarji u Artisitċi, u l-Konvenzjoni ta' Ruma għall-Protezzjoni ta' Produtturi ta' Fonogrammi u Organiżazzjonijiet tax-Xandir. |
(7) |
Mill-konsultazzjonijiet miżmuma mill-Kummissjoni rigward din il-kwestjoni joħroġ li, fl-Istati Membri, u minkejja il-Ftehim TRIPS, għad hemm disparitajiet kbar fir-rigward tal-mezzi għall-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Per eżempju, l-arranġamenti biex jiġu applikati miżuri proviżorji, li huma użati b'mod partikolari biex jippreservaw evidenza, il-kalkulazzjoni ta' ħsarat jew l-arranġamenti biex jiġu applikati mandati, ivarjaw fil-wisa' minn Stat Membru wieħed għall-ieħor. F'xi Stati Membri, m'hemmx miżuri, proċeduri u rimedji bħalma hu d-dritt għall-informazzjoni u r-revokazzjoni ta' l-oġġetti mis-suq li fuqhom ikun inkiser id-dritt, bl-ispejjeż imorru għal min ikun kiser id-dritt. |
(8) |
Id-disparitajiet li hemm bejn is-sistemi ta' l-Istati Membri fir-rigward tal-mezzi ta' l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali joħolqu preġudizzju għall-funzjonament xieraq tas-Suq Intern u jagħmluha impossibli li jiġi assigurat li d-drittijiet għall-propretà intellettwali għandha l-istess livell ta' protezzjoni fil-Komunità kollha. Din is-sitwazzjoni ma jippromwoviex il-moviment liberu fis-suq intern jew ma joħloqx ambjent li jwassal għall-kompetizzjoni soda. |
(9) |
Id-disparitajiet korrenti jwasslu wkoll biex tiddgħajjef il-liġi sostantiva fuq il-proprjetà intellettwali u għall-frammentazzjoni tas-suq intern f'dan il-qasam. Dan jikkawża telf ta' fiduċja fis-suq intern fiċ-ċrieki tal-kummerċ, b'konsegwenza li jkun hemm tnaqqis fl-investiment fl-innovazzjoni u fil-kreattività. Ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jidhru li qegħdin ikunu aktar u aktar marbutin ma' kriminalità organiżżata. Iż-żieda fl-użu ta' l-Internet twassal prodotti pirati biex jitqassmu instantanjament madwar id-dinja. Infurzar effettiv tal-liġi sostantiva fuq il-proprjetà intellettwali għandhom ikunu assigurati b'azzjoni speċifika fuq livell tal-Komunità. Taqrib tal-liġi fl-Istati Membri f'dan il-qasam, hija għalhekk ħtieġa essenzali għall-funzjonament xieraq tas-suq intern. |
(10) |
L-għan ta' din id-Direttiva hija li tqarreb is-sistemi leġislattivi sabiex tassigura livell ta' protezzjoni għoli, ekwivalenti u omoġenju fis-suq intern. |
(11) |
Mhux l-għan ta' din id-Direttiva li tistabbilixxi regoli armoniżżati għall-koperazzjoni ġudizzjarja, ġurisdizzjoni, rikonoxximent u infurzar ta' deċiżjonijiet f'materji ċivili u kummerċjali, jew li tittratta mal-liġi applikabbli. Hemm strumenti tal-Komunità li jiggvernaw dawn il-materji f'termini ġenerali u huma, fil-prinċipju, ugwalment applikabbli għall-proprjetà intellettwali. |
(12) |
Din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetitizzjoni, u b'mod partikolari l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat. Il-miżuri stipulati f'din id-Direttiva m'għandhomx ikunu użati biex jirrestrinġu l-kompetizzjoni mingħajr bżonn f'manjiera li jmur kontra it-Trattat. |
(13) |
Huwa neċessarju li ssir definizzjoni ta' l-għan wiesa' kemm jista' jkun ta' din id-Direttiva ħalli tkopri d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali koperti bid-dispożizzjonijiet tal-Komunità f'dan il-qasam u/jew bil-liġijiet nazzjonali ta' l-Istat Membru konċernat. Madanakollu, dik il-ħtieġa ma taffettwax il-possibilità, fuq il-parti ta' dawk l-Istati Membri li jixtiequ, li jestendu, għall-għanijiet interni, id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva fejn jinkludu atti dwar kompetizzjoni mhux ġusta, inklużi kopji parasiti, jew attivitajiet simili. |
(14) |
Il-miżuri provduti fl-Artikoli 6(2), 8(1) u 9(2) għandhom bżonn jiġu applikati fir-rigward ta' atti li huma ta' skala kummerċjali. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-possibilità li Stati Membri japplikaw dawk il-miżuri wkoll għall-atti oħrajn. Azzjonijiet li jsiru fuq skala kummerċjali huma dawk li jsiru għall-vantaġġ ekonomiku jew kummerċjali dirett jew indirett; dawn normalment jeskludi azzjonijiet mill-aħħar konsumaturi li jaġixxu b'intenzjoni tajba. |
(15) |
Din id-Direttiva ma għandiex taffettwa il-liġi sostantiva fuq il-proprjetà intellettwali, id-Direttiva 95/46/KE ta' l-24 ta' Ottubru 1995 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' proċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' din id-data (4), id-Direttiva 1999/93/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 1999 fuq kwadru Komunitarju għall-firem elettroniċi (5) u d-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali fuq organiżazzjonijiet li joffru servizzi ta' informazzjoni, b'mod partikolari, kummerċ elettroniku, fis-suq intern (6). |
(16) |
Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva għandhom jkunu mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet partikolari dwar l-infurzar tad-drittijiet u fuq l-eċċezzjonijiet fil-qasam tad-drittijiet ta' l-awtur u drittijiet relatati iddikjarati fl-istrumenti Komunitarji u l-aktar dawk li qegħdin fid-Direttiva tal-Kunsill 91/250/KEE ta' l-14 ta' Mejju 1991 dwar il-protezzjoni legali ta' programmi tal-kompjuter (7) jew id-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2001 dwar l-armoniżazzjoni ta' ċerti aspetti tad-drittijiet ta' l-awtur u drittijiet relatati mas-soċjetà ta' l-informazzjoni (8). |
(17) |
Il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għal din id-Direttiva għandhom ikunu determinati għal kull każ b'manjiera li jiġi kkunsidrati l-karatteristiċi speċifiċi ta' dak il-każ, li jinkludu il-karatteristiċi speċifiċi ta' kull dritt ta' proprjetà intellettwali u, fejn hu xieraq, il-karattru intenzjonali jew mhux intenzjonali tal-kontravvenzjoni. |
(18) |
Il-persuni li huma ntitolati li jitolbu l-applikazzjoni ta' dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji m'għandhomx ikunu dawk biss li qegħdin iżommu id-dritt, imma wkoll dawk il-persuni li għandhom interess dirett u pożizzjoni legali sa fejn jistgħu u skond il-liġi applikabbli, li jistgħu jinkludu organiżazzjonijiet professjonali li għandhom l-inkarigu ta' dawk id-drittijiet jew għad-difiża ta' interessi kollettivi u individwali li għalihom huma jġorru ir-risponsabbilità. |
(19) |
Minħabba li d-drittijiet ta' l-awtur jeżistu sa mill-bidu tal-kreazzjoni tax-xogħol u ma tirrikjedix reġistrazzjoni formali, huwa xieraq li tiġi addotata ir-regola stipulata fl-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta' Berna, li tistabbilixxi l-preżunzjoni fejn l-awtur ta' biċċa xogħol letterarja u artistika tkun meqjusa tiegħu/tagħha jekk ismu/isimha jidher fuq il-biċċa xogħol. Preżunzjoni simili għandha tiġi applikata għall-proprjetarji ta' drittijiet relatati minħabba li ħafna drabi huwa dak li qiegħed iżomm id-dritt relatat, bħal produttur ta' fonogramm, li jfittex li jiddefendi d-drittijiet u jidħol fi ġlieda kontra azzjonijiet ta' piraterija. |
(20) |
Minħabba li l-provi huma ta' importanza kbir biex tiġi stabbilita kontrovvenzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, huwa xieraq li jiġi assigurat li l-mezzi effettivi huma disponibbli biex il-provi jiġu ppreżentati, miksuba u ppreservati. Il-proċeduri għandhom jikkunsidraw id-drittijiet tad-difiża u jipprovdu il-garanzji neċessarji, li jinkludu l-protezzjoni ta' informazzjoni kunfidenzjali. Għal kontravvenzjonijiet kommessi fuq skala kummerċjali, huwa importanti wkoll li l-qrati jistgħu jordnaw aċċess, fejn hu xieraq, għal dokumenti bankarji, finanzjarji jew kummerċjali taħt il-kontroll ta' l-allegat kontravventur. |
(21) |
Miżuri oħra mfassla biex jassiguraw livell għoli ta' protezzjoni jeżistu f'ċerti Stati Membri u għandhom ikunu disponnibbli fl-Istati Membri kollha. Dan huwa l-każ bl-informazzjoni t-tajba, li tħalli informazzjoni preċiża miksuba mill-oriġini tas-servizzi jew oġġetti tal-kontravvenzjoni, tal-mezzi tad-distribuzzjoni u l-identità tal-partijiet terzi involuti fil-kontravvenzjoni. |
(22) |
Huwa essenzali wkoll li jsiru miżuri proviżorji għat-twaqqif immedjat tal-kontravvenzjonijiet, mingħajr stennija għal deċiżjoni fuq is-sostanza tal-każ, waqt li jkunu osservati d-drittijiet tad-difiża, jiġi assigurat li l-applikazzjoni tal-miżuri proviżorji hija proporzjonali għall-karatteristiċi tal-każ in kwestjoni u jipprovdu garanziji neċessarji biex jiġu koperti l-ispejjeż u l-ħsara kkawżata lid-difiża b'talba li ma tkunx ġustifikata. Dawn il-miżuri huma partikolarment ġustifikati fejn xi stennija tista' toħloq ħsara irreparabbli fuq id-detentur tad-dritt tal-proprjetà intellettwali. |
(23) |
Mingħajr preġudizzju għal xi miżuri, proċeduri u rimedji oħra disponnibbli, il-proprjetarji tad-dritt għandhom ikollhom il-possibilità li japplikaw għall-mandat kontra xi intermedjarju li s-servizzi tiegħu qegħdin jiġu użati minn parti terza biex jiġi miksur id-dritt tal-proprjetà industrijali tad-detentur tad-drittijiet. Il-kondizzjonijiet u l-proċeduri relatati ma' dawn il-mandati għandhom jitħallew għal-liġijiet nazzjonali ta' l-Istati Membri. Safejn il-kontravvenzjonijiet tad-drittijiet ta' l-awtur u d-drittijiet relatati huma konċernati, armoniżazzjoni ta' livell komprensiv diġà jeżisti fid-Direttiva 2001/29/KE. L-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29/KE m'għandux ikun affettwat b'din id-Direttiva. |
(24) |
Waqt li jiddipendi fuq il-każ partikolari, u jekk huwa ġġustifikat biċ-ċirkostanzi, il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji li huma stipulati m'għandhomx jinkludu miżuri ta' inibizzjoni bl-għan li jipprevjenu aktar kontravvenzjonijiet tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. U iżjed, għandu jkun hemm miżuri korrettivi, fejn hu xieraq, bl-ispejjeż imorru għall-kontravventur, bħar-revokazzjoni u t-tneħħija definitiva tal-mezzi tal-kummerċ, jew destruzzjoni, ta' l-oġġetti li jikkontravjenu u, f'każijiet xierqa, tal-materjali u l-instrumenti użati prinċipalment biex joħolqu jew jimmanifatturaw dawn l-oġġetti. Dawn il-miżuri korrettivi għandhom jikkunsidraw l-interessi tal-partijiet terzi, li jinkludu, b'mod partikolari, konsumaturi u partijiet privati li aġixxew b'intenzjoni tajba. |
(25) |
Fejn il-kontravvenzjoni hija kommessa mhux intenzjonalment u mingħajr negliġenza u fejn miżuri korrettivi jew mandati stipulati f'din id-Direttiva ma kienux proporzjonati, l-Istati Membri għandhom iħallu l-għażla biex tkun possibbli, f'każijiet xierqa, għall-kumpens fi flus lill-parti li saritilha l-ħsara bħala miżura alternattiva. Madanakollu, fejn l-użu kummerċjali ta' l-oġġetti imitazzjoni jew il-provvista ta' servizzi jikkostittwixxu kontravvenzjoni ta' liġi oħra barra l-liġi tal-proprjetà intellettwali jew tista' tkun ta' ħsara għall-konsumaturi, l-użu jew l-provissta għandhom jibqgħu pprojbiti. |
(26) |
Bl-għan li jsir kumpens għall-preġudizzju soffret riżultat tal-kontravvenzjoni kommessa mill-kontravventur li daħal f'attività b'mod konxju jew b'raġunijiet validi li suppost kien jaf, li din twassal għal din il-kontravvenzjoni, l-ammont ta' ħsara konċessa lid-detentur tad-drittijiet għandha tikkunsidra l-aspetti xierqa kollha, bħal telf ta' qligħ tad-detentur tad-drittijiet jew profitti mhux ġusti magħmula mill-kontravventur u, fejn hu xieraq, xi preġudizzju morali kkawżat lid-detentur tad-drittijiet. Bħala alternattiva, per eżempju fejn huwa diffiċli biex jiġi determinat l-ammont ta' preġudizzju attwali soffert, l-ammont ta' ħsara tista' tiġi minn elementi bħalma huma royalties u ħlasijiet li ikunu jridu jitħallsu kieku l-kontravventur talab awtoriżazzjoni biex uża d-dritt tal-proprjetà intellettwali in kwestjoni. L-għan huwa li ma tiġix introdotta obbligazzjoni biex tipprovdi għall-ħsara punitiva imma biex tħalli għall-kumpens ibbażat fuq kriterji oġġettivi waqt li tikkunsidra l-ispejjeż maħluqa lid-detentur tad-drittijiet, bħal spejjeż ta' identifikazzjoni u riċerka. |
(27) |
Biex jservi ta' diterrent supplimentari għal kontravventuri futuri u biex jikkontribwixxi għal konxejntiżazzjoni tal-pubbliku in ġenerali, huwa utili li d-deċiżjonijiet ikunu ppubblikati fil-każijiet ta' kontravvenzjoni tal-proprjetà intellettwali. |
(28) |
Mal-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji civili u amministrattivi stipulati f'din id-Direttiva, sanzjonijiet kriminali jikkostitwixxu wkoll, f'każijiet xierqa, il-mezzi biex jiġi assigurat l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. |
(29) |
L-industrija għandha tieħu parti attiva fil-ġlieda kontra il-piraterija u l-ikkuppjar. L-iżvilupp ta' kodiċi ta' kondotta fiċ-ċrieki direttament affettwati hija mezz supplimentari biex jissaportja il-kwadru regolatorju. L-Istati Membri, f'kollaborazzjoni mal-Kummissjoni, għandha tinkorraġixxi l-iżvilupp ta' kodiċijiet ta' kondotta in ġenerali. Is-sorveljanza fuq il-manifatturar ta' diski ottiċi, b'mod partikolari permezz ta' kodiċi ta' identifikazzjoni imdaħħal fid-diski, fil-Komunità, tgħin biex jiġu limitati il-kontravvenzjonijiet tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali f'dan is-settur li jsofri mill-piraterija fuq skala kbira. Madanakollu, dawn il-miżuri ta' protezzjoni teknika ma għandhomx ikunu użati ħażin biex jiġi protett is-suq u jipprevjenu milli ssir importazzjoni parallela. |
(30) |
Biex tiġi faċilitata l-applikazzjoni uniformi ta' din id-Direttiva, huwa xieraq li jipprovdu sistemi ta' koperazzjoni u bdil ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri, fuq naħa waħda u bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fuq naħa oħra, b'mod partikolari bil-ħolqin ta' network ta' korrispondenti nominati mill-Istati Membri u bil-provvista ta' rapporti regolari li jistmaw l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva u l-effettività tal-miżuri meħuda mill-korpi varji nazzjonali. |
(31) |
Minħabba, għal raġunijiet diġà deskritti, l-għan ta' din id-Direttiva huwa miksub l-aħjar fuq il-livell tal-Komunità, il-Komunità tista' taddotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidarjetà msemmija fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità msemmi f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx aktar milli neċessarju biex jintlaħaq l-għan. |
(32) |
Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva il-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari bil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea. B'mod partikolari, din id-Direttiva tfittex li tassigura r-rispett sħiħ għall-proprjetà intellettwali, skond l-Artikolu 17(2) ta' dik il-Karta. |
JADDOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
IL-KAPITOLU I
L-OĠĠETTIV U L-FIRXA TA' APPLIKAZZJONI
Artikolu 1
Materja tas-suġġett
Din id-Direttiva tikkonċerna il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji biex tassigura l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva, it-terminu “diritijiet tal-proprjetà intellettwali” jinkludi id-drittijiet tal-proprjetà industrijali.
Artikolu 2
Firxa ta' applikazzjoni
1. Mingħajr preġudizzju għall-mezzi li huma jew li jistgħu jiġu pprovduti fil-Komunità jew fil-leġislazzjoni nazzjonali, sakemm dawk il-mezzi jistgħu ikunu aktar favorevoli għall-proprjetarji tad-drittijiet, il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji provduti b'din id-Direttiva għandhom japplikaw, skond l-Artikolu 3, għal kull kontravvenzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali provduti bil-liġijiet tal-Komunità u/jew bil-liġijiet ta' l-Istat Membru konċernat.
2. Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċifiċi fuq l-infurzar tad-drittijiet u fuq l-eċċezzjonijiet li qegħdin fil-leġislazzjoni tal-Komunità li jikkonċernaw id-drittijiet ta' l-awtur u drittijiet oħra relatati mad-drittijiet ta' l-awtur, l-aktar dawk li huma fid-Direttiva 91/250/KEE u, b'mod partikolari, l-Artikolu 7 tiegħu jew fid-Direttiva 2001/29/KE u, b'mod partikolari, l-Artikoli 2 sa 6 u l-Artikolu 8 tiegħu.
3. Din id-Direttiva ma għandix taffettwa:
(a) |
id-dispożizzjonijiet tal-Komunità li jiggvernaw il-liġi sostantiva dwar il-proprjetà intellettwali, id-Direttiva 95/46/KE, id-Direttiva 1999/93/KE, jew id-Direttiva 2000/31/KE, in ġenerali u b'mod partikolari fl-Artikoli 12 sa 15 tad-Direttiva 2000/31/KE; |
(b) |
l-obbligazzjonijiet internazzjonali ta' l-Istati Membri u l-aktar il-Ftehim TRIPS, li jinkludu dawk relatati mal-proċeduri kriminali u l-penalitajiet; |
(ċ) |
id-dispożizzjonijiet kollha ta' l-Istati Membri relatati ma' proċeduri kriminali jew penalitajiet fir-rigward tal-kontravvenzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. |
IL-KAPITOLU II
Il-MIŻURI, IL-PROĊEDURI U R-RIMEDJI
Sezzjoni 1
Id-Dispożizzjonijiet Ġenerali
Artikolu 3
Obbligu Ġenerali
1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji biex jiġi assigurat l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali koperti b'din id-Direttiva. Dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għandhom ikunu ġusti u m'għandhomx ikunu mhux neċessarjament kumplikati jew għaljin, jew li jwasslu għal-limiti ta' ħin mhux raġjonevoli jew dewmien mhux ordnat.
2. Dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għandhom ikun wkoll effetttivi, proporzjonati u dissważivi u għandhom ikunu applikati b'mod u manjiera li jevitaw il-ħolqien ta' barrieri biex jiġi leġitimiżżat il-kummerċ u biex jiġu provduti protezzjonijiet kontra l-abbuż tagħhom.
Artikolu 4
Il-persuni ntitolati biex japplikaw għall-applikazzjoni tal-miżuri, tal-proċeduri u tar-rimedji
1. L-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu bħala persuni intitolati biex jistgħu japplikaw għall-miżuri, għall-proċeduri u għar-rimedji li għalihom saret riferenza f'dan il-kapitolu:
(a) |
id-detenturi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali skond id-dispożizzjonijiet tal-liġi applikabbli; |
(b) |
il-persuni l-oħra kollha awtoriżżati, b'mod partikolari dawk li għandhom liċenza, safejn huwa permess u skond id-dispożizzjonijiet tal-liġi applikabbli; |
(ċ) |
is-soċjetajiet li jamministraw id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali b'mod kollettiv li huma regolarment rikonoxxuti bħala rappreżentanti tad-detenturi tad-drittijiet intellettwali, safejn hu permess u skond id-dispożizzjonijiet tal-liġi applikabbli; |
(d) |
is-soċjetajiet professjonali ta' difiża li huma regolarment rikonoxxuti bħala rappreżentanti tad-detenturi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, safejn hu permess u skond id-dispożizzjonijiet tal-liġi applikabbli; |
Artikolu 5
Il-preżunzjoni li persuna hija l-awtur jew is-sid
Bl-għan li jiġu applikati l-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji pprovduti f'din id-Direttiva,
(a) |
għall-awtur tax-xogħol letterarju jew artistiku, fin-nuqqas ta' prova kuntrarja, għandu jkun meqjus detentur, u konsegwentement ikun intitolat biex jistabbilixxi proċeduri ta' kontravvenzjoni, ikun suffiċjenti li jidher ismu/isimha fuq il-biċċa xogħol bil-mod tas-soltu; |
(b) |
id-dispożizzjoni taħt (a) għandha tapplika mutatis mutandis għad-detenturi tad-drittijiet relatati mad-drittijiet ta' l-awtur fir-rigward tal-materja dwar s-suġġett protetta tagħha. |
Sezzjoni 2
L-evidenza
Artikolu 6
L-evidenza
1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, fuq l-applikazzjoni ta' xi parti li ppreżentat evidenza raġjonevoli u suffiċjenti biex tissportja it-talba tagħha, u għandha, fis-sostanzjament ta' dawk it-talbiet, evidenza speċifika li qegħda fil-kontroll tal-parti opposta, l-awtoritajiet kompetenti ġudizzjarja jistgħu jordnaw li dik l-evidenza tiġi ppreżentata mill-parti opposta, bla ħsara għall-protezzjoni ta' informazzjoni kunfidenzjali. Għall-għanijiet ta' dan il-paragrafu, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu kampjun raġjonevoli ta' numru sostanzjali ta' kopji tal-biċċa xogħol jew ta' xi oġġett ieħor protett li jista' jiġi kkunsidrat mill-awtoritajiet kompetenti ġudizzjarji bħala evidenza raġjonevoli.
2. Taħt l-istess kondizzjonijiet, fil-każ ta' kontravvenzjoni kommessa fuq skala kummerċjali l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jgħinu l-awtoritajiet kompetenti ġudizzjarji jordnaw, fejn hu xieraq, fuq l-applikazzjoni ta' xi parti, il-komunikazzjonijet bankarji, finanzjarji jew dokumenti kummerċjali taħt il-kontroll ta' l-parti opposta, bla ħsara għall-protezzjoni ta' informazzjoni kunfidenzjali.
Artikolu 7
Il-miżuri biex tiġi ppreservata l-evidenza
1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, anke qabel ma jibdew il-proċeduri fuq il-merti tal-każ, l-awtoritajiet kompetenti ġudizzjarji jistgħu, fuq l-applikazzjoni ta' xi parti li ppreżentat evidenza raġjonevoli u li hi disponnibbli biex jissapportjaw it-talbiet tiegħu/tagħha li d-dritt tal-proprjetà intellettwali tiegħu/tagħha kienu miksura jew kienu sa jinkisru, jordnaw miżuri proviżorji immedjati u effettivi biex tiġi ippreservata l-evidenza rilevanti fir-rigward tal-kontravvenzjoni allegata, bla ħsara għall-protezzjoni ta' informazzjoni kunfidenzjali. Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu deskrizzjoni dettaljata, ma' jew mingħajr kampjuni, jew il-qabda fiżika ta' l-oġġetti li biha saret il-kontravvenzjoni, u, f'każijiet xierqa, il-materjali u l-istrumenti użati għall-produzzjoni u/jew id-distribuzzjoni ta' dawn l-oġġetti u d-dokumenti relatati magħhom. Dawk il-miżuri għandhom jittieħdu, jekk hu neċessarju mingħajr li l-parti l-oħra tkun nstemgħet, b'mod partikolari fejn dewmien jista' joħloq ħsara irreparabbli lid-detentur tad-drittijiet jew fejn hemm riskju li jista' jintwera li l-evidenza tista' tiġi destrutta.
Fejn il-miżuri biex tiġi ppreservata l-evidenza ġew addotati mingħajr ma nstemgħet il-parti l-oħra, il-partijiet affettwati għandhom ikunu notifikati, mingħajr dewmien l-aktar tard wara li tkun saret l-esekuzzjoni tal-miżuri. Reviżjoni, li tinkludi d-dritt ta' smigħ, għandha ssir fuq talba tal-partijiet affettwati bl-għan li ssir deċiżjoni, fi żmien raġjonevoli wara n-notifikazzjoni tal-miżuri, liema miżuri jiġu modifikati, revokati jew konfermati jew le.
2. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-miżuri biex tiġi ppreservata l-evidenza jistgħu jkunu bla ħsara għal talba mill-applikant għal sigurtà adegwata jew assigurazzjoni ekwivalenti intiża biex tassigura kumpens għal xi preġudizzju soffert mid-difiża bħalma hu stipulat fil-paragrafu 4.
3. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-miżuri biex tiġi ppreservata l-evidenza huma revokati jew imwaqqfa mill-jkollhom effett, fuq talba tad-difiża, mingħajr preġudizzju għall-ħsara li tista tkun mitluba, jekk l-applikant ma jieħux passi legali li jwasslu għal deċiżjoni, fi żmien raġjonevoli, quddiem l-awtorità kompetenti ġudizzjarja fuq il-merti tal-każ, il-perjodu li jrid ikun determinat mill-awtorità ġudizzjarja li tordna l-miżuri fejn il-liġi ta' l-Istat Membru tippermetti jew, fl-assenza ta' din id-determinazzjoni, fi żmien li ma jkunx aktar minn 20 ġurnata ta' xogħol jew 31 ġranet kalendarji, liema jkun l-itwal.
4. Fejn il-miżuri biex tiġi ppreservata l-evidenza huma revokati, jew fejn jiskadu minħabba xi azzjoni jew ommissjoni mill-applikant, jew fejn sussegwentement jinstab li ma kienx hemm l-ebda kontravvenzjoni jew theddida ta' kontravvenzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali, l-awtoritajiet ġudizzjarji għandhom l-awtorità li jordnaw l-applikant, fuq talba tad-difiża, li jipprovdu lid-difiża kumpens għal ħsara kkawżata b'dawk il-miżuri.
5. L-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri biex jipproteġu l-identità tax-xhieda.
Sezzjoni 3
Id-dritt għall-informazzjoni
Artikolu 8
Id-dritt għall-informazzjoni
1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, fil-kuntest tal-passi legali li jikkonċernaw il-kontravvenzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali u b'risposta għal talba ġustifikata u proporżjonali ta' min għamel il-klejm, l-awtoritajiet kompetenti ġudizzjarji jistgħu jordnaw li l-informazzjoni fuq n-networks ta' l-oriġini u tad-distribuzzjoni ta' l-oġġetti jew is-servizzi li tikser id-dritt għall-proprjetà intellettwali għandu jkun pprovdut mill-kontravventur u/jew xi persuna oħra li:
(a) |
instab f'possessjoni ta' l-oġġetti li jikkontravjenu fuq skala kummerċjali; |
(b) |
instab juża is-servizzi li jikkontravjenu fuq skala kummerċjali; |
(ċ) |
instab li qed jipprovdi fuq skala kummerċjali servizzi użati biex jagħmlu attivitajiet li jikkontravjenu; jew |
(d) |
kien indikat mill-persuna li għaliha saret riferenża fil-punti (a), (b) jew (ċ) bħala li kienet involuta fil-produzzjoni, manifattura jew distribuzzjoni ta' l-oġġetti jew tal-provvista tas-servizzi; |
2. L-informazzjoni li għaliha hemm riferenza fil-paragrafu 1, kif inhu xieraq, tikkomprendi:
(a) |
l-ismijiet u l-indirizzi tal-produtturi, manifatturi, distributuri, fornituri u detenturi oħra ta' qabel ta' l-oġġetti jew servizzi, kif wkoll intiżi l-bejjiegħa bl-ingrossa u bl-imnut; |
(b) |
informazzjoni fuq il-kwantitajiet prodotti, manifatturati, mibjugħa, mgħotija jew ordnati, kif wkoll il-prezz miksub għal dawn l-oġġetti jew servizzi in kwestjoni. |
3. Il-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet statutorji oħra li:
(a) |
jagħtu d-detentur tad-dritt biex jirċievi aktar informazzjoni sħiħa; |
(b) |
jiggvernaw l-użu tal-passi legali ċivili jew kriminali ta' l-informazzjoni kkomunikata skond dan l-Artikolu; |
(ċ) |
jiggvernaw ir-risponsabbilità ta' l-użu ħażin tad-dritt ta' l-informazzjon; jew |
(d) |
jaffordjaw opportunità li jirrifjutaw li jipprovdu l-informazzjoni li tisforza il-persuna li għaliha saret riferenza fil-paragrafu 1 biex tammetti l-parteċipazzjoni tiegħu/tagħha jew ta' familjari viċini li kien hemm kontravvenzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali; jew |
(e) |
jiggverna il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tas-sorsi ta' l-informazzjoni jew il-proċessar tad-data personali. |
Sezzjoni 4
Il-miżuri proviżorji u prekawzjonarji
Artikolu 9
Il-miżuri proviżorji u prekawzjonarji
1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-awtoritajiet ġudizzjarji jistgħu, fuq talba ta' l-applikant:
(a) |
joħorġu kontra l-kontravventur mandat interlokutorju intiż biex jipprevjeni kontravvenzjoni imminenti tad-dritt tal-proprjetà intellettwali, jew biex jipprojbixxi, fuq bażi proviżorja u bla ħsara, li jsir pagament rikorrenti tal-penalità fejn hemm provdut fil-liġi nazzjonali, il-kontinwazzjoni tal-kontravvenzjonijiet allegati ta' dak id-dritt, jew biex jagħmel dik il-kontinwazzjoni bla ħsara għal depożitu tal-garanziji intiżi biex jassiguraw il-kumpens tad-detentur tad-dritt; mandat interlokutorju jista' jinħareġ wkoll, taħt l-istess kondizzjonijiet, kontra intermedjarju li s-servizzi tiegħu qegħdin jiġu użati minn parti terzi biex issir kontravvenzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali; mandati kontra intermedjarji li s-servizzi tagħhom qegħdin jintużaw minn parti terzi biex jiksru id-drittijiet ta' l-awtur jew drittijiet relatati li jaqgħu taħt id-Direttiva 2001/29/KE; |
(b) |
jordnaw il-qabda jew il-konsenja ta' l-oġġetti suspettati li jikkontravjenu id-dritt tal-proprjetà intellettwali biex jipprevjenu d-dħul tagħhom jew il-moviment tagħhom fil-mezzi tal-kummerċ. |
2. Fil-każ ta' kontravvenzjoni kommessa fuq skala kummerċjali, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li, jekk il-parti offiża turi li hemm riskju li l-ħsara ma tistax tissewwa, l-awtoritajiet ġudizzjarji jistgħu jordnaw s-sekwestru ta' proprjetà mobbli jew mhux mobbli tal-kontravventur allegat, li jinkludu l-waqfien tal-kontijiet bankarji tiegħu/tagħha u assi oħra. Għal dak il-għan, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jordaw komunikazzjoni tal-bank, finanzarja jew dokumenti kummerċjali jew aċċess xieraq għall-informazzjoni rilevanti.
3. L-awtoritajiet ġudizzjarji għandhom, b'rispett għall-miżuri li saret riferenza għalihom fil-paragrafi 1 u 2, l-awtorità li jitolbu l-applikant li jipprovdi evidenza raġjonevoli u li hi disponibbli biex jissodisfaw lilhom nfushom bi grad suffiċenti ta' ċertezza li l-applikant huwa d-detentur tad-dritt u li d-dritt ta' l-applikant li kien kontravvenut jew li din il-kontravvenzjoni hija imminenti.
4. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-miżuri proviżorji li għalihom saret riferenza fil-paragrafi 1 u 2 jistgħu, f'każijiet li jixirqlhom, jinħarġu mingħajr ma tkun nstemgħet id-difiża, b'mod partikolari fejn xi dewmien jista' jagħmel ħsara irreparabbli lid-detentur tad-dritt. F'dan il-każ, il-partijiet għandhom ikunu infurmati mingħajr dewmien, l-aktar tard wara l-esekuzzjoni tal-miżuri.
Reviżjoni, li tista' tinkludi d-dritt tas-smigħ, għandha ssir fuq talba tad-difiża bl-għan li ssir deċiżjoni, fi żmien raġjonevoli wara n-notifikazzjoni tal-miżuri, liema miżuri jkunux modifikati, revokati jew konfermati jew le.
5. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-miżuri proviżorji li għalihom saret riferenza fil-paragrafi 1 u 2 huma revokati jew jitwaqqaf l-effett tagħhom, fuq talba tad-difiża, jekk l-applikant ma jieħux passi legali li jwasslu għal deċiżjoni, fi żmien raġjonevoli, quddiem l-awtorità ġudizzjarja kompetenti fuq il-mertu tal-każ, il-perjodu li għandu jkun determinat mill-awtorità ġudizzjarja kompetenti li jordnaw miżuri fejn il-liġi ta' l-Istat Membru tippermetti dan jew, fl-assenza ta' din id-determinazzjoni, fi żmien mhux aktar minn 20 ġurnata ta' xogħol jew 31 ġurnata kalendarja, liema jkun l-itwal.
6. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jagħmlu l-miżuri proviżorji li għalihom saret riferenza fil-paragrafi 1 u 2 bla ħsara għal dikjarazzjoni mill-applikant ta' sigurtà adegwata jew assigurazzjoni ekwivalenti intiża biex tassigura il-kumpens mingħajr preġudizzju soffert mid-difiża kif provdut mill-paragrafu 7.
7. Fejn il-miżuri proviżorji huma revokati jew jiġu preskritti minħabba xi azzjoni jew ommissjoni mill-applikant, jew fejn sussegwentement jinstab li ma kienx kontravvenzjoni jew theddida ta' kontravvenzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali, l-awtoritajiet ġudizzjarji għandhom l-awtorità li jordnaw l-applikant, fuq talba tad-difiża, li jipprovdi lid-difiża kumpens xieraq għal xi ħsara ikkawżata b'dawk il-miżuri.
Sezzjoni 5
Il-miżuri li jirriżultaw minn deċiżjoni fuq il-merti tal-każ
Artikolu 10
Il-miżuri korrettivi
1. Mingħajr preġudizzju għal xi ħsara dovuta lid-detentur tad-dritt minħabba l-kontravvenzjoni, u mingħajr kumpens ta' l-ebda tip, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jordnaw, fuq it-talba ta' l-applikant, li l-miżuri xierqa għandhom jittieħdu fir-rigward ta' l-oġġetti misjuba li jiksru d-dritt għall-proprjetà intellettwali u, f'każijiet xierqa, fir-rigward ta'materjali u strumenti prinċipalment użati biex joħolqu jew jimmanifatturaw dawk l-oġġetti. Dawn il-miżuri għandhom jinkludu:
(a) |
revokazzjoni tal-mezzi tal-kummerċ; |
(b) |
tneħħija definittiva mill-mezzi tal-kummerċ; jew |
(ċ) |
destruzzjoni. |
2. L-awtoritajiet ġudizzjarji għandhom jordnaw li dawk il-miżuri mwettqa għandhom jitħallsu mill-kontravventur, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet partikolari biex ma jsirx hekk.
3. Waqtil-kunsiderazzjoni għall-miżuri korrettivi, il-bżonn ta' proporzjonalità bejn il-gravità tal-kontravvenzjoni u r-rimedji ordnati kif wkoll l-interessi tal-partijiet terzi għandhom jiġu kkunsidrati.
Artikolu 11
Mandati
L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, fejn d-deċiżjoni ġudizzjarja hi meħuda u sabet li hemm kontravvenzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali, l-awtoritajiet ġudizzjarji jistgħu joħorġu mandat kontra kontravventur bl-għan li tipprojbixxi il-kontinwazzjoni tal-kontravvenzjoni. Fejn hemm provvidament bil-liġi nazzjonali, nuqqas ta' konformità mal-mandat għandu, fejn hu xierqa, ikun bla ħsara għall-pagament rikorrenti tal-penalità, bl-għan li jkun hemm konformità. L-Istati Membri għandhom jassiguraw wkoll li d-detenturi tad-dritt huma f'pożizzjoni biex japplikaw għall-mandat kontra l-intermedjarji li s-servizzi kienu użati minn parti terzi biex issir il-kontravvenzjoni tad-dritt tal-proprjetà interllettwali, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29/KE.
Artikolu 12
Il-miżuri alternattivi
L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li, f'każijiet xierqa u fuq it-talba tal-persuna li jista' jkun soġġett għall-miżuri msemmija f'din is-sezzjoni, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jordnaw kumpens fi flus biex tiġa mħallsa lill-parti li saritilha l-ħsara minflok jiġu applikati l-miżuri msemmija f'din is-sezzjoni jekk il-persuna tkun aġixxit mhux intenzjonalment u mingħajr negliġenza, u jekk l-esekuzzjoni tal-miżuri jikkawżawlha ħsara sproporzjonata u jekk il-kumpens fi flus lill-parti li saritilha l-ħsara tidher raġjonevolment sodisfaċenti.
Sezzjoni 6
Id-danni u spejjeż legali
Artikolu 13
Id-danni
1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti, fuq l-applikazzjoni tal-parti li sarulha d-danni, jordnaw lill-kontravventur li kien jaf jew b'raġunijiet validi li suppost kien jaf, daħal f'attività li tikkontravjeni, biex iħallas id-danni lid-detentur tad-dritt skond il-preġudizzju attwali soffert minnu/minnha riżultat tal-kontravvenzjoni.
Meta l-awtoritajiet ġudizzjarji jiffissaw id-danni:
(a) |
Għandhom jikkunsidraw l-aspetti xierqa kollha, bħall-konsegwenzi negattivi ekonomiċi, li jinkludu qliegħ mitluf, li l-parti li sarulha d-danni, xi profitti inġusti li saru mill-kontravventur u, f'każijiet xierqa, elementi barra fatturi ekonomiċi, bħall-preġudizzju morali ikkawżat lid-detentur tad-dritt bil-kontravvenzjoni. jew |
(b) |
bħala alternattiva għall-(a), huma jistgħu, f'każijiet xierqa, jistabbilixxu d-danni bħala somma waħda fuq bażi ta' l-elementi bħal għall-inqas l-ammont ta' royalties jew ħlasijiet li kieku riedu jitħallsu jekk il-kontravventur talab l-awtoriżazzjoni biex juża' id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali in kwestjoni. |
2. Fejn il-kontravventur daħal f'attività li tikkontravjenu, u ma kiex jaf jew kien jaf imma kellu raġjunijiet validi, l-Istati Membri jistgħu jistipulaw li l-awtoritajiet ġudizzjarji jistgħu jordnaw li jiġu rkuprati l-profitti jew il-pagament tad-danni, li jistgħu jkunu stabbiliti minn qabel.
Artikolu 14
L-ispejjeż legali
L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-ispejjeż legali u spejjeż oħra raġjonevoli u proprozjonati mħallsa mill-parti rebbieħa, bħala regola ġenerali, ikunu mħallsa mill-parti li tkun tilfet, sakemm jkun ekwità.
Sezzjoni 7
Il-miżuri ta' pubblikazzjoni
Artikolu 15
Il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji
L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, fil-passi legali stabbiliti għall-kontravvenzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali, l-awtoritajiet ġudizzjarji jistgħu jordnaw, fuq it-talba ta' l-applikant u jħallas il-kontravventur, miżuri xierqa għat-tixrid ta' l-informazzjoni li tikkonċerna d-deċiżjoni, li jinkludi wiri tad-deċiżjoni u pubblikazzjoni tagħha sħiħa jew parti minnha. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu miżuri ta' pubblikazzjoni addizzjonali li huma xierqa għal ċirkostanzi partikolari, li jinkludi pubblikazzjoni prominenti.
IL-KAPITOLU III
IS-SANZJONIJIET MILL-ISTATI MEMBRI
Artikolu 16
Is-sanzjonijiet mill-Istati Membri
Mingħajr preġudizzju għall-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji ċivili u amministrattivi stipulati bid-Direttivi, l-Istati Membri jistgħu japplikaw għal sanzjonijiet oħra xierqa f'każijiet fejn id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ġew kontravvenuti.
KAPITLU IV
IL-KODIĊI TA' KONDOTTA U IL-KOPERAZZJONI AMMINISTRATTIVA
Artikolu 17
Il-kodiċi ta' kondotta
L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu:
(a) |
l-iżvilupp ta' assoċjazzjonijiet jew organiżazzjonijiet kummerċjali jew professjonali tal-kodiċi tal-kondotta fuq livell ta' Komunità bl-għan li jikkontribwixxu lejn l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, partikolarment billi jirrakkomandaw l-użu ta' kodiċi fuq diski ottiċi li jwasslu għall-identifikazzjoni ta' l-oriġini tal-manifattura tagħhom; |
(b) |
is-sottomissjoni lejn il-Kummissjoni ta' abbozzi ta' kodiċi ta' kondotta fuq livell nazzjonali u Komunitarju u ta' xi evalwazzjonijiet ta' applikazzjoni ta' dawn il-kodiċi ta' kondotta. |
Artikolu 18
L-istima
1. Tlett snin wara d-data stipulata fl-Artikolu 20(1), kull l-Istat Membru għandhom jissottometti lill-Kummissjoni rapport dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva.
Fuq il-bażi ta' dawk tar-rapporti, il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fuq l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, li jinkludi stima ta' l-effettività tal-miżuri meħuda, kif wkoll ta' l-impatt fuq l-innovazzjoni u fl-iżvilupp ta' l-organiżazzjoni ta' l-informazzjoni. Dan ir-rapport għandu imbagħad ikun trasmess lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Soċjali. Dan għandu jkun akkumpanjat, jekk ikun neċessarju u fid-dawl ta' l-iżviluppi fl-ordni legali tal-Komunità, bi proposti għall-emendi lil din id-Direttiva.
2. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni l-għajnuna u l-assistenza li jista' jkollha bzonn biex jfassal ir-rapport li għalih saret riferenza fit-tieni sub-paragrafu tal-paragrafu 1.
Artikolu 19
Il-bdil ta' informazzjoni u l-korrispondenti
Bl-għan li ssir promozzjoni tal-koperazzjoni, li tinkludi il-bdil ta' informazzjoni, bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, kull Stat Membru għandu jagħżel korrispondent nazzjonali jew aktar fuq xo kwestjoni li tirrelata ma' l-implimentazzjoni tal-miżuri msemmija f'din id-Direttiva. Għandha tikkomunika id-dettalji tal-korrispondent(i) nazzjonali lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni.
IL-KAPITOLU V
ID-DISPOSIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 20
L-implimentazzjoni
1. L-Istati Membru … (*1) għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sad-29 ta' April 2006. Huma għandhom jinformaw lill-Kummissjoni bihom minnufih.
Meta l-Istati Membri jaddottaw dawn il-miżuri, huma għandhom ikollhom riferenza għad-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b'din ir-riferenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir din ir-riferenza hija stipulata mill-Istati Membri.
2. L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet tal-liġijiet nazzjonali li jaddottaw f'dan il-qasam ggvernati b'din id-Direttiva.
Artikolu 21
Id-dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-20 ġurnata wara il-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.
Artikolu 22
Destinatarji
Din id-Direttiva hija ndirizzata lill-Istati Membri.
Magħmula fi Strasburgu, fid-29 ta' April 2004.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
P. COX
Għall-Kunsill
Il-President
M. MCDOWELL
(1) ĠU C 32, tal-5.2.2004, p. 15.
(2) Opinjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Marzu 2004 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta' April 2004.
(3) ĠU L 336, tat-23.12.1994, p. 1.
(4) ĠU L 281, tat-23.11.1995, p. 31. Id-Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 (ĠU L 284, tal-31.10.2003, p. 1).
(5) ĠU L 13, tad-19.1.2000, p. 12.
(6) ĠU L 178, tas-17.7.2000, p. 1.
(7) ĠU L 122, tas-17.5.1991, p. 42. Id-Direttiva kif emendata bid-Direttiva 93/98/KEE (ĠU L 290, ta' l-24.11.1993, p. 9).
(8) ĠU L 167, tat-22.6.2001, p. 10.
(*1) Erba u għoxrin xahar wara d-data ta' adozzjoni ta' din id-Direttiva.