32004L0036



Official Journal L 143 , 30/04/2004 P. 0076 - 0086


Id-Direttiva 2004/36/EK tal-Parlament Ewropew u tal-kunsill

tal-21 ta' April 2004

dwar is-sigurta ta' ajruplani ta' pajjiżi terzi li jużaw ajruporti tal-Komunità

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 80(2) tiegħu,

Wara li kunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [2],

Wara li konsultaw mal-Kumitat tar-Reġjuni,

Jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [3], fid-dawl tat-test konġunt approvat mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni nhar is-26 Frar 2004,

Billi:

(1) Ir-Riżoluzzjoni dwar id-diżastru ta' l-ajru 'l barra mill-kosta tar-Repubblika Dominikana, adottata mill-Parlament Ewropew nhar il-15 ta' Frar 1996 [4], tagħti importanza lill-bżonn li l-Komunità tieħu pożizzjoni aktar attiva u li tiżviluppa strateġija sabiex ittejjeb is-sigurta taċ-ċittadini tagħha li jkunu qed jivjaġġaw bl-ajru jew li jkunu jgħixu viċin l-ajruporti.

(2) Il-Kummissjoni kienet ħarġet Komunika lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, imsejħa, "Imfissra Strateġija dwar Titjib fis-Sigurta fl-Avjazzjoni".

(3) Il-Komunika bl-aktar mod ċar tgħid illi s-sigurta tistà tiġi mtejba b'mod effettiv billi tassigura li l-ajruplani jaderixxu b'mod sħiħ mal-livelli internazzjonali tas-sigurta, li jinstabu fl-Annessi tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, firmata ġewwa Chicago nhar is-7 ta' Diċembru 1944 ("il-Konvenzjoni ta' Chicago").

(4) Sabiex tistabbilixxi u żomm livell uniformi u għoli fis-sigurta ta' l-avjazzjoni fl-Ewropa, jinhtieg atteggjament armonizzat fl-infurzar effettiv ta' livelli internazzjonali ta' sigurta ġewwa l-Komunità. Għal dak il-għan, huwa meħtieġ li jiġu armonizzati r-regoli u l-proċeduri għal spezzjonijiet ta' ajruplani ta' pajjiżi terzi li jinżlu f'ajruporti ġewwa l-Istati Membri.

(5) Permezz ta' atteggjament armonizzat ta' l-infurzar effettiv tal-livelli internazzjonali ta' sigurta mill-Istati Membri, jiġi evitat tagħwiġ fil-kompetizzjoni. Pożizzjoni komuni dwar ajruplani ta' pajjiżi terzi li jonqsu milli jaderixxu mal-livelli internazzjonali tas-sigurta tkun ta' benefiċċju għall-pożizzjoni ta' l-Istati Membri.

(6) Ajruplani li jinżlu fl-Istati Membri għandhom ikunu soġġetti għal spezzjoni, meta jkun hemm suspett li dawn ma' jkunux jaderixxu għal livelli internazzjonali ta' sigurta.

(7) L-ispezzjoni tistà ssir ukoll, skond proċedura ta' spot-check fl-assenza ta' kwalunkwe suspett partikolari, kemm-il darba l-liġi tal-Komunità u dik internazzjonali tiġi osservata. B'mod partikolari, l-ispezzjonijiet għandhom isiru b'manjiera mhix diskriminatorja.

(8) L-ispezzjonijiet għandhom jiżdiedu fil-każ ta' xi ajruplan li dwaru fil-passat ikunu ġew identifikati difetti, b'mod frekwenti, jew dwar ajruplani li jkunu jappartjenu lil xi linji ta' l-ajru li fil-passat ikunu attiraw attenzjoni b'mod frekwenti.

(9) L-informazzjoni miġbura f'kull Stat Membru, għandha tkun disponibbli lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni sabiex tassigura l-aktar moniteraġġ effiċjenti rigward il-konformità ta' ajruplani ta' pajjiżi terzi, ma' livelli internazzjonali ta' sigurta.

(10) Għal dawn ir-raġunijiet, hemm bżonn li tiġi stabbillita proċedura, fuq livell tal-Komunità, dwar stima ta' ajruplani ta' pajjiżi terzi u mekkaniżmi relattati ta' kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri, sabiex isir skambju ta' l-informazzjoni.

(11) In-natura sensittiva ta' l-informazzjoni relattata mas-sigurta teħtieġ li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa, skond il-liġi nazzjonali tagħhom, sabiex jassiguraw il-kunfidenzalita xierqa dwar l-informazzjoni li jirċievu.

Bla ħsara għad-dritt ta' aċċess li l-pubbliku għandu għad-dokumenti tal-Kummissjoni, kif stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 May 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni [5], il-Kummissjoni għandha taddotta miżuri għat-tixrid ta' din l-informazzjoni u l-kundizzjonijiet assoċjati, lil partijiet interessati.

(13) Ajruplani li fuqhom ikunu meħtieġa miżuri korrettivi għandhom, meta n-nuqqasijiet identifikati jkunu perikolużi għas-sigurta b'mod ċar, jinżammu milli jittajru sakemm ma jitrangax in-nuqqas ta' konformita ma' livelli internazzjonali.

(14) Il-faċilitajiet fl-ajruport ta' l-ispezzjoni għandhom ikunu b'tali mod li l-awtorita kompetenti tkun obbligata li tawtorizza l-ajruplan sabiex itir lejn l-ajruport xieraq, kemm-il darba jkunu ġew sodisfatti l-kundizzjonijiet dwar it-trasferiment accertat.

(15) Sabiex tkun tistà tesegwixxi l-ħidma tagħha taħt din id-Direttiva, l-Kummissjoni għandha tkun meghjuna minn kumitat imwaqqaf permezz ta' l-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 tas-16 ta' Diċembru 1991 dwar l-armonizzazzjoni tal-ħtiġijiet ta' natura teknika u l-proċeduri ta' natura amministrattiva fil-qasam ta' l-avjazzjoni ċivili [6].

(16) Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva għandhom ikunu addottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju ta' l-implimentazzjoni tal-poteri mgħoddija lill-Kummissjoni [7].

(17) Il-Kummissjoni għandha tħalli għad-dispożizzjoni tal-Kumitat imwaqqaf permezz ta' l-Artikolu 12 tar-Regolament (KEE) Nru 3922/91, l-istatistika u l-informazzjoni miġbura, in-konformita ma' miżuri oħra tal-Komunità, li jikkonċernaw inċidenti speċifiċi li jistgħu jkunu rilevanti sabiex jinkixfu n-nuqqasijiet li jkunu ta' theddida għas-sigurta fl-avjazzjoni ċivili.

(18) Huwa meħtieġ li jiġu kunsidrati l-iskambji ta' kooperazzjoni u informazzjoni, li jkunu qed iseħħu fil-qafas ta' l-Awtoritajiet Konġunti dwar l-Avjazzjoni (AKA) u l-Konferenza Ewropea dwar l-Avjazzjoni Ċivili (KEAĊ). Fl-istess hin, għandu jsir l-iktar użu possibli ta' l-esperti eżistenti fil-proċeduri ta' l-Istima dwar is-Sigura ta' Ajruplani Barranin (SSAB).

(19) Għandu jittieħed kont tas-sehem ta' l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurta fl-Avjazzjoni (AESA), fil-politika dwar l-avjazzjoni ċivili, inkluż it-twaqqif ta' proċeduri li l-għan tagħhom huwa li jistabbilixu u jsostnu livell għoli u uniformi ta' sigurta fl-avjazzjoni ċivili ġewwa l-Ewropa.

(20) Ġew mifthiema, arranġamenti għal kooperazzjoni akbar dwar l-użu ta' l-ajruport ta' Ġibilta, ġewwa Londra, nhar it-2 ta' Diċembru 1987 mir-Renju ta' Spanja u r-Renju Unit, permezz ta' dikjarazzjoni konġunta mill-Ministeri għall-Affarijiet Barranin taż-żewġ pajjiżi, u dawn l-arranġamenti għad iridu jidħlu fis-seħħ,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Skop u Objettiv

1. Fil-qafas ta' l-istrateġija globali tal-Komunità sabiex tistabbilixxi u żomm livell għoli u uniformi tas-sigurta fl-avjazzjoni ċivili fl-Ewropa, din id-Direttiva tintroduċi atteggjament armonizzat għall-infurzar effettiv tal-livelli internazzjonali ta' sigurta, ġewwa l-Komunità, billi jiġu armonizzati r-regoli u l-proċeduri għall-ispeżżjonijiet fuq ajruplani ta' pajjiżi terzi li jitniżżlu f'ajruporti li jinsabu fl-Istati Membri.

2. Din id-Direttiva għandha tkun bla ħsara għad-dritt ta' l-Istati Membri li jagħmlu spezzjonijiet m'humiex koperti b'din id-Direttiva u sabiex iżommu milli jittajru, jipprojbixxu jew jimponu kundizzjonijiet fuq kwalunkwe ajruplan li jitniżżel fl-ajruporti tagħhom skond il-liġi tal-Komunità jew dik internazzjonali.

3. Ajruplani ta' l-Istat, kif imfissra fil-Konvenzjoni ta' Chicago, u ajruplani li l-piż massimu tagħhom waqt it-tluq huwa anqas minn 5700 kg meta m'humiex imqabbdin biex jaħdmu fi trasport kummerċjali ta' l-ajru, huma esklużi għall-iskop ta' din id-Direttiva.

4. L-applikazzjoni ta' din id-Direttiva għall-ajruport ta' Ġibilta hija maħsuba sabiex tkun bla ħsara għall-posizzjonijiet legali tar-Renju ta' Spanja u r-Renju Unit rigward tilwim dwar is-sovranita fuq it-territorju li fih ikun jinsab l-ajruport.

5. L-applikazzjoni ta' din id-Direttiva għall-ajruport ta' Ġibilita għandha tkun sospiża sakemm jidħlu fis-seħħ l-arranġamenti tad-Dikjarazzjoni Konġunta magħmula mill-Ministri ta' l-Affarijiet Barranin tar-Renju ta' Spanja u tar-Renju Unit nhar it-2 ta' Diċembru 1987. Il-Gvernijiet ta' Spanja u tar-Renju Unit jinfurmaw lill-Kunsill dwar id-data tad-dħul fis-seħħ.

Artikolu 2

Tifsiriet

Bil-għan ta' din id-Direttiva:

(a) "żamm milli jittajru" ifisser il-projbizzjoni formali sabiex ajruplan jitlaq minn ajruport, u teħid ta' dawk il-passi li huma meħtieġa li jżommuh;

(b) "livelli internazzjonali ta' sigurta" ifisser il-livelli ta' sigurta li jinsabu fil-Konvenzjoni ta' Chicago u l-Annessi tagħha, kif ikunu fis-seħħ fiż-żmien li ssir l-ispezzjoni;

(ċ) "spezzjoni" tfisser l-eżaminar ta' ajruplani ta' pajjiżi terzi skond l-Anness II;

(d) "ajruplan ta' pajjiżi terzi" ifisser ajruplan li ma jkunx użat jew operat taħt l-awtorita kompetenti ta' Stat Membru.

Artikolu 3

Ġbir ta' informazzjoni

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu mekkaniżmu sabiex jiġbru kwalunkwe informazzjoni bżonnjuża sabiex jintlaħaq l-objettiv imsemmi fl-Artikolu 1, inkluż:

(a) informazzjoni importanti dwar sigurta, partikolarment, permezz ta':

- rapporti pilota,

- rapporti dwar organizazzjoni ta' manutenzjoni,

- rapporti dwar inċidenti,

- organizazzjonijiet oħra, indipendenti mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri,

- ilmenti;

(b) informazzjoni dwar azzjoni meħuda wara spezzjoni, bħall:

- ajruplan miżmum milli jtir,

- ajruplan jew operatur miżmum mill-Istat Membru konċernat,

- azzjoni korrettiva meħtieġa,

- kuntatti ma' l-awtorita kompetenti ta' l-operatur;

(ċ) informazzjoni dwar x'għandu jsegwi, li jikkonċerna l-operatur, bħal:

- l-azzjoni korrettiva implimentata,

- ripetizzjoni tad-diskrepanza

Din l-informazzjoni għandha tinżamm, bl-użu ta' rapport fil-forma standard, li jkun fih l-oġġetti deskritti, fil-forma mfassla fl-Anness I.

Artikolu 4

Spezzjoni

1. Kull Stat Membru, għandu jistabbilixxi l-mezzi xierqa sabiex jaccerta illi ajruplani ta' pajjiżi terzi li dwarhom ikun hemm suspett ta' nuqqas ta' konformita mal-livelli internazzjonali dwar sigurta, li jitniżżlu fi kwalunkwe ajruport tagħhom miftuħa għal traffiku internazzjonali ta' l-ajru, għandhom ikunu soġġetti għal spezzjoni. Fl-implimentazzjoni ta' dawn il-proċeduri, għandha tingħata attenzjoni partikolari mill-awtorita kompetenti, lill-ajruplani:

- f'kazi ta' informazzjoni li tindika manutenzjoni fqira, jew difetti u dannu ovvju;

- li jkunu ġew rappurtati li għamlu manuvri mhux normali, mad-dħul fi spazju ta' l-ajru ta' Stat Membru, u li jagħtu lok għal tħassib serju dwar is-sigurta;

- li dwarhom tkun fuq spezzjoni li tkun saret qabel, ikun instabu nuqqasijiet li jagħtu lok għal tħassib serju, li l-ajruplan ma jikkonformax ma' livelli internazzjonali ta' sigurta, u fejn l-Istat Membru ikollu tħassib dwar il-fatt li dawn id-difetti setgħu ma ġewx korretti;

- meta jkun hemm evidenza li l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż ta' reġistrazzjoni ma jkunux qegħdin jeżerċitaw l-attenzjoni xierqa; jew

- meta l-informazzjoni miġbura taħt l-Artikolu 3 tagħti lok għal tħassib dwar l-operatur jew fejn ikunu riżultaw nuqqasijiet fi spezzjoni li tkun diġa saret fuq ajruplan użat mill-istess operator;

2. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu regoli sabiex jagħmlu spezzjonijiet skond il-proċedura ta' spot-check fl-assenza ta' kwalunkwe suspett partikolari, kemm-il darba dawn ir-regoli jkunu konformi mal-liġi tal-Komunità u dik internazzjonali. Din il-proċedura għandha, iżda, ssir b'mezzi m'humiex diskriminatorji.

3. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li jiġu implimentati spezzjonijiet xierqa u miżuri oħrajn ta' sorveljanza kif deċiż fil-qafas ta' l-Artikolu 8(3).

4. L-ispezzjoni għandha ssir skond il-proċedura deskritta fl-Anness II u trid tintuża l-formola dwar ir-rapport ta' l-ispezzjoni, u li jkun fiha ta' lanqas l-oġġetti deskritti fl-Anness II. Malli tkun tlestiet l-ispezzjoni, il-kmandant ta' l-ajruplan jew rappreżentant ta' l-operatur ta' l-ajruplan, għandu jiġi infurmat dwar is-sejbiet fl-ispezzjoni u, jekk ikunu nstabu difetti sinifikanti, r-rapport għandu jintbagħat lill-operatur ta' l-ajruplan u ta' l-awtoritajiet kompetenti konċernati.

5. Meta l-awtorita kompetenti tkun qiegħda tagħmel spezzjoni taħt din id-Direttiva, għandha tagħmel dawk l-isforzi kollha possibbli sabiex tevita dewmien mhux raġonevoli, mill-ajruplan spezzjonat.

Artikolu 5

Skambju ta' informazzjoni

1. L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom jipparteċipaw fi skambju konġunt ta' informazzjoni. Din l-informazzjoni għandha, fuq talba ta' l-awtorita kompetenti, tinkludi lista ta' ajruporti ta' l-Istati Membri konċernati li huma miftuħin għal traffiku internazzjonali ta' l-ajru, b'indikazzjoni għal kull sena kalendarja, tan-numru ta' spezzjonijiet li jkunu saru u n-numru ta' movimenti ta' ajruplani ta' pajjiżi terzi f'kull ajruport fuq dik il-lista.

2. Kull rapport standard li għalih saret referenza fl-Artikolu 3 u r-rapport dwar l-ispezzjoni li għalih saret referenza fl-Artikolu 4(4), għandhom mingħajr dewmien ikunu disponibbli għall-Kummissjoni u, fuq talba tagħhom, lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri u lill-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurta fl-Avjazzjoni (AESA).

3. Kulmeta r-rapport standard juri l-eżistenza ta' xi theddida potenzali għas-sigurta, jew ir-rapport ta' l-ispezzjoni juri li l-ajruplan mhux konformi mal-livelli internazzjonali tas-sigurta u li jista' jkun ta' theddida potenzali għas-sigurta, r-rapport jiġi komunikat mingħajr dewmien lil kull awtorita kompetenti ta' l-Istati Membri u lill-Kummissjoni.

Artikolu 6

Protezzjoni u t-tixrid ta' informazzjoni

1. L-Istati Membri għandhom, skond il-leġislazzjoni tagħhom, jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jassiguraw il-kunfidenzalita xierqa ta' l-informazzjoni riċevuta minnhom taħt l-Artikolu 5. Għandhom jużaw din l-informazzjoni bil-għan ta' din id-Direttiva biss.

2. Il-Kummissjoni għandha tippubblika, kull sena, rapport dwar l-informazzjoni miġbura, disponibbli lill-pubbliku u lill-partijiet interessati ta' l-industrija, liema rapport ikun fih analiżi ta' l-informazzjoni kollha riċevuta skond l-Artikolu 5. Dik l-analiżi għandha tkun sempliċi u faċli biex tinftihem u għandha tindika jekk teżistix idea fir-riskju għall-passiġġieri bl-ajru. F'din l-analiżi għandu jinżamm mistur is-sors ta' dik l-informazzjoni.

3. Bla ħsara għad-dritt ta'aċċess lill-pubbliku, għad-dokumenti tal-Kummissjoni kif stabbillit fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001, il-Kummissjoni għandha taddotta, fuq inizjattiva tagħha stess, u skond il-proċedura li għaliha saret riferenza fl-Artikolu 10(2), miżuri dwar it-tixrid lill-partijiet interessati, ta' l-informazzjoni li għaliha saret riferenza fil-paragrafu 1 u tal-kundizzjonijiet assoċjati miegħu. Dawn il-miżuri li jistgħu ikunu ġenerali jew individwali, għandhom ikunu bażati skond il-bżonn:

- li tipprovdi lill-persuni u organizzazzjonijiet bl-informazzjoni li jinħtieġu sabiex itejbu s-sigurta fl-avjazzjoni ċivili;

- li tillimita t-tixrid ta' l-informazzjoni, safejn huwa strettament meħtieġ għall-għanijiet ta' l-utendi tiegħu, sabiex tassigura l-kunfidenzalita xierqa ta' dik l-informazzjoni.

4. Kulmeta l-informazzjoni dwar in-nuqqasijiet fl-ajruplani tingħata volontarjament, għandhu jiġi mistur is-sors ta' dik l-informazzjoni fir-rapport ta' l-ispezzjoni li għalih saret riferenza fl-Artikolu 4(4);

Artikolu 7

Żamma ta' ajruplani

1. Meta n-nuqqas ta' konformita mal-livelli internazzjonali tas-sigurta jkunu, b'mod ċar, ta' periklu għas-sigurta tat-titjira, għandhom jittieħdu miżuri mill-operatur ta' l-ajruplan sabiex jitranġaw dawk in-nuqqasijiet qabel it-tluq. Jekk l-awtorita kompetenti li tkun qiegħda tagħmel l-ispezzjoni ma tkunx sodisfatta illi l-azzjoni korrettiva tkun ser tittieħed qabel it-tluq, għandha żżomm dak l-ajruplan milli jitlaq sakemm jitneħħa l-periklu u għandha immedjatament tinforma lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-operatur konċernat u lill-Istat ta' reġistrazzjoni ta' l-ajruplan.

2. L-awtorita kompetenti ta' l-Istat Membru li jkun qiegħed jagħmel l-ispezzjoni tista', b'koordinazzjoni ma' l-Istat responsabbli mill-operat ta' l-ajruplan konċernat jew l-Istat ta' reġistrazzjoni ta' l-ajruplan, tippreskrivi il-kundizzjonijiet meħtieġa li taħthom jista' jitħalla jittajjar l-ajruplan lejn ajruport li fih jistgħu jiġu korretti n-nuqqasijiet. Jekk in-nuqqas jaffettwa l-validita taċ-ċertifikat tal-validita ta' titjir ta' l-ajruplan, iż-żamma milli jtir, jista' biss jitneħħa jekk l-operatur jakkwista permess mill-Istat jew Stati li fuqhom ikun ser jittajjar l-ajruplan f'dik it-titjira.

Artikolu 8

Titjib fis-sigurta u miżuri ta' implimentazzjoni

1. L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni, dwar il-miżuri ta' operazzjoni meħuda sabiex jiġu implimentati l-ħtiġijiet ta' l-Artikoli 3, 4 and 5.

2. Abbażi ta' l-informazzjoni miġbura taħt il-paragrafu 1, il-Kummissjoni tistà', skond il-proċedura li għaliha saret riferenza fl-Artikolu 10(2), tieħu kwalunkwe miżuri xierqa sabiex tiffaċilita l-implimentazzjoni ta' l-Artikoli 3, 4 u 5, fosthom li:

- tistabbilixxi lista ta' l-informazzjoni li trid tinġabar;

- tagħti dettall tal-kontenut ta', u l-proċeduri għall-ispezzjonijiet;

- tiddefinixxi l-format, għaż-żamma u t-tifrix tad-data;

- toħloq jew tappoġġja lill-korpi xierqa, dwar it-tmexxija jew l-operat tal-għodod meħtieġa għall-ġbir u l-iskambju ta' l-informazzjoni.

3. Abbażi ta' l-informazzjoni riċevuta taħt l-Artikoli 3, 4 u 5, u skond il-proċedura li għaliha saret riferenza fl-Artikolu 10(2), tistà tittieħed deċiżjoni dwar spezzjoni xierqa u miżuri oħra ta' sorveljanza, partikolarment dawk ta' operatur speċifiku jew ta' operaturi ta' pajjiż terz speċifiku, sakemm tkun għadha pendenti deċiżjoni mill-awtorita kompetenti ta' dak il-pajjiż terz, dwar arranġamenti sodisfaċenti għall-miżuri korrettivi.

4. Il-Kummissjoni tistà tieħu kwalunkwe miżuri xierqa sabiex tikkoopera ma' u tghin pajjiżi terzi sabiex itejbu il-kapaċitajiet tagħhom dwar is-sigurta fl-avjazzjoni.

Artikolu 9

Imposizzjoni ta' projbizzjoni jew kundizzjonijiet fuq l-operat

Jekk Stat Membru jiddeċiedi li jipprojbixxi mill-ajruport tiegħu, jew jimponi kundizzjonijiet dwar hidma ta' operatur jew operaturi speċifiċi ta' pajjiż terz, meta tkun għadha pendenti deċiżjoni mill-awtorita kompetenti ta' dak il-pajjiż terz dwar arranġamenti sodisfaċenti għall-miżuri korrettivi:

(a) dak l-Istat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar il-miżuri li jkunu ttieħdu, u l-Kummissjoni għandha tgħaddi l-informazzjoni lill-Istati Membri l-oħrajn;

(b) il-Kummissjoni li tkun qed taġixxi skond il-proċedura li għaliha saret riferenza fl-Artikolu 10(3), tistà tagħti dawk ir-rakkmandazzjonijiet u tieħu dawk l-azzjonijiet li tikkunsidra meħtieġa; f'dan is-sens tistà testendi l-miżuri notifikati taħt (a), wara s-sottomissjoni ta' abbozz dwar il-miżuri li jridu jittieħdu skond il-proċedura li għaliha saret riferenza fl-Artikolu 10(2).

Artikolu 10

Proċedura tal-Kumitat

1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn Kumitat stabbilit permezz ta' l-Artikolu 12 tar-Regolament (KEE) Nru 3922/91.

2. Fejn issir riferenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, wara li jkunu kunsidrati d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu ta' żmien preskritt fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' tliet xhur.

3. Fejn issir riferenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, wara li jkunu kunsidrati d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

4. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli tiegħu ta' proċedura.

5. Il-Kumitat jistà, inoltre, jkun ikkonsultat mill-Kummissjoni dwar kwalunkwe materja oħra li għandha x'taqsam ma' l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

Artikolu 11

Implimentazzjoni

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ dawk il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sat-30 ta' April 2006. Għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandu jkollhom riferenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b'din ir-riferenza fl-okkażżjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi dwar kif issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

Artikolu 12

Emenda fl-L-Annessi

L-Annessi ta' din id-Direttiva jistgħu jiġu emendati skond il-proċedura li għalihom saret riferenza fl-Artikolu 10(2).

Artikolu 13

Rapport

Sat-30 ta' April 2008, il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, u b'mod partikolari l-Artikolu 9, li, inter alia, jieħu in-konsiderazzjoni l-iżviluppi fil-Komunità u l-fora internazzjonali. Ir-rapport jistà jkun akkumpanjat bi proposti għall-emendi għal din id-Direttiva.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 15

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmulha fi Strasburg, fil-21 ta' April 2004.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

P. Cox

Għall-Kunsill

Il-President

D. Roche

[1] ĠU C 103 E, tat-30.4.2002, p. 351.

[2] ĠU C 241, tas-7.10.2002, p. 33.

[3] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Settembru 2002 (ĠU C 272 E, tat-13.11.2003, p. 343), u l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2003 (ĠU C 233 E, tat-30.09.2003, p.12) u l-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ottubru 2003 (għadha mhix ippublikata fil-Ġurnal Uffiċċjali). Riżoluzzjoni leġislattiva tal-Parlament Ewropew ta' l-1 ta' April 2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-30 ta' Marzu 2004.

[4] ĠU C 65, ta' l-4.3.1996, p. 172.

[5] ĠU L 145, tal-31.5.2001, p. 43.

[6] ĠU L 373, tal-31.12.1991, p. 4. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat permezz tar-Regolament (KE) Nru 1592/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 240, tas-7.9.2002, p. 1).

[7] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

--------------------------------------------------

L-ANNESS 1

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------

L-ANNESS II

I. L-ispezzjoni għandha tkopri dawn aspetti kollha li ġejjin, jew x'uħud minnhom, (skond iż-żmien disponibbli).

1. Ara jekk hemmx il-preżenza u l-validita tad-dokumenti meħtieġa għal titjiriet internazzjonali bħall: ċertifikat ta' reġistrazzjoni, log book, ċertifikat dwar is-siwi fl-ajru, il-liċenzji ta' l-ekwipaġġ, liċenzja tar-radju, lista ta' passiġġieri u t-tagħbija.

2. Ara li l-kompożizzjoni ta' l-ekwipaġġ tat-titjira u l-kwalifiki huma konformi mal-ħtiġijiet ta' l-Anness 1 u l-Anness 6 tal-Konvenzjoni ta' Chicago (ICAO annessi).

3. Ara d-dokumentazzjoni ta' operazzjoni (data tat-titjira, il-pjan operazzjonali tat-titjira, log tekniku), u tal-preparazzjoni meħtieġa għat-titjira li turi li t-titjira hi preparata skond l-Annessi 6 ta' l-ICAO.

4. Ara il-preżenza u l-istatus ta' l-oġġetti meħtieġa għan-navigazzjoni internazzjonali skond l-Anness 6 ICAO.

- Ċertifikat ta' l-operatur ta' l-ajru.

- Ċertifikat tal-ħoss u l-emissjoni.

- Manwal ta' l-operazzjoni (inkluża l-Lista Minima tat-tagħmir) u l-manwal tat-titjira.

- Tagħmir tas-sigurtà.

- Tagħmir tas-sigurtà fil-kabina.

- Tagħmir meħtieġ għat-titjira speċifika inkluż il-komunikazzjoni tar-radju u t-tagħmir tan-navigazzjoni tar-radju.

- Reġistrazzjonijiet tad-data tat-titjira.

5. Ara li l-kundizzjoni ta' l-ajruplan u t-tagħmir tiegħu (inkluż id-danni u t-tiswijiet) jassiguraw konformita mal-livelli ta' l-Anness 8, ICAO.

II. Għandu jsir rapport ta' l-ispezzjoni wara li ssir l-ispezzjoni u li għandu jinkludi l-informazzjoni ġenerali standard deskritta hawn fuq u l-lista ta' oġġetti li jkunu ġew iċċekkjati, flimkien ma' indikazzjoni ta' kwalunkwe nuqqasijiet li jkunu nstabu għal kull wieħed minn dawn l-oġġetti u/jew kwalunkwe rimarki speċjali li jistgħu jkunu meħtieġa.

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------