32004L0044

Id-Direttiva tal-kummissjoni 2004/44/KE tat-13 ta' April 2004 li temenda Direttiva 2002/69/KE li tistabbilixxi l-metodi għat-teħid ta' kampjuni u l-metodi ta' l-analiżi għall-kontroll uffiċjali tad-diossini u d-determinazzjoni ta' PCBs li jixbħu d-diossini fl-oġġetti ta' l-ikelTest b'relevanza għaż-ŻEE.

Official Journal L 113 , 20/04/2004 P. 0017 - 0018
CS.ES Chapter 13 Volume 34 P. 99 - 101
ET.ES Chapter 13 Volume 34 P. 99 - 101
HU.ES Chapter 13 Volume 34 P. 99 - 101
LT.ES Chapter 13 Volume 34 P. 99 - 101
LV.ES Chapter 13 Volume 34 P. 99 - 101
MT.ES Chapter 13 Volume 34 P. 99 - 101
PL.ES Chapter 13 Volume 34 P. 99 - 101
SK.ES Chapter 13 Volume 34 P. 99 - 101
SL.ES Chapter 13 Volume 34 P. 99 - 101


Id-Direttiva tal-kummissjoni 2004/44/KE

tat-13 ta' April 2004

li temenda Direttiva 2002/69/KE li tistabbilixxi l-metodi għat-teħid ta' kampjuni u l-metodi ta' l-analiżi għall-kontroll uffiċjali tad-diossini u d-determinazzjoni ta' PCBs li jixbħu d-diossini fl-oġġetti ta' l-ikel

(Test b'relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej,

Wara li kunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 85/591/KEE tal-20 ta' Diċembru 1985 li tirrigwarda l-introduzzjoni ta' metodi Komunitarji għat-teħid tal-kampjuni u l-analiżi għall-monitoraġġ ta' l-oġġetti ta' l-ikel maħsuba għall-konsum mill-bniedem [1], u b'mod partikolari l-Artikolu 1 tiegħu,

Billi:

(1) Id-Direttiva tal-Kummisjoni 2002/69/KE tat-30 ta' Lulju 2002 li tistabbilixxi l-metodi għat-teħid ta' kampjuni u l-metodi ta' l-analiżi għall-kontroll uffiċjali tad-diossini u d-determinazzjoni ta' PCBs li jixbħu d-diossini fl-oġġetti ta' l-ikel [2] tistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi li dwar il-proċedura tat-teħid ta' kampjuni u l-metodi ta' l-analiżi li għandhom jiġu applikati għall-kontroll uffiċjali.

(2) Għat-teħid ta' kampjuni ta' ħut kbir, hu neċessarju li t-teħid ta' kampjuni jkun speċifikat sabiex ikun żgurat approċċ armonizzat fil-Komunità kollha.

(3) Hu mill-aktar importanti li r-riżultati analitiċi jkunu rapportati u interpretati b'mod uniformi sabiex ikun żgurat approċċ ta' nfurzar armonizzat ma' l-Unjoni kollha.

(4) Id-Direttiva 2002/69/KE għandha għalhekk tiġi emendata kif jixraq.

(5) Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Animali,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness I tad-Direttiva 2002/69/KE hu emendat kif stipulat fl-Anness I ta' din id-Direttiva.

L-Anness II tad-Direttiva 2002/69/KE hu emendat kif stipulat fl-Anness II ta' din id-Direttiva.

Artikolu 2

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva mhux iktar tard minn tnax-il xahar wara li tidħol fis-seħħ. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet u tabella ta' korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, għandhom ikollhom fihom riferenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b'din ir-riferenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif trid issir din ir-riferenza.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet tal-liġijiet nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, 13 ta' April 2004.

Ghall-Kummissjoni

David Byrne

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 372, tal-31.12.1985, p. 50. Direttiva emendata mir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, tal-31.10.2003, p. 1).

[2] ĠU L 209, tas-6.8.2002, p. 5.

--------------------------------------------------

ANNESS I

Anness I tad-Direttiva 2002/69/KE huwa emendat kif ġej:

1. Fir-4 punt

"Pjanijiet għat-teħid ta' kampjuni"

, il-punt li ġej 4.1

"Dispożizzjonijiet speċifiċi rigward it-teħid ta' kampjuni ta' lottijiet li jkollhom fihom ħut sħiħ"

hu mdaħħal wara t- Tabella 2:

"4.1. Dispożizzjonijiet speċifiċi rigward it-teħid ta' kampjuni ta' lottijiet li jkollhom fihom ħut sħiħ

In-numru ta' kampjuni inkrimentali li għandhom jittieħdu mil-lott hu definit fit-Tabella 1. Il-kampjun aggregat li jgħaqqad il-kampjuni inkrimentali kollha għandu jkun mill-inqas 1 kg (ara punt 3.5).

- F'każ li lott li għandu jiġi mittieħed minnu l-kampjun ikollu fih ħut żgħir (ħut individwali li jiżen < 1 kg), il-ħut sħiħ hu meħud bħala kampjun inkrimentali biex jifforma l-kampjun aggregat. F'każ li l-kampjun aggregat li jirriżulta jiżen aktar minn 3 kg, il-kampjuni inkrimentali jistgħu jikkonsistu mill-parti tan-nofs, li kull waħda tiżen mill-inqas 100 gram, tal-ħut li jifforma l-kampjun aggregat. Il-parti sħiħa li għaliha l-livell massimu hu applikabli hi użata għall-omoġenizzazzjoni tal-kampjun.

- F'każ li l-lott li għandu jiġi mittieħed minnu il-kampjun ikollu fih ħut kbir (ħut inidividwali li jiżen aktar minn 1 kg), il-kampjun inkrimentali jikkonsisti mill-parti tan-nofs tal-ħut. Kull kampjun inkrimentali jiżen mill-anqas 100 gram. F'każ li l-lott li għandu jiġi mittieħed minnu il-kampjun jikkonsisti f'ħut kbir ħafna (eż. > 6 kg) u meta tittieħed biċċa mill-parti tan-nofs tal-ħuta jirriżulta f'danni ekonomiċi sinjifikanti, li jittieħdu 3 kampjuni inkrimentali oħra ta' mill-anqas 350 grams kull wieħed jista' jiġi kkunsidrat suffiċjenti, indipendentament mid-daqs tal-lott."

2. Punt 5

"Konformità tal-lott jew sublott mal-ispeċifikazzjoni"

hu ssostitwit b'dan li ġej:

"5. Konformità tal-lott jew sublott ma' l-ispeċifikazzjoni

Il-lott hu aċċettat jekk ir-riżultat analitiku ta' analiżi unika ma jaqbiżx il-livell massimu rispettiv kif stabbilit fir-Regolament (KE) Nru, 466/2001, wara li tiġi kkunsidrata l-inċertezza tal-kejl.

Il-lott ma jikkonformax mal-livell massimu stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 466/2001, jekk ir-riżultat analitiku ikkonfermat minn analiżi doppju u kalkulat bħala l-medja ta' mill-anqas żewġ determinazzjonijiet separati jaqbeż il-livell massimu ‘l fuq minn kull dubju raġonevoli, filwaqt li tiġi meqjusa l-inċertezza tal-kejl.

Il-qies ta' l-inċertezza tal-kejl jista' jsir skond wieħed minn dawn l-metodi li ġejjin:

- billi tikkalkula l-inċertezza mwessa', billi tuża fattur ta' koperturta ta' 2, li jagħti l-livell ta' kunfidenza ta' approssimattivament 95 %,

- billi tistabbilixxi l-limitu tad-deċiżjoni (CCα) skond id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/657/KE tat-12 ta' Awissu 2002 li timplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 96/23/KE li tikkonċerna il-prestazzjoni tal-metodi analitiċi u l-interpretazzjoni tar-riżultati [1] (punt 3.1.2.5 ta' l-Anness – il-każ ta' sustanzi b'livelli permessi stabbiliti).

L-interpretazzjoni tar-regoli preżenti tapplika għar-riżultat analitiku miksub mill-kampjun għall-kontroll uffiċjali. Fil-każ ta' analiżi għal-skopijiet ta' difiża jew arbitru, r-regoli nazzjonali japplikaw."

[1] ĠU L 221, tas-17.8.2002, p. 8. Deċiżjoni kif l-aħħar emendata bid-Deċiżjoni 2004/25/KE (ĠU L 6, ta' l-10.1.2004, p. 38).

--------------------------------------------------

ANNESS II

Anness II tad-Direttiva 2002/69/KE hi emendata kif ġej:

Is-subparagrafi li ġejjin huma miżjuda fit-tarf tal-punt 2

"Sfond"

"Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva biss, il-limitu speċifiku aċċettat tal-kwantifikazzjoni ta' congener individwali hi l-konċentrazzjoni ta' analyte fl-estratt ta' kampjun li jipprovdi risposta strumentali f'żewġ joni differenti, li għandhom jiġu sorveljati ma' S/N (sinjal/ħoss) proporzjon ta' 3:1 għas-sinjal inqas sensittiv u twettiq tal-ħtiġiet bażiċi bħal, eż., il-ħin ta' retenzjoni, l-proporzjon iżotopiku skond il-proċedura tad-determinazzjoni kif deskritta fil-metodu EPA 1613 reviżjoni B."

--------------------------------------------------