30.5.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

127


AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2004/551/PESK

tat-12 ta' Lulju 2004

dwar l-istabbiliment ta' l-Aġenzija tad-Difiża Ewropea

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 14 tiegħu,

Billi:

(1)

Fid-19-20 ta' Ġunju 2003 il-Kunsill Ewropew f'Salonika nkariga lill-“korpi xierqa tal-Kunsill li jieħdu l-azzjonijiet meħtieġa sabiex joħolqu, matul l-2004, aġenzija intergovernattiva fil-qasam ta' l-iżvilupp tal-kapaċitajiet tad-difiża, tar-riċerka, ta' l-akkwist u ta' l-armamenti”.

(2)

L-Istrateġija ta' Sigurtà Ewropea approvata mill-Kunsill Ewropew tidentifika l-istabbiliment ta' Aġenzija tad-Difiża bħala element importanti fl-iżvilupp ta' riżorsi militari Ewropej aktar flessibli u effiċjenti.

(3)

L-Aġenzija tad-Difiża Ewropea (“Aġenzija”), li għandha tkun soġġetta għall-awtorità tal-Kunsill u miftuħa għall-parteċipazzjoni ta' l-Istati Membri kollha, timmira li tiżviluppa l-kapaċitajiet ta' difiża fil-qasam ta' l-immaniġjar ta' kriżijiet, li tippromwovi u tkabbar il-koperazzjoni Ewropea dwar l-armamenti, li ssaħħaħ il-bażi industrijali u teknoloġika tad-difiża Ewropea (DTIB) u toħloq suq Ewropew kompetittiv tat-tagħmir għad-difiża, kif ukoll tippromovi, flimkien ma' l-attivitajiet ta' riċerka tal-Komunità fejn xieraq, ir-riċerka mmirata lejn tmexxija fit-teknoloġiji strateġiċi għall-kapaċitajiet tal-ġejjieni ta' difiża u sigurtà, u b'hekk issaħħaħ il-potenzjal industrijali ta' l-Ewropa f'dan il-qasam.

(4)

Għandhom jiġu proposti politiki u strateġiji rilevanti, fejn xieraq b'konsultazzjoni mal-Kummissjoni u l-industrija, sabiex il-DTIB Ewropea tiġi żviluppata b'mod bilanċjat, filwaqt li żżomm kont ta' l-elementi ta' saħħa tal-kapaċitajiet industrijali ta' l-Istati Membri.

(5)

L-istabbiliment ta' l-Aġenzija għandu jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK), b'mod partikolari l-Politika Ewropea ta' Sigurtà u Difiża (PESD).

(6)

Aġenzija bħal din hija prevista wkoll fl-abbozz tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa.

(7)

L-istruttura ta' l-Aġenzija għandha tagħtiha s-setgħa li twieġeb għall-ħtiġijiet ta' l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u fejn ikun meħtieġ biex twettaq il-funzjonijiet tagħha li tikkopera ma' Stati terzi, organizzazzjonijiet u entitajiet.

(8)

L-Aġenzija għandha tiżviluppa relazzjonijiet tax-xogħol mill-qrib ma' komposizzjonijiet, gruppi u organizzazzjonjiet li diġa jeżistu bħal Letter of Intent (LoI), Organisation de Coopération conjointe en matière d' Armement (OCCAR) u Western European Armaments Group (WEAG)/Western European Armaments Organisation (WEAO), bil-għan ta' assimilazzjoni jew inkorporazzjoni ta' prinċipji u prattiċi rilevanti kif xieraq.

(9)

Is-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli (SG/RGħ), skond l-Artikolu 26 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), għandu jkollu rwol prinċipali fl-istruttura ta' l-Aġenzija u għandu jipprovdi l-konnessjoni essenzjali bejn l-Aġenzija u l-Kunsill.

(10)

Fl-eżerċizzju tar-rwol tiegħu ta' superviżjoni politika u definizzjoni ta' politika, il-Kunsill għandu joħroġ linji gwida lill-Aġenzija.

(11)

Meta jkun qed jadotta linji gwida u deċiżjonijiet b'konnessjoni max-xogħol ta' l-Aġenzija, il-Kunsill għandu jiltaqa' fil-komposizzjoni ta' Ministri tad-Difiża.

(12)

Kwalunkwe linji gwida jew deċiżjonijiet adottati mill-Kunsill b'konnessjoni max-xogħol ta' l-Aġenzija għandhom ikunu mħejjija skond l-Artikolu 207 tat-Trtattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

(13)

Ma għandhomx jiġu milquta l-kompetenzi tal-korpi preparatorji u konsultattivi tal-Kunsill, partikolarment dawk tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti skond l-Artikolu 207 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, il-Kumitat tal-Politika u s-Sigurtà (PSC) u l-Kumitat Militari ta' l-UE (EUMC).

(14)

Id-Diretturi Nazzjonali ta' l-Armamenti (NAD) għandhom, b'mod li jrid jkun definit, jirċievu rapporti u jikkontribwixxu fi kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħhom fit-tħejjija ta' deċizjonijiet tal-Kunsill konnessi ma' l-Aġenzija.

(15)

L-Aġenzija għandha jkollha l-personalità ġuridika meħtieġa biex twettaq il-funzjonijiet tagħha u tilħaq l-għanijiet tagħha, filwaqt li żżomm kuntatti mill-qrib mal-Kunsill u tirrispetta b'mod sħiħ ir-responsabbiltajiet ta' l-Unjoni Ewropea u ta' l-istituzzjonijiet tagħha.

(16)

Għandu jiġi previst li l-budgets amministrati mill-Aġenzija jistgħu, fuq bażi ta' każ b'każ, jirċievu kontribuzzjonijiet għall-ispejjeż li ma humiex amministrattivi, mill-budget ta' l-Unjoni Ewropea, bir-rispett sħiħ tar-regoli, proċeduri u proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet applikabbli għaliha, inkluż l-Artikolu 28(3) TUE.

(17)

L-Aġenzija, waqt li tkun miftuħa għall-parteċipazzjoni ta' l-Istati Membri kollha, għandha tipprovdi wkoll għall-possibbiltà li gruppi speċifiċi ta' Stati Membri jistabbilixxu proġetti jew programmi ad hoc.

(18)

L-Aġenzija għandha jkollha proċeduri ta' teħid ta' deċiżjonijiet li jippermettulha twettaq il-kompiti tagħha b'mod effiċjenti, filwaqt li tirrispetta l-politiki nazzjonali ta' sigurta' u difiża ta' l-Istati Membri parteċipanti.

(19)

L-Aġenzija għandha twettaq il-missjoni tagħha skond l-Artikolu 3 TUE u b'rispett sħiħ ta' l-Artikolu 47 tat-TUE.

(20)

L-Aġenzija għandha taġixxi b'konformità sħiħa ma' l-istandards u r-regoli ta' sigurtà ta' l-UE.

(21)

Skond l-Artikolu 6 tal-Protokoll dwar il-posizzjoni tad-Danimarka mehmuż mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka ma tipparteċipax fl-elaborazzjoni u l-implimentazzjoni ta' deċiżjonijiet u azzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea li għandhom implikazzjonijiet ta' difiża. Għalhekk id-Danimarka ma ħaditx sehem fl-elaborazzjoni u l-adozzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta u ma għandiex tkun marbuta biha,

ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

KAPITOLU I

L-ISTABBILIMENT, IL-MISSJONI U L-KOMPITI TA' L-AĠENZIJA

Artikolu 1

Stabbiliment

1.   Aġenzija fil-qasam ta' l-iżvilupp ta' kapaċitajiet tad-difiża, tar-riċerka, ta' l-akkwist u ta' l armamenti (l-Aġenzija tad-Difiża Ewropea), minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Aġenzija”, hija hawnhekk stabbilita.

2.   L-Aġenzija għandha taġixxi taħt l-awtorità tal-Kunsill, b'appoġġ għall-PESK u l-PESD, fil-qafas istituzzjonali waħdieni ta' l-Unjoni Ewropea, u mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet ta' l-istituzzjonijiet ta' l-UE u l-korpi tal-Kunsill. Il-missjoni ta' l-Aġenzija għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-Komunità Ewropea, b'rispett sħiħ ta' l-Artikolu 47 TUE.

3.   L-Aġenzija għandha tkun miftuħa għall-parteċipazzjoni ta' l-Istati Membri kollha ta' l-UE li huma marbuta b'din l-Azzjoni Konġunta. L-Istati Membri li jixtiequ jieħdu sehem minnufih fl-Aġenzija għandhom javżaw lill-Kunsill bl-intenzjoni tagħhom li jagħmlu dan u jinformaw lis-SĠ/RGħ fl-okkażjoni ta' l-adozzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta.

4.   Kwalunkwe Stat Membru li jkun jixtieq jieħu sehem fl-Aġenzija wara l-adozzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta jew li jkun jixtieq jirtira mill-Aġenzija għandu javża lill-Kunsill bl-intenzjoni tiegħu u jinforma lis-SĠ/RGħ. Kwalunkwe arranġament tekniku u finanżjarju meħtieġ għal tali parteċipazzjoni jew irtirar għandu jkun determinat mill-Bord Direttiv.

5.   L-Aġenzija għandha jkollha l-kwartieri ġenerali tagħha fi Brussell.

Artikolu 2

Missjoni

1.   Il-missjoni ta' l-Aġenzija hija li tagħti appoġġ lill-Kunsill u lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex itejbu l-kapaċitajiet ta' difiża ta' l-UE fil-qasam ta' l-immaniġjar ta' kriżijiet u li ssostni l-ESPD kif inhi issa u kif ser tiżviluppa fil-ġejjieni.

2.   Il-missjoni ta' l-Aġenzija għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi ta' Stati Membri fi kwistjonijiet ta' difiża.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-iskop ta' din l-Azzjoni Konġunta:

“Stati Membri parteċipanti” għandha tfisser l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea li jieħdu sehem fl-Aġenzija;

“Stati Membri kontributuri” għandha tfisser l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea parteċipanti li jkunu qed jikkontribwixxu għal proġett jew programm partikolari.

Artikolu 4

Superviżjoni politika u arranġamenti ta' rappurtaġġ

1.   L-Aġenzija għandha topera taħt l-awtorità u s-superviżjoni politika tal-Kunsill, u għandha tipprovdilu rapporti regolari u tirċievi mingħandu linji gwida regolari.

2.   L-Aġenzija għandha tirraporta regolarment lill-Kunsill dwar l-attivitajiet tagħha, u għandha partikolarment:

(a)

tissottometti lill-Kunsill, f'Mejju ta' kull sena, rapport dwar l-attivitajiet ta' l-Aġenzija matul is-sena preċedenti u dik kurrenti;

(b)

tissottometti lill-Kunsill, f'Novembru ta' kull sena, rapport dwar l-attivitajiet ta' l-Aġenzija matul is-sena kurrenti u tipprovdi informazzjoni dwar l-abbozz ta' elementi għall-programm ta' ħidma ta' l-Aġenzija u għall-budgets tagħha għas-sena li jkun imiss.

L-Aġenzija għandha tipprovdi lill-Kunsill, fil-ħin, b'informazzjoni dwar kwistjonijiet importanti li għandha tiġi sottomessa lill-Bord Direttiv għal deċiżjoni.

3.   Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b'mod unanimu, u fuq il-parir tal-PSC jew korpi kompetenti oħra tal-Kunsill kif jixraq, għandu joħroġ linji gwida annwali b'konnessjoni max-xogħol ta' l-Aġenzija, partikolarment fir-rigward tal-programm ta' ħidma tagħha. Il-programm ta' ħidma ta' l-Aġenzija għandu jiġi stabbilit fil-qafas ta' dawn il-linji gwida.

4.   Kull tlett snin, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b'mod unanimu, għandu japprova qafas finanzjarju għall-Aġenzija għat-tliet snin li jkun imiss. Il-qafas finazjarju għandu jistabbilixxi prijoritajiet miftehma u għandu jikkostitwixxi limitu massimu li jorbot legalment. L-ewwel qafas finanzjarju għandu jkopri l-perjodu 2006 — 2008.

5.   L-Aġenzija tista' tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-missjoni tagħha.

Artikolu 5

Funzjonijiet u kompiti

1.   Fit-twettiq tal-funzjonijiet u l-kompiti tagħha, l-Aġenzija għandha tirrispetta l-kompetenzi tal-Komunità Ewropea u dawk ta' l-Istituzzjonijiet ta' l-UE.

2.   It-twettiq mill-Aġenzija tal-funzjonijiet u l-kompiti tagħha għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi ta' Stati Membri fi kwistjonijiet ta' difiża.

3.   L-Aġenzija għandha taħdem fl-oqsma ewlenin li ġejjin:

3.1.

L-iżvilupp ta' kapaċitajiet ta' difiża fil-qasam ta' l-immaniġjar ta' kriżijiet, b'mod partikolari billi:

3.1.1.

tidentifika, f'assoċjazzjoni mal-korpi kompetenti tal-Kunsill, u filwaqt li tagħmel użu mill-Mekkaniżmu ta' Żvilupp tal-Kapaċità (CDM), il-ħtiġijiet tal-ġejjieni ta' kapaċità ta' difiża ta' l-UE f'termini kwantitattivi u kwalitattivi (li jinkludu kemm il-forzi kif ukoll it-tagħmir);

3.1.2.

tikkoordina l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni Ewropew dwar il-Kapaċitajiet (ECAP) u kwalunkwe pjan suċċessur;

3.1.3.

tiskrutinizza, tivvaluta u tistma, fid-dawl ta' kriterji li għandhom jiġu miftehma mill-Istati Membri, l-impenji ta' kapaċità mogħtija mill-Istati Membri permezz tal-proċess tal-ECAP, u bl-użu tal-CDM;

3.1.4.

tippromwovi u tikkoordina l-armonizzazzjoni tal-ħtiġijiet militari;

3.1.5.

tidentifika u tipproponi attivitajiet kollaborattivi fil-kamp operazzjonali;

3.1.6.

tipprovdi stimi dwar prijoritajiet finanzjarji għall-iżvilupp u l-akkwist ta' kapaċitajiet.

3.2.

Il-promozzjoni u t-tisħiħ tal-koperazjoni Ewropea fis-settur ta' l-armamenti, b'mod partikolari billi:

3.2.1.

tippromovi u tipproponi proġetti ġodda ta' koperazzjoni multilaterali biex jiġu sodisfatti ħtiġijiet ta' kapaċitajiet tal-PESD kif inhuma issa u kif jiżviluppaw fil-ġejjieni;

3.2.2.

taħdem għall-kordinazzjoni tal-programmi eżistenti implimentati minn Stati Membri;

3.2.3.

fuq it-talba ta' l-Istati Membri, tassumi responsabbilità għall-amministrazzjoni ta' programmi speċifiċi (permezz ta' l-OCCAR jew arranġamenti oħra ta' tmexxija tal-programmi kif xieraq);

3.2.4.

tippromovi akkwisti li huma ekonomiċi u effiċjenti billi tidentifika u tferrex l-aħjar prattiċi.

3.3.

Taħdem biex issaħħaħ il-DTIB u għall-ħolqien ta' Suq Ewropew tat-Tagħmir tad-Difiża li hu kompetittiv fuq livell internazzjonali, b'mod partikolari billi:

3.3.1.

tiżviluppa politiki u strateġiji rilevanti b'konsultazzjoni mal-Kummissjoni u ma' l-industrija kif xieraq;

3.3.2.

taħdem għall-iżvilupp u l-armonizzazzjoni fl-UE kollha kemm hi, tar-regoli u regolamenti rilevanti (b'mod partikolari permezz ta' applikazzjoni mifruxa ma' l-UE kollha kemm hi ta' regoli rilevanti tal-Ftehim ta' Qafas LoI).

3.4.

It-tisħiħ ta' l-effikaċja tar-Riċerka u Teknoloġija Ewropea fis-settur tad-Difiża (R&T), b'mod partikolari billi:

3.4.1.

tippromovi, flimkien ma' l-attivitajiet ta' riċerka tal-Komunità fejn xieraq, riċerka immirata li jiġu milħuqa l-ħtiġijiet tal-ġejjieni tal-kapaċità ta' difiża u sigurtà u b'hekk issaħħaħ il-potenzjal industrijali u teknoloġiku ta' l-Ewropa f'dan il-qasam;

3.4.2.

tippromwovi R&T konġunt immirat b'mod iktar effettiv, filwaqt li tagħmel użu mill-esperjenza ta' elementi rilevanti tal-WEAG u l-WEAO;

3.4.3.

tikkoordina u tippjana attivitajiet ta' riċerka konġunti;

3.4.4.

tqanqal l-R&T ta' difiża permezz ta' studji u proġetti;

3.4.5.

tamministra kuntratti ta' R&T ta' difiża;

3.4.6.

taħdem flimkien mal-Kummissjoni sabiex tilħaq il-komplimentarità u s-sinerġija massima bejn programmi ta' riċerka tad-difiża u dawk ċivili jew tas-sigurtà.

Artikolu 6

Personalità ġuridika

L-Aġenzija għandha jkollha l-personalità ġuridika meħtieġa biex twettaq il-funzjonijiet tagħha u tilħaq l-objettivi tagħha. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-Aġenzija tgawdi l-kompetenza ġuridika l-iktar estensiva mogħtija lil persuni ġuridiċi skond il-liġijiet tagħhom. L-Aġenzija tista', b'mod partikolari, takkwista jew tiddisponi minn proprjetà mobbli u immobbli u tkun parti fi proċeduri legali. L-Aġenzija għandu jkollha l-kapaċità li tikkonkludi kuntratti ma' entitajiet jew organizzazzjonijiet privati jew pubbliċi.

KAPITOLU II

L-ORGANI U L-PERSUNAL TA' L-AĠENZIJA

Artikolu 7

Il-Kap ta' l-Aġenzija

1.   Il-Kap ta' l-Aġenzija għandu jkun is-SĠ/RGħ għall-PESK.

2.   Il-Kap ta' l-Aġenzija għandu/għandha t/jkun responsabbli għall-organizzazzjoni u l-funzjonament ġenerali ta' l-Aġenzija u għandu/għandha jiżgura/tiżgura li l-linji gwida maħruġa mill-Kunsill u d-deċiżjonijiet tal-Bord Direttiv jkunu implimentati mid-Direttur Eżekuttiv, li għandu jirraporta lilu/lilha.

3.   Il-Kap ta' l-Aġenzija għandu/għandha tippreżenta/jippreżenta r-rapporti ta' l-Aġenzija lill-Kunsill kif msemmi fl-Artikolu 4(2).

4.   Il-Kap ta' l-Aġenzija għandu/għandha jkun/tkun responsabbli biex jinnegozja/tinnegozja l-arranġamenti amministrattivi ma' Stati terzi u organizzazzjonijiet oħra, gruppi jew entitajiet skond id-direttivi mogħtija mill-Bord Direttiv. Fil-qafas ta' tali arranġamenti, kif approvati mill-Bord Direttiv, il-Kap ta' l-Aġenzija għandu/għandha jkun/tkun responsabbli biex jistabbilixxi/tistabbilixxi relazzjonijiet ta' ħidma xierqa magħhom.

Artikolu 8

Il-Bord Direttiv

1.   Bord Direttiv magħmul minn rappreżentant wieħed ta' kull Stat Membru parteċipant, awtorizzat sabiex jimpenja lill-gvern tiegħu, u rappreżentant mill-Kummissjoni, għandu jkun il-korp tat-teħid tad-deċiżjonijiet ta' l-Aġenzija. Il-Bord Direttiv għandu jaġixxi fil-qafas tal-linji gwida maħruġa mill-Kunsill.

2.   Il-Bord Direttiv għandu jiltaqa' fil-livell tal-Ministri tad-Difiża ta' l-Istati Membri parteċipanti jew ir-rappreżentanti tagħhom. Il-Bord Direttiv għandu, fil-prinċipju, jagħmel minn ta' l-inqas żewġ laqgħat kull sena fil-livell tal-Ministri tad-Difiża.

3.   Il-Kap ta' l-Aġenzija għandu jsejjaħ u jippresedi l-laqgħat tal-Bord Direttiv. Jekk Stat Membru parteċipant jitlob hekk, il-Kap ta' l-Aġenzija għandu jsejjaħ laqgħa fi żmien xahar.

4.   Il-Kap ta' l-Aġenzija jista' jiddelega s-setgħa li jippresedi l-laqgħat tal-Bord Direttiv fil-livell tar-rappreżentanti tal-Ministri tad-Difiża.

5.   Il-Bord Direttiv jista' jiltaqa' f'komposizzjonijiet speċifiċi (bħal Diretturi Nazzjonali tar-Riċerka fis-settur tad-Difiża, Diretturi Nazzjonali ta' l-Armamenti, Diretturi Nazzjonali tal-Politika jew ta' l-Ippjanar tad-Difiża).

6.   Jattendu l-laqgħat tal-Bord Direttiv:

id-Direttur Eżekuttiv ta' l-Aġenzija jew ir-rappreżentant/a tiegħu/tagħha;

il-President ta' l-EUMC u l-NAD tal-Presidenza ta' l-UE, jew ir-rappreżentant tagħhom.

7.   Il-Bord Direttiv jista' jiddeċiedi li jistieden, fuq kwistjonijiet ta' interess komuni:

is-Segretarju-Ġenerali tan-NATO;

il-Kapijiet/Presidenti ta' arranġamenti, organizzazzjonijiet jew gruppi oħra li x-xogħol tagħhom huwa rilevanti għal dik l-Aġenzija (bħall-LoI, WEAG/WEAO, OCCAR);

kif xieraq, rappreżentanti ta' partijiet terzi oħra.

Artikolu 9

Il-kompiti u s-setgħat tal-Bord Direttiv

1.   Fil-qafas tal-linji gwida tal-Kunsill imsemmija fl-Artikolu 4(1), il-Bord Direttiv:

1.1.

japprova r-rapporti li għandhom jiġu sottomessi lill-Kunsill;

1.2.

japprova, abbażi ta' abbozz sottomess mill-Kap ta' l-Aġenzija, u sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru ta' kull sena, il-programm ta' ħidma annwali ta' l-Aġenzija għas-sena ta' wara;

1.3.

jadotta l-budget ġenerali ta' l-Aġenzija sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru ta' kull sena fil-limiti stabbiliti fil-qafas finanzjarju ta' l-Aġenzija kif deċiż mill-Kunsill;

1.4.

japprova l-istabbiliment fi ħdan l-Aġenzija ta' proġetti jew programmi ad hoc skond l-Artikolu 20;

1.5.

jaħtar id-Direttur Eżekuttiv u d-deputat tiegħu/tagħha;

1.6.

jiddeċiedi li l-Aġenzija tista' tiġi fdata minn Stat Membru wieħed jew iktar bit-tmexxija amministrattiva u finanzjarja ta' ċerti attivitajiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tiegħu skond l-Artikolu 17;

1.7.

japprova kwalunkwe rakkomandazzjoni lill-Kunsill jew lill-Kummissjoni;

1.8.

jadotta r-regoli ta' proċedura ta' l-Aġenzija;

1.9.

jista' jemenda d-disposizzjonijiet finanzjarji għall-implimentazzjoni tal-budget ġenerali ta' l-Aġenzija;

1.10.

jista' jemenda r-regoli u r-regolamenti applikabbli għall-persunal kontrattwali u esperti nazzjonali ssekondati;

1.11.

jiddetermina l-arranġamenti tekniċi u finanzjarji fir-rigward tal-parteċipazzjoni jew l-irtirar ta' Stati Membri msemmija fl-Artikolu 1(4);

1.12.

jadotta direttivi dwar in-negozjar ta' arranġamenti amministrattivi mill-Kap ta' l-Aġenzija;

1.13.

japprova l-arranġamenti ad hoc imsemmija fl-Artikolu 23(1);

1.14.

jikkonkludi l-arranġamenti amministrattivi bejn l-Aġenzija u partijiet terzi msemmija fl-Artikolu 25(1);

1.15.

japprova l-kontijiet u l-karta tal-bilanċ annwali;

1.16.

jadotta d-deċiżjonijiet rilevanti l-oħra kollha konnessi mat-twettiq tal-missjoni ta' l-Aġenzija.

2.   Il-Bord Direttiv għandu jieħu d-deċiżjonijiet b'maġġoranza kwalifikata. Il-voti ta' l-Istati Membri parteċipanti għandhom ikunu ppeżati skond l-Artikolu 23(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Deċiżjonijiet li jridu jiġu adottati mill-Bord Direttiv b'maġġoranza kwalifikata għandhom jeħtieġu minn ta' l-inqas żewġ terzi tal-voti ta' l-Istati Membri parteċipanti. Rappreżentanti ta' l-Istati Membri parteċipanti biss għandhom jieħdu sehem fil-vot.

3.   Jekk rappreżentant ta' Stat Membru parteċipant fil-Bord Direttiv jiddikjara li, għal raġunijiet ta' politika nazzjonali importanti u dikjarati, bi ħsiebu jopponi l-adozzjoni ta' deċiżjoni li għandha tittieħed b'maġġoranza kwalifikata, ma għandux jittieħed vot. Dak ir-rappreżentant jista', permezz tal-Kap ta' l-Aġenzija, jirreferi l-kwistjoni lill-Kunsill bil-għan li jiġu maħruġa linji gwida lill-Bord Direttiv kif xieraq. Inkella, il-Bord Direttiv, filwaqt li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, jista' jiddeċiedi li jirreferi l-kwistjoni lill-Kunsill għal deċiżjoni. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu.

4.   Il-Bord Direttiv, fuq proposta mid-Direttur Eżekuttiv jew minn Stat Membru parteċipant, jista jiddeċiedi li jistabbilixxi:

(a)

kumitati għat-tħejjija ta' deċiżjonijiet amministrattivi u tal-budget tal-Bord Direttiv, magħmula minn delegati ta' l-Istati Membri parteċipanti u rappreżentant tal-Kummissjoni;

(b)

kumitati speċjalizzati fi kwistjonijiet speċifiċi li jaqgħu taħt il-kompetenza ta' l-Aġenzija. Dawn il-kumitati għandhom ikunu magħmula minn delegati ta' l-Istati Membri parteċipanti u, għajr jekk il-Bord Direttiv jiddeċiedi mod ieħor, rappreżentant tal-Kummissjoni.

Id-deċiżjoni li jistabbilixxi tali kumitati għandha tispeċifika l-mandat u d-dewmien tagħhom.

Artikolu 10

Id-Direttur Eżekuttiv

1.   Id-Direttur Eżekuttiv, u d-Deputat tiegħu/tagħha, huma maħtura mill-Bord Direttiv fuq proposta tal-Kap ta' l-Aġenzija għal tlett snin. Il-Bord Direttiv jista' jagħti estensjoni ta' sentejn. Id-Direttur Eżekuttiv, u d-Deputat tiegħu/tagħha, għandu/għandha jaġixxi/taġixxi taħt l-awtorità tal-Kap ta' l-Aġenzija u skond id-deċiżjonijiet tal-Bord Direttiv.

2.   Id-Direttur Eżekuttiv, bl-għajnuna tad-Deputat tiegħu/tagħha, għandu/għandha jieħu/tieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiġu żgurati l-effiċjenza u l-effikaċja tax-xogħol ta' l-Aġenzija. Huwa/Hija għandu/għandha r-responsabbiltà tas-superviżjoni u l-kordinazzjoni ta' l-unitajiet funzjonali, sabiex tiġi żgurata l-koerenza ġenerali tax-xogħol tagħhom. Huwa/Hija għandu/għandha jkun/tkun il-kap tal-persunal ta' l-Aġenzija.

3.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu r-responsabbiltà li:

3.1.

jiżgura l-implimentazzjoni tal-programm tax-xogħol annwali ta' l-Aġenzija;

3.2.

jipprepara x-xogħol tal-Bord Direttiv, b'mod partikolari l-abbozz tal-programm tax-xogħol annwali ta' l-Aġenzija;

3.3.

jiżgura koperazzjoni mill-qrib ma' u li jipprovdi tagħrif lill-korpi preparatorji tal-Kunsill, partikolarment il-PSC u l-EUMC;

3.4.

jipprepara l-abbozz tal-budget ġenerali annwali li għandu jiġi sottomess lill-Bord Direttiv;

3.5.

iħejji r-rapporti msemmija fl-Artikolu 4(2);

3.6.

jipprepara d-dikjarazzjoni tad-dħul u l-infiq u li jimplimenta l-budget ġenerali ta' l-Aġenzija kif ukoll il-budgets tal-proġetti jew programmi ad hoc fdati f'idejn l-Aġenzija;

3.7.

mill-amministrazzjoni ta' kuljum ta' l-Aġenzija;

3.8.

l-aspetti kollha ta' sigurtà;

3.9.

il-kwistjonijiet kollha tal-persunal.

4.   Fl-ambitu tal-programm ta' xogħol u tal-budget ġenerali ta' l-Aġenzija, id-Direttur Eżekuttiv għandu jigi mogħti s-setgħa li jidħol f'kuntratti u li jimpjega persunal. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun l-uffiċjal ta' l-awtorizzazzjoni responsabbli għall-implimentazzjoni tal-budgets amministrati mill-Aġenzija.

5.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jagħti kont lill-Bord.

6.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun ir-rappreżentant legali ta' l-Aġenzija.

Artikolu 11

Il-Persunal

1.   Il-persunal ta' l-Aġenzija, inkluż id-Direttur Eżekuttiv, għandu jkun magħmul minn membri tal-persunal kontrattwali u statutorji reklutati minn fost kandidati mill-Istati Membri parteċipanti kollha fuq l-iktar bażi ġeografika wiesgħa possibli, u mill-istituzzjonijiet ta' l-UE. Il-persunal ta' l-Aġenzija għandu jiġi magħżul mid-Direttur Eżekuttiv abbażi tal-kompetenza u l-ħila rilevanti u permezz ta' proċeduri ġusti u trasparenti ta' kompetizzjoni. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jippublika bil-quddiem dettalji tal-posizzjonijiet kollha disponibbli u l-kriterji rilevanti għall-proċess ta' għażla. Fil-każijiet kollha, ir-reklutaġġ għandu jsir bil-għan li jiġi żgurat li l-Aġenzija jkollha s-servizzi ta' persunal ta' l-ogħla livell ta' abilità u effiċjenza.

2.   Il-Kap ta' l-Aġenzija, fuq proposta mid-Direttur Eżekuttiv u wara konsultazzjoni mal-Bord Direttiv, għandu jaħtar il-persunal ta' l-Aġenzija li għandu jokkupa l-livelli amministrattivi għolja.

3.   Il-persunal ta' l-Aġenzija għandu jkun magħmul minn:

3.1.

persunal reklutat direttament mill-Aġenzija taħt kuntratti b'terminu fiss, magħżul minn fost ċittadini ta' l-Istati Membri parteċipanti. Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b'mod unanimu, għandu japprova r-regolamenti applikabbli għal tali persunal. Il-Bord Direttiv għandu, fi żmien sena mill-adozzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta, jirrevedi u jemenda, kif meħtieġ, dawn ir-regolamenti;

3.2.

esperti nazzjonali ssekondati mill-Istati Membri parteċipanti jew għall-karigi fl-istruttura organizzattiva ta' l-Aġenzija jew għall-kompiti u proġetti speċifiċi. Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b'mod unanimu, għandu japprova r-regoli applikabbli għal tali esperti. Il-Bord Direttiv għandu, fi żmien sena mill-adozzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta, jirrevedi u jemenda, kif meħtieġ, dawn ir-regoli;

3.3.

Uffiċjali komunitarji ssekondati ma' l-Aġenzija għal żmien fiss u/jew għall-kompiti jew proġetti speċifiċi skond il-bżonn.

KAPITOLU III

Il-BUDGET U R-REGOLI FINANZJARJI

Article 12

Prinċipji tal-budget

1.   Il-budgets, imfassla fl-euro, huma l-atti li jistipulaw u jawtorizzaw, għal kull sena finanzjarja, id-dħul u l-infiq kollu amministrat mill-Aġenzija.

2.   L-approprjazzjonijiet imdaħħla f'budget huma awtorizzati għall-perijodu ta' sena finanzjarja li tibda fl-1 ta' Jannar u tispiċċa fil-31 ta' Diċembru ta' l-istess sena.

3.   Għal kull budget, id-dħul u l-infiq għandhom ikunu f'bilanċ. Id-dħul u l-infiq kollu għandu jiddaħħal fid-dettal fil-budget rilevanti mingħajr l-ebda aġġustament bejn id-dħul u l-infiq.

4.   Il-Budget għandu jkollu approprjazzjonijiet differenzjati, li għandhom jikkonsistu f'approprjazzjonijiet ta' impenn u approprjazzjonijiet ta' ħlas u approprjazzjonijiet mhux differenzjati.

5.   L-approprjazzjonijiet ta' impenn għandhom ikopru l-ispiża totali ta' l-impenji legali assunti matul is-sena finanzjarja kurrenti. Madankollu, l-impenji jistgħu jsiru globalment jew permezz ta' pagamenti annwali. L-impenji għandhom jiddaħħlu fil-kontijiet abbażi ta' l-impenji legali assunti sal-31 ta' Diċembru.

6.   L-approprjazzjonijiet ta' ħlas għandhom ikopru ħlasijiet li jsiru sabiex jiġu onorati l-impenji legali assunti matul is-sena finanzjarja kurrenti u/jew snin finanzjarji preċedenti. Il-ħlasijiet għandhom jiddaħħlu fil-kontijiet abbażi ta' l-impenji legali sal-31 ta' Diċembru.

7.   Id-dħul ta' sena finanzjarja għandu jiġi mdaħħal fil-kontijiet għas-sena finanzjarja abbażi ta' l-ammonti miġbura matul is-sena finanzjarja.

8.   La dħul u lanqas infiq ma jistgħu jiġu mplimentati jekk mhux bl-allokazzjoni għal titolu fil-budget u fil-limiti ta' l-approprjazzjonijiet imdaħħla hemmhekk.

9.   L-approprjazzjonijiet għandhom jintużaw skond il-prinċipji ta' amministrazzjoni finanzjarja soda, jiġifieri skond il-prinċipji ta' ekonomija, effiċjenza u effikaċja.

Artikolu 13

Il-budget ġenerali

1.   Sat-30 ta' Ġunju kull sena, il-Kap ta' l-Aġenzija għandu jipprovdi lill-Bord Direttiv bi stima ġenerali ta' l-abbozz tal-budget ġenerali għas-sena ta' wara, b'rispett sħiħ għal-limiti stabbiliti fil-qafas finanzjarju.

2.   Il-Kap ta' l-Aġenzija għandu jipproponi l-abbozz tal-budget ġenerali lill-Bord Direttiv sat-30 ta' Settembru kull sena. L-abbozz għandu jinkludi:

(a)

l-approprjazzjonijiet meqjusa meħtieġa:

(i)

biex jiġu koperti l-ispejjeż ta' l-operat, tal-persunal u tal-laqgħat ta' l-Aġenzija;

(ii)

biex jinkisbu konsulenzi esterni, b'mod partikolari analiżi operattivi, essenzjali għall-Aġenzija biex tkun tista' twettaq il-kompiti tagħha, u għal riċerka speċifika u attivitajiet teknoloġiċi għall-benefiċċju komuni ta' l-Istati Membri parteċipanti kollha, b'mod partikolari case-studies tekniċi u studji ta' pre-feasibility;

(b)

previżjoni tad-dħul meħtieġ biex jiġi kopert l-infiq.

3.   Il-Bord Direttiv għandu jimmira li jiżgura li l-approprjazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2(a)(2) għandhom jirrapreżentaw sehem sinifikattiv mill-approprjazzjonijet totali msemmija fil-paragrafu 2. Dawn l-approprjazzjonijiet għandhom jirriflettu ħtiġijiet attwali u għandhom iħallu lok għal rwol operattiv għall-Aġenzija.

4.   Ma' l-abbozz tal-budget ġenerali għandu jkun hemm pjan dettaljat dwar l-organizzazzjoni tal-persunal u ġustifikazzjonijiet dettaljati;

5.   Il-Bord Direttiv, filwaqt li jaġixxi b'mod unanimu, jista' jiddeċiedi li l-abbozz tal-budget ġenerali għandu barra minn hekk ikopri proġett jew programm partikolari fejn dan hu, b'mod ċar, ta' benefiċċju komuni għall-Istati Membri parteċipanti kollha.

6.   L-approprjazzjonijiet għandhom jiġu klassifikati taħt titoli u kapitoli li jiġbru fi gruppi l-infiq skond it-tip jew l-għan, suddiviżi f'artikoli kif meħtieġ.

7.   Kull titolu jista' jinkludi kapitolu intitolat “approprjazzjonijiet provviżorji”. Dawn l-approprjazzjonijiet jistgħu jiddaħħlu f'każijiet ta' inċertezza, minħabba raġunijiet serji, dwar l-ammont ta' approprjazzjonijiet meħtieġa jew dwar l-ambitu għall-implimentazzjoni ta' l-approprjazzjonijiet imdaħħla.

8.   Id-dħul għandu jikkonsisti fi:

(a)

dħul varju;

(b)

kontribuzzjonijiet li għandhom jitħallsu mill-Istati Membri parteċipanti fl-Aġenzija abbażi ta' l-iskala tad-Dħul Gross Nazzjonali (GNI).

L-abbozz tal-budget ġenerali għandu jinkludi linji biex jakkomodaw id-dħul iddestinat u kull fejn huwa possibbli għandu jindika l-ammont previst.

9.   Il-Bord Direttiv għandu jadotta l-abbozz tal-budget ġenerali sal-31 ta' Diċembru ta' kull sena fil-qafas finanzjarju ta' l-Aġenzija. Meta jagħmel dan, il-Bord Direttiv għandu jkun presedut mill-Kap ta' l-Aġenzija, jew minn rappreżentant maħtur minnu/minnha mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, jew minn membru tal-Bord Direttiv mistieden biex jagħmel dan minnu/minnha. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jiddikjara li l-budget ikun ġie adottat u jinnotifika lill-Istati Membri parteċipanti.

10.   Jekk, fil-bidu ta' sena finanzjarja, l-abbozz tal-budget ġenerali jkun għadu ma ġiex adottat, tista' ssir nefqa kull xahar ta' somma ekwivalenti għal mhux aktar minn wieħed minn kull tnax ta' l-approprjazzjonijiet tal-budget għas-sena finanzjarja preċedenti fir-rigward ta' kwalunkwe kapitolu jew suddiviżjoni oħra tal-budget. Dan l-arranġament ma għandux, madankollu, jkollu l-effett li jagħmel disponibbli għall-Aġenzija approprjazzjonijiet li jaqbżu waħda minn tnax-il parti ta' dawk previsti fl-abbozz tal-budget ġenerali li jkun qed jiġi mħejji. Il-Bord Direttiv, filwaqt li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mid-Direttur Eżekuttiv, jista' jawtorizza nfiq li jaqbeż il-waħda minn kull tnax-il parti. Id-Direttur Eżekuttiv jista' jagħmel sejħa għall-kontribuzzjonijiet meħtieġa sabiex jiġu koperti l-approprjazzjonijiet awtorizzati skond din id-disposizzjoni, li għandhom jitħallsu fi żmien 30 jum minn meta tintbagħat is-sejħa għall-kontribuzzjonijiet.

Artikolu 14

Budgets emendatorji

1.   Fil-każ ta' ċirkostanzi inevitabbli, eċċezzjonali jew imprevisti, id-Direttur Eżekuttiv jista' jipproponi abbozz ta' budget emendatorju fil-limiti stabbiliti fil-qafas finanzjarju.

2.   L-abbozz ta' budget emendatorju għandu jiġi mfassal, propost u adottat u għandu jiġi notifikat skond l-istess proċedura applikabbli għall-budget ġenerali, fil-limit stabbiliti fil-qafas finanzjarju. Il-Bord Direttiv għandu jaġixxi billi jqis l-urġenza kif dovut.

3.   Fis-sitwazzjoni fejn il-limiti stabbiliti fil-qafas finanzjarju jkunu meqjusa bħala li mhux biżżejjed minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali u imprevisti, filwaqt li jitqiesu bis-sħiħ ir-regoli stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3 ta' l-Artikolu 13, il-Bord Direttiv għandu jissottometti l-budget emendatorju għal adozzjoni mill-Kunsill, li jaġixxi b'mod unanimu.

Artikolu 15

Dħul assenjat

1.   L-Aġenzija tista' tirċievi fil-budget ġenerali tagħha bħala dħul assenjat għal għan speċifiku, kontribuzzjonijiet finanzjarji biex ikopru spejjeż minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 13 paragrafu 2(a)(i):

(a)

mill-budget ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea fuq bażi ta' każ b'każ, b'rispett sħiħ għar-regoli, il-proċeduri u l-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet applikabbli għalih;

(b)

minn Stati Membri, Stati terzi jew partijiet terzi oħra.

2.   Dħul assenjat jista' jintuża biss għall-għan speċifiku li għalih huwa assenjat.

Artikolu 16

Kontribuzzjonijiet u rimborsi

1.   Determinazzjoni ta' kontribuzzjonijiet fejn hija applikabbli l-iskala tal-GNI

1.1.

Fejn hija applikabbli l-iskala tal-GNI, il-qsim ta' kontribuzzjonijiet bejn l-Istati Membri mingħand min hija meħtieġa kontribuzzjoni għandu jiġi determinat skond l-iskala tal-prodott gross nazzjonali kif speċifikat fl-Artikolu 28(3) tat-TUE u skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/597/KE, Euratom tad-29 ta' Settembru 2000 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (1), jew kwalunkwe Deċiżjoni oħra tal-Kunsill li tista' tieħu postha.

1.2.

Id-data għall-kalkolazzjoni ta' kull kontribuzzjoni għandha tkun dik stipulata fil-kolonna tar-“Riżorsi proprji tal-GNI” fit-tabella tas-“Sommarju ta' l-iffinanzjar tal-budget ġenerali skond it-tip tar-riżors proprju u skond l-Istat Membru” li hija mehmuża ma' l-aħħar budget adottat mill-Komunitajiet Ewropej. Il-kontribuzzjoni ta' kull Stat Membru li mingħandu hija mistennija kontribuzzjoni għandha tkun proporzjonali mal-parti tal-GNI ta' dak l-Istat Membru fit-total tal-GNI kollu kemm hu ta' l-Istati Membri li mingħandhom hija mistennija kontribuzzjoni.

2.   Skeda għall-ħlas ta' kontribuzzjonijiet

2.1.

Il-kontribuzzjonijiet maħsuba sabiex jiffinanzjaw il-budget ġenerali għandhom jitħallsu mill-Istati Membri parteċipanti fi tlett pagamenti indaqs, sal-15 ta' Frar, sal-15 ta' Ġunju u sal-15 ta' Ottubru tas-sena finanzjarja konċernata.

2.2.

Meta jiġi adottat budget emendatorju, il-kontribuzzjonijiet meħtieġa għandhom jitħallsu mill-Istati Membri konċernati fi żmien 60 jum mill-ħarġa tas-sejħa għall-kontribuzzjonijiet.

2.3.

Kull Stat Membru għandu jħallas l-ispejjeż tal-bank marbuta mal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tiegħu stess.

Artikolu 17

L-amministrazzjoni ta' l-infiq min-naħa ta' l-Aġenzija f'isem l-Istati Membri

1.   Il-Bord Direttiv, fuq proposta mid-Direttur Eżekuttiv jew minn Stat Membru, jista' jiddeċiedi li l-Aġenzija tista' tiġi fdata minn Stati Membri, fuq bażi kontrattwali, bit-tmexxija amministrattiva u finanzjarja ta' ċerti attivitajiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħha.

2.   Il-Bord Direttiv, fid-deċiżjoni tiegħu, jista' jawtorizza lill-Aġenzija biex tidħol f'kuntratti f'isem ċerti Stati Membri. Jista' jawtorizza lill-Aġenzija biex tiġbor bil-quddiem il-fondi meħtieġa minn dawn l-Istati Membri sabiex jiġu onorati l-kuntratti li jkunu saru.

Artikolu 18

L-implimentazzjoni tal-budgets

1.   Id-disposizzjonijiet finanzjarji applikabbli għall-budget ġenerali ta' l-Aġenzija għandhom jiġu approvati mill-Kunsill, li jaġixxi b'mod unanimu. Il-Bord Direttiv għandu, fi żmien sena mill-adozzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta, jirrevedi u jemenda, kif meħtieġ, dawn id-disposizzjonijiet.

2.   Il-Bord Direttiv, filwaqt li jaġixxi fuq proposta mill-Direttur Eżekuttiv, għandu jadotta kif meħtieġ ir-regoli implimentattivi rigward l-implimentazzjoni u l-kontroll tal-budget ġenerali, b'mod partikolari fir-rigward ta' l-akkwist pubbliku, mingħajr preġudizzju għar-regoli Komunitarji relevanti. Il-Bord Direttiv għandu jiżgura, b'mod partikolari, li jitqiesu sew is-sigurtà tal-provvisti u l-ħtiġijiet ta' protezzjoni kemm tas-sigriet fil-kwistjoni tad-difiża kif ukoll tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali.

3.   Id-disposizzjonijiet u r-regoli finanzjarji msemmija f'dan l-Artikolu mhumiex applikabbli għall-proġetti u programmi ad hoc kif imsemmija fl-Artikolu 20 u 21.

Artikolu 19

Budget inizjali 2004 u budget għall-2005

1.   Il-budget ġenerali inizjali għas-sena finanzjarja 2004, iffukat fuq arranġamenti ta' start-up, għandu jkun kif jidher fid-dikjarazzjoni finanzjarja li għandha tiġi sottomessa ma' l-Azzjoni Konġunta. L-ewwel sena finanzjarja għandha tibda jum wara d-dħul fis-seħħ ta' din l-Azzjoni Konġunta.

2.   Il-budget ġenerali inizjali għandu jiġi ffinanzjat b'kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri parteċipanti li jridu jitħallsu kemm jista' jkun malajr u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn fi żmien 45 jum mill-ħarġa tas-sejħiet għal kontribuzzjonijiet mill-Kap ta' l-Aġenzija, Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea.

3.   Il-budget ġenerali għas-sena finanzjarja 2005 għandu jiġi adottat mill-Bord Direttiv bl-approvazzjoni tal-Kunsill, li jaġixxi b'mod unanimu.

KAPITOLU IV

PROĠETTI JEW PROGRAMMI AD HOC U BUDGETS ASSOĊJATI MAGĦHOM

Artikolu 20

Approvazzjoni ta' proġetti jew programmi ad hoc u budgets ad hoc assoċjati magħhom (Kategorija A)

1.   Stat Membru wieħed jew iktar jew id-Direttur Eżekuttiv jistgħu jissottomettu lill-Bord Direttiv proġett jew programmi ad hoc li jaqgħu taħt il-kompetenza ta' l-Aġenzija, li għandha tippresumi parteċipazzjoni ġenerali mill-Istati Membri parteċipanti. Il-Bord Direttiv għandu jkun infurmat bil-budget ad hoc, jekk hemm wieħed, li jrid jiġi assoċjat mal-proġett jew programm proposti, kif ukoll b'kontribuzzjonijiet potenzjali minn partijiet terzi.

2.   L-Istati Membri parteċipanti kollha għandhom fil-prinċipju jikkontribwixxu. Huma għandhom jinformaw lid-Direttur Eżekuttiv bl-intenzjonijiet tagħhom f'dan ir-rigward.

3.   Il-Bord Direttiv għandu japprova l-istabbiliment tal-proġett jew programm ad hoc.

4.   Il-Bord Direttiv, fuq proposta mid-Direttur Eżekuttiv jew minn Stat Membru parteċipant, jista' jiddeċiedi li jistabbilixxi kumitat biex jissorvelja l-amministrazzjoni u l-implimentazzjoni tal-proġett jew programm ad hoc. Il-kumitat għandu jkun magħmul minn delegati minn kull wieħed mill-Istati Membri li jkunu qed jikkontribwixxu u, meta l-Komunità tikkontribwixxi għall-proġett jew programm, rappreżentant tal-Kummissjoni. Id-deċiżjoni tal-Bord Direttiv għandha tispeċifika l-mandat u l-perijodu tal-kumitat.

5.   Għall-proġett jew programm ad hoc, l-Istati Membri li jkunu qed jikkontribwixxu, filwaqt li jiltaqgħu fil-Bord Direttiv, għandhom japprovaw:

(a)

ir-regoli li jirregolaw l-amministrazzjoni tal-proġett jew tal-programm;

(b)

fejn xieraq, il-budget ad hoc assoċjat mal-proġett jew programm, il-kriterji għal kontribuzzjonijiet u r-regoli implimentattivi meħtieġa;

(ċ)

parteċipazzjoni ta' partijiet terzi fil-kumitat imsemmi fil-paragrafu 4. Il-parteċipazzjoni tagħhom għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tat-teħid tad-deċiżjonijiet ta' l-UE.

6.   Fejn il-Komunità tikkontribwixxi għal proġett jew programm ad hoc, il-Kummissjoni għandha tipparteċipa fid-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafu 5, b'rispett sħiħ tal-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet applikabbli għall-budget ġenerali ta' l-UE.

Artikolu 21

Approvazzjoni ta' proġetti jew programmi ad hoc u budgets ad hoc assoċjati magħhom (Kategorija B)

1.   Stat Membru wieħed jew iktar parteċipanti jistgħu jinfurmaw lill-Bord Direttiv li huma bi ħsiebhom jistabbilixxu proġett jew programm ad hoc li jaqa' taħt il-kompetenza ta' l-Aġenzija, u fejn hu xieraq il-budget ad hoc assoċjat miegħu. Il-Bord Direttiv għandu jkun infurmat bil-budget ad hoc, jekk hemm wieħed, li jrid jiġi assoċjat mal-proġett jew programm propost, u b'dettalji jekk rilevanti dwar riżorsi umani għal tali proġett jew programm, kif ukoll b'kontribuzzjonijiet potenzjali minn partijiet terzi.

2.   Sabiex l-opportunitajiet ta' koperazzjoni jiżdiedu sal-punt massimu, l-Istati Membri parteċipanti kollha għandhom jiġu infurmati bil-proġett jew programm ad hoc, inkluż il-bażi li fuqha l-parteċipazzjoni tista' titkabbar, biżżejjed minn qabel sabiex kwalunkwe Stat Membru parteċipant li jixtieq jieħu sehem ikun jista' juri l-interess tiegħu li jagħmel dan. Barra minn hekk, l-inizjatur(i) tal-proġetti jew programmi għandu jistinka sabiex jagħmel is-sħubija tagħhom wiesgħa kemm jista' jkun. Il-parteċipazzjoni għandha tiġi stabbilita fuq bażi ta' każ b'każ mill-inizjaturi.

3.   Il-proġett jew programm ad hoc għandu mbagħad jitqies bħala proġett jew programm ta' l-Aġenzija, sakemm il-Bord Direttiv ma jiddeċidiex mod ieħor fi żmien xahar minn meta jirċievi t-tagħrif previst f'paragrafu 1.

4.   Kwalunkwe Stat Membru parteċipant li, iktar tard, jixtieq jipparteċiepa fil-proġett jew programm ad hoc għandu jinnotifika lill-Istati Membri li jkunu qed jikkontribwixxu bl-intenzjonijiet tiegħu. L-Istati Membri li jkunu qed jikkontribwixxu, fi żmien xahrejn minn meta jirċievu din in-notifika, għandhom jiddeċiedu bejniethom, b'kunsiderazzjoni għall-bażi stabbilita meta l-Istati Membri parteċipanti jiġu nfurmati bil-proġett jew programm, dwar il-parteċipazzjoni ta' l-Istat Membru konċernat.

5.   L-Istati Membri li jkunu qed jikkontribwixxu għandhom jieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa bejniethom għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-proġett jew programm ad hoc u, fejn xieraq, il-budget assoċjat miegħu. Fejn il-Komunità tikkontribwixxi għal proġett jew programm bħal dan, il-Kummissjoni għandha tipparteċipa fid-deċiżjonijiet imsemmija f' dan il-paragrafu, b'rispett sħiħ tal-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet applikabbli għall-budget ġenerali ta' l-UE. L-Istati Membri li jkunu qed jikkontribwixxu għandhom iżommu lill-Bord Direttiv infurmat, kif xieraq, bi żviluppi konnessi ma' tali proġett jew programm.

Artikolu 22

Kontribuzzjonijiet mill-budget ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea għal budgets ad hoc

Kontribuzzjonijiet mill-budget ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea jistgħu jsiru lill-budgets ad hoc stabbiliti għal proġetti jew programmi ad hoc imsemmija fl-Artikoli 20 u 21.

Artikolu 23

Il-parteċipazzjoni ta' Partijiet terzi

1.   Terzi partijiet jistgħu jikkontribwixxu għal proġett jew programm ad hoc partikolari, stabbilit skond l-Artikoli 20 jew 21, u għall-budget assoċjat miegħu. Il-Bord Direttiv għandu, filwaqt li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, japprova kif meħtieġ arranġamenti ad hoc bejn l-Aġenzija u partijiet terzi għal kull proġett jew programm partikolari.

2.   Għal proġetti stabbiliti skond l-Artikolu 20, l-Istati Membri li jkunu qed jikkontribwixxu filwaqt li jiltaqgħu fil-Bord Direttiv għandhom japprovaw kwalunkwe modalitajiet meħtieġa konnessi mal-kontribuzzjonijiet tagħhom mal-partijiet terzi rilevanti.

3.   Għal proġetti stabbiliti skond l-Artikolu 21, l-Istati Membri li jkunu qed jikkontribwixxu għandhom jiddeċiedu kwalunkwe modalitajiet meħtieġa konnessi mal-kontribuzzjonijiet tagħhom mal-partijiet terzi rilevanti.

4.   Fejn il-Komunità tikkontribwixxi għal proġett jew programm ad hoc, il-Kummissjoni għandha tipparteċipa fid-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3.

KAPITOLU V

RELAZZJONIJIET MAL-KUMMISSJONI

Artikolu 24

Assoċjazzjoni max-xogħol ta' l-Aġenzija

1.   Il-Kummissjoni hija membru tal-Bord Direttiv mingħajr dritt tal-vot u għandha tkun assoċjata bi sħiħ fix-xogħol ta' l-Aġenzija.

2.   Il-Kummissjoni, f'isem il-Komunità, tista' wkoll tieħu sehem fi proġetti u programmi ta' l-Aġenzija.

3.   L-Aġenzija għandha tistabbilixxi mal-Kummissjoni l-arranġamenti amministrattivi u r-relazzjonijiet tax-xogħol meħtieġa, b'mod partikolari bil-għan li jiġu mparta l-ħila u l-konsulenza f'dawk l-oqsma fejn l-attivitajiet tal-Komunità għandhom influwenza fuq il-missjonijiet ta' l-Aġenzija u fejn l-attivitajiet ta' l-Aġenzija huma rilevanti għall-dawk tal-Komunità.

4.   Għandhom jiġu stabbiliti bejn l-Aġenzija u l-Kummissjoni bi ftehim reċiproku, jew bejn l-Istati Membri li jkunu qed jikkontribwixxu u l-Kummissjoni bi ftehim reċiproku, arranġamenti meħtieġa biex titkopra kontribuzzjoni mill-budget ġenerali ta' l-UE skond l-Artikoli 15 u 22 fuq bażi ta' każ b'każ.

KAPITOLU VI

RELAZZJONIJIET MA' STATI TERZI, ORGANIZZAZZJONIJIET U ENTITAJIET

Artikolu 25

Relazzjonijiet ma' Stati, organizzazzjonijiet u entitajiet terzi

1.   Bil-għan li twettaq il-missjoni tagħha, l-Aġenzija tista' tidħol f'arranġamenti amministrattivi ma' Stati, organizzazzjonijiet u entitajiet terzi. Tali arranġamenti għandhom ikopru partikolarment:

(a)

il-prinċipju ta' relazzjoni bejn l-Aġenzija u l-parti terza;

(b)

disposizzjonijiet għal konsultazzjoni dwar suġġetti konnessi max-xogħol ta' l-Aġenzija;

(ċ)

kwistjonijiet ta' sigurtà.

Meta tagħmel dan, għandha tirrispetta l-qafas istituzzjonali waħdieni u l-awtonomija tat-teħid tad-deċiżjonijiet ta' l-UE. Kull arranġament bħal dan għandu jiġi konkluż mill-Bord Direttiv fuq approvazzjoni mill-Kunsill, li jaġixxi b'mod unanimu.

2.   L-Aġenzija għandha tiżviluppa relazzjonijiet tax-xogħol mill-qrib ma' l-elementi rilevanti tal-OCCAR, il-Ftehim ta' Qafas LoI, u l-WEAG/WEAO bil-għan li tinkorpora dawk l-elementi jew tassimila l-prinċipji u l-prattiċi tagħhom meta jkun il-waqt, kif xieraq u bi ftehim reċiproku.

3.   Trasparenza reċiproka u żvilupp koerenti fil-qasam tal-kapaċitajiet għandhom jiġu żgurati permezz ta' l-applikazzjoni tal-proċeduri CDM. Relazzjonijiet oħra tax-xogħol bejn l-Aġenzija u l-korpi rilevanti tan-NATO għandhom jiġu definiti permezz ta' arranġament amministrattiv kif msemmi fil-paragrafu 1, b'rispett sħiħ tal-qafas ta' koperazzjoni u konsultazzjoni stabbilit bejn l-UE u n-NATO.

4.   Bil-għan li tiffaċilita l-parteċipazzjoni possibli tagħhom fi proġetti u programmi u fil-qafas ta' arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1, l-Aġenzija għandha tkun intitolata biex tistabbilixxi relazzjonijiet tax-xogħol ma' organizzazzjonijiet u entitajiet barra dawk imsemmija fil-paragrafi 2 u 3.

5.   Bil-għan li tiffaċilita l-parteċipazzjoni possibli tagħhom fi proġetti u programmi speċifiċi u fil-qafas ta' arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1, l-Aġenzija għandha tkun intitolata biex tistabbilixxi relazzjonijiet tax-xogħol ma' Stati terzi.

6.   L-ikbar trasparenza possibli rigward il-proġetti u l-programmi speċifiċi ta' l-Aġenzija għandha tiġi pprovduta lill-membri tal-WEAG li ma humiex membri ta' l-UE bil-ħsieb tal-parteċipazzjoni tagħhom fiha kif xieraq. Kumitat konsultattiv għandu jiġi stabbilit għal dan il-għan, sabiex jipprovdi forum fejn jiġu mparta opinjonijiet u tagħrif dwar kwistjonijiet ta' interess komuni li jaqgħu fl-ambitu tal-missjoni ta' l-Aġenzija. Għandu jkun presedut mid-Direttur Eżekuttiv jew ir-rappreżentant tiegħu/tagħha. Għandu jinkludi rappreżentant minn kull Stat Membru parteċipant u rappreżentant tal-Kummissjoni, u rappreżentanti tal-membri tal-WEAG li ma humiex membri ta' l-UE skond il-modalitajiet li jridu jiġu miftehma magħhom.

7.   Fuq talba, membri oħra Ewropej tan-NATO li mhumiex membri fl-UE jistgħu ukoll jipparteċipaw fil-Kumitat konsultattiv imsemmi fil-paragrafu 6, skond modalitajiet li jridu jiġu miftehma magħhom.

8.   Il-Kumitat Konsultattiv imsemmi fil-paragrafu 6 jista' jservi wkoll bħala forum għal djalogu ma' partijiet terzi oħra dwar kwistjonijiet speċifiċi ta' interess reċiproku li jaqgħu taħt il-kompetenza ta' l-Aġenzija, u jista' jservi biex jiżgura li jinżammu infurmati bi sħiħ bl-iżviluppi fi kwistjonijiet ta' interess komuni u b'opportunitajiet għal koperazzjoni fil-ġejjieni.

KAPITOLU VII

DISPOSIZZJONIJIET VARJI

Artikolu 26

Privileġġi u immunitajiet

Għandu jsir provvediment għall-privileġġi u l-immunitajiet li huma meħtieġa għat-twettiq tad-doveri ta' l-Aġenzija, tad-Direttur Eżekuttiv u tal-persunal tagħha fi ftehim bejn l-Istati Membri parteċipanti.

Artikolu 27

Klawżola ta' reviżjoni

Il-Kap ta' l-Aġenzija għandu jippreżenta, mhux aktar tard minn tliet snin mid-dħul fis-seħħ ta' din l-Azzjoni Konġunta jew mad-dħul fis-seħħ tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa, skond liema jseħħ l-ewwel, rapport lill-Bord Direttiv dwar l-implimentazzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta bil-ħsieb tal-possibbiltà ta' reviżjoni tagħha mill-Kunsill.

Artikolu 28

Responsabbiltà legali

1.   Ir-responsabbiltà kontrattwali ta' l-Aġenzija għandha tiġi rregolata mil-liġi li tapplika għall-kuntratt konċernat.

2.   Ir-responsabbiltà personali tal-persunal lejn l-Aġenzija għandha tiġi rregolata mir-regoli rilevanti applikabbli għall-Aġenzija.

Artikolu 29

Aċċess għal dokumenti

Fuq proposta mid-Direttur Eżekuttiv, il-Bord Direttiv għandu jadotta regoli dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti ta' l-Aġenzija, waqt li jitqiesu l-prinċipji u l-limiti stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru. 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għal dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (2).

Artikolu 30

Sigurtà

1.   L-Aġenzija għandha tapplika r-regolamenti ta' sigurtà tal-Kunsill stabbiliti fid-Deċiżjoni 2001/264/KE (3).

2.   L-Aġenzija għandha tiżgura li jkun hemm sigurtà u ħeffa xierqa fil-komunikazzjonijiet esterni tagħha.

Artikolu 31

Reġim tal-lingwa

Ir-reġim tal-lingwa ta' l-Aġenzija għandu jiġi stabbilit mill-Kunsill, li jaġixxi b'mod unanimu.

Artikolu 32

Miżuri transitorji

Is-SĠ/RGħ għandu jieħu l-miżuri meħtieġa għall-istabbiliment operattiv ta' l-Aġenzija. Għal dan il-għan, huwa/hija jista'/tista' wkoll jeżerċita/teżerċita l-poteri mogħtija lid-Direttur Eżekuttiv taħt din l-Azzjoni Konġunta sal-ħatra tiegħu/tagħha.

Artikolu 33

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' l-adozzjoni tagħha.

Artikolu 34

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell, nhar it-12 ta' Lulju 2004.

Għall-Kunsill

Il-President

B. BOT


(1)  ĠU L 253, tas-7.10.2000, p. 42.

(2)  ĠU L 145, tat-31.5.2001, p. 43.

(3)  ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1.