15.11.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

69


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-27 ta’ Diċembru 2004

li temenda d-Deċiżjoni 2001/497/KE fir-rigward ta’ l-introduzzjoni ta’ sett alternattiv ta’ klawżoli standard kontrattwali għat-trasferiment ta' data personali lil pajjiżi terzi

(notifikata taħt id-dokument numru C(2004) 5271)

(2004/915/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' din id-data (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 26(4) tagħha,

Billi:

(1)

Sabiex jiġu faċilitati flussi ta’ data mill-Komunità, huwa mixtieq li kontrolluri tad-data jkunu jistgħu jwettqu trasferimenti tad-data globalment taħt sett uniku ta’ regoli ta’ protezzjoni tad-data. Fl-assenza ta’ standards għall-protezzjoni tad-data globali, klawżoli standard kontrattwali jipprovdu għodda importanti li tippermetti t-trasferiment ta’ data personali mill-Istati Membri kollha taħt sett ta’ regoli komuni. Għalhekk id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/497/KE tal-15 ta’ Ġunju 2001 dwar klawżoli standard kontrattwali għat-trasferiment ta’ data personali lil pajjiżi terzi skond id-Direttiva 95/46/KE (2) tistabbilixxi sett mudell ta’ klawżoli standard kontrattwali li jiżgura protezzjoni adegwata għat-trasferiment ta’ data lil pajjiżi terzi.

(2)

Inkisbet ħafna esperjenza mill-adozzjoni ta’ dik id-Deċiżjoni. Barra minn hekk, koalizzjoni ta’ assoċjazzjonijiet kummerċjali (3) issottomettiet sett ta’ klawżoli standard kontrattwali alternattivi ddisinjati sabiex jipprovdu livell ta’ protezzjoni tad-data ekwivalenti għal dik provduta mis-sett ta’ klawżoli standard kontrattwali stabbilita fid-Deċiżjoni 2001/497/KE filwaqt li jużaw mekkaniżmi differenti.

(3)

Minħabba li l-użu ta’ klawżoli standard kontrattwali għal trasferimenti internazzjonali tad-data huwa volontarju minħabba li klawżoli standard kontrattwali huma possibbiltà waħda biss minn diversi possibbiltajiet skond id-Direttiva 95/46/KE, għat-trasferimenti legali ta’ data personali lejn pajjiż terz, esportaturi tad-data fil-Komunità u l-importaturi tad-data fil-pajjiżi terzi għandhom ikunu liberi li jagħżlu kwalunkwe waħda mis-settijiet tal-klawżoli standard kontrattwali, jew jagħżlu xi bażi legali oħra għat-trasferiment tad-data. Minħabba li kull sett fl-intier tiegħu jifforma mudell, l-esportaturi tad-data m’għandhomx, madankollu, jitħallew jemendaw dawn is-settijiet jew jamalgamawhom totalment jew parzjalment bi kwalunkwe mod.

(4)

Il-klawżoli standard kontrattwali sottomessi mill-assoċjazzjonijiet kummerċjali jimmiraw sabiex iżidu l-użu ta’ klawżoli kontrattwali fost l-operaturi permezz ta’ mekkaniżmi bħal rekwiżiti ta’ verifika aktar flessibbli, regoli aktar dettaljati dwar id-dritt għall-aċċess.

(5)

Barra minn hekk, bħala alternattiva għas-sistema tar-responsabbiltà in solidum provvduta fid-Deċiżjoni 2001/497/KE, is-sett sottomess issa jinkludi reġim ta’ responsabbiltà bbażat fuq obbligi tad-diliġenza kollha meħtieġa fejn l-esportatur tad-data u l-importatur tad-data jkunu responsabbli vis-à-vis is-suġġetti tad-data għall-ksur rispettiv tagħhom ta’ l-obbligi kontrattwali tagħhom; l-esportatur tad-data huwa responsabbli wkoll li ma jużax sforzi raġonevoli sabiex jiddetermina li l-importatur tad-data jista’ jissodisfa l-obbligi legali tiegħu taħt il-klawżoli (culpa in eligendo) u s-suġġett tad-data jista’ jieħu azzjoni kontra l-esportatur tad-data f’dan ir-rigward. L-infurzar ta’ klawżola I punt (b) tas-sett il-ġdid ta’ klawżoli standard kontrattwali huwa ta’ importanza partikolari f’dan ir-rigward, b’mod partikolari f’konnessjoni mal-possibbiltà li l-esportatur tad-data jwettaq verifiki fuq il-bini ta’ l-importaturi tad-data jew li jitlob evidenza ta’ risorsi finanzjarji suffiċjenti sabiex jissodisfa r-responsabbiltajiet tiegħu.

(6)

Fir-rigward ta’ l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-parti terza benefiċjarja mis-suġġetti tad-data, involviment akbar ta’ l-esportatur tad-data fir-riżoluzzjoni ta’ l-ilmenti tas-suġġetti tad-data hija provvduta, fejn l-esportatur tad-data jkun obbligat li jagħmel kuntatt ma’ l-importatur tad-data u, jekk ikun meħtieġ, jinforza l-kuntratt fil-perjodu normali ta’ xahar. Jekk l-esportatur tad-data jirrifjuta li jinforza l-kuntratt u l-ksur mill-importatur tad-data jkompli, is-suġġett tad-data jista’ mbagħad jinforza l-klawżoli kontra l-importatur tad-data u eventwalment ifittxu fi Stat Membru. Din l-aċċettazzjoni ta’ ġuriżdizzjoni u l-ftehim ta’ konformità ma’ deċiżjoni ta’ qorti kompetenti jew awtorità ta’ protezzjoni tad-data ma tippreġudikax kwalunkwe dritt proċedurali ta’ l-importaturi tad-data stabbiliti f’pajjiżi terzi, bħal m’huma d-drittijiet ta’ appell.

(7)

Sabiex, madankollu, jiġu evitati abbużi minħabba f’din il-flessibbiltà addizzjonali, huwa xieraq li jiġi provdut li l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data jistgħu jipprojbixxu jew jissospendu aktar faċilment trasferimenti tad-data ibbażati fuq is-sett ġdid ta’ klawżoli standard kontrattwali f’dawk il-każijiet fejn l-esportatur tad-data jirrifjuta lil jieħu l-passi xierqa sabiex jinforza l-obbligi kontrattwali kontra l-importatur tad-data jew dan ta’ l-aħħar jirrifjuta li jikkoopera f’bona fede ma’ l-awtoritajiet ta’ sorveljanza kompetenti tal-protezzjoni tad-data.

(8)

L-użu tal-klawżoli standard kontrattwali ser isir bla preġudizzju għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond id-Direttiva 95/46/KE jew id-Direttiva 2002/58/KE (4) dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika), b’mod partikolari safejn huwa kkonċernat komunikazzjonijiet kummerċjali meta jintbagħtu għall-finijiet ta’ marketing dirett.

(9)

Fuq dik il-bażi, is-salvagwardji li jinsabu fil-klawżoli standard kontrattwali jistgħu jitqiesu bħala adegwati fis-sens ta’ l-Artikolu 26(2) tad-Direttiva 95/46/KE.

(10)

Il-Kumitat ta’ Ħidma għall-Protezzjoni ta' Individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' Data Personali stabbilit taħt l-Artikolu 29 tad-Direttiva 95/46/KE ta opinjoni (5) fuq il-livell ta' protezzjoni provdut taħt il-klawżoli standard kontrattwali sottomessi li ġew ikkunsidrati.

(11)

Sabiex jiġi stmat it-tħaddim ta’ l-emendi għad-Deċiżjoni 2001/497/KE, huwa xieraq li l-Kummissjoni tevalwahom tliet snin wara n-notifika tagħhom lill-Istati Membri.

(12)

Id-Deċiżjoni 2001/497/KE għandha tiġi emendata skond dan.

(13)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit taħt l-Artikolu 31 tad-Direttiva 95/46/KE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2001/497/KE tiġi emendata kif ġej:

1.

Fl-Artikolu 1 għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

“Il-kontrolluri tad-data jistgħu jagħżlu wieħed mis-settijiet I jew II fl-Anness. Madankollu, ma jistgħux jemendaw il-klawżoli jew igħaqqdu klawżoli individwali jew is-settijiet.”

2.

Fl-Artikolu 4 il-paragrafi 2 u 3 għandhom jinbidlu b’dan li ġej:

“2.   Għall-finijiet ta’ paragrafu 1, fejn il-kontrollur tad-data jressaq salvagwardji adegwati fuq il-bażi tal-klawżoli standard kontrattwali inklużi fis-set II fl-Anness, l-awtoritajiet kompetenti tal-protezzjoni tad-data huma intitolati li jeżerċitaw il-poteri eżistenti tagħhom sabiex jipprojbixxu jew jissospendu flussi ta’ data f’waħda mill-każijiet li ġejjin:

(a)

ir-rifjut min-naħa ta’ l-importatur tad-data li jikkoopera f’bona fede ma’ l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data, jew li jikkonforma ma’ l-obbligi ċari tagħhom skond il-kuntratt;

(b)

ir-rifjut min-naħa ta’ l-esportatur tad-data li jieħu l-passi xierqa li jinforza l-kuntratt kontra l-importatur tad-data fil-perjodu normali ta’ xahar wara avviż mill-awtorità kompetenti tal-protezzjoni tad-data lill-esportatur tad-data.

Għall-finijiet ta’ l-ewwel sottoparagrafu r-rifjut in male fede jew ir-rifjut min-naħa ta’ l-importatur tad-data li jinforza l-kuntratt m’għandux jinkludi każijiet li fihom il-kooperazzjoni jew l-infurzar ikunu f’kunflitt ma’ rekwiżiti mandatorji tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-Importatur tad-Data li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ f’soċjetà demokratika fuq il-bażi ta’ wieħed mill-interessi elenkati fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46/KE, b’mod partikolari sanzjonijiet kif stabbiliti fl-għodod internazzjonali u/jew nazzjonali, ir-rekwiżiti tar-rappurtar tat-taxxa jew ir-rekwiżiti tar-rappurtar kontra l-ħasil tal-flus.

Għall-finijiet tal-punt (a) ta’ l-ewwel sottoparagrafu il-kooperazzjoni tista’ tinkludi, b’mod partikolari, is-sottomissjoni tal-faċilitajiet ta’ l-ipproċessar tad-data ta’ l-importatur tad-data għall-verifika jew l-obbligu li josserva l-parir ta’ l-awtorità ta’ sorveljanza tal-protezzjoni tad-data fil-Komunità.

3.   Il-projbizzjoni jew is-sospensjoni skond il-paragrafi 1 u 2 għandhom jitneħħew malli r-raġunijiet għall-projbizzjoni jew is-sospensjoni ma jibqgħux jeżistu aktar.

4.   Meta l-Istati Membri jadotta miżuri skond il-paragrafi 1, 2 u 3, huma għandhom, mingħajr dewmien, jgħarrfu lill-Kummissjoni li għandha tgħaddi l-informazzjoni lill-Istati Membri l-oħra.”

3.

Fl-Artikolu 5 l-ewwel sentenza għandha tinbidel b’dan li ġej:

“Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-mod kif taħdem din id-Deċiżjoni fuq il-bażi ta' l-informazzjoni disponibbli tlett snin wara n-notifika tagħha u n-notifika ta’ kwalunkwe emenda għaliha lill-Istati Membri.”

4.

L-Anness jiġi emendat kif ġej:

1.

Wara t-titolu jiddaħħlu t-termini “SETT I”.

2.

Jiżdied it-test stipulat fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ April 2005.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 27 ta’ Diċembru 2004.

Għall-Kummissjoni

Charlie McCREEVY

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31; Id-Direttiva hekk kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1883/2003 (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

(2)  ĠU L 181, 4.7.2001, p. 19.

(3)  Il-Kamra tal-Kummerċ Internazzjonali (International Chamber of Commerce — ICC), il-Kunsill tal-Kummerċ Ġappuniż fl-Ewropa (Japan Business Council in Europe — JBCE), l-Assoċjazzjoni Ewropea tat-Teknoloġia ta’ l-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (European Information and Communications Technology Association — EICTA), il-Kumitat ta’ l-UE tal-Kamra tal-Kummerċ Amerikana fil-Beljġju (EU Committee of the American Chamber of Commerce In Belgium — Amcham), il-Konfederazzjoni ta’ l-Industrija tal-Gran Brittanja (Confederation of British Industry — CBI), ir-Round Table tal-Komunikazzjoni Internazzjonali (International Communication Round Table — ICRT) u l-Federazzjoni ta’ l-Assoċjazzjonijiet Ewropej tal-Marketing Dirett (Federation of European Direct Marketing Associations — FEDMA).

(4)  ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37.

(5)  L-Opinjoni Nru 8/2003, disponibbli minn: http://europa.eu.int/comm/privacy


ANNESS

SETT II

Klawżoli Standard Kontrattwali għat-Trasferiment tad-Data Personali mill-Komunità lill-Pajjiżi Terzi (trasferimenti minn kontrollur għal kontrollur)

Il-Ftehim tat-Trasferiment tad-Data

Bejn

_ (l-isem)

_ (l-indiriżż u l-pajjiż ta’ stabbiliment)

Minn hawn ‘il quddiem “L-Esportatur tad-Data”

u

_ (l-isem)

_ (l-indiriżż u l-pajjiż ta’ stabbiliment)

Minn hawn ‘il quddiem “L-Importatur tad-Data”

kull wieħed “Parti”, flimkien “il-Partijiet”

Id-definizzjonijiet

Għall-finijiet tal-Klawżoli:

(a)

“id-data personali”, “il-kategoriji speċjali ta’ data/data sensittiva”, “il-proċess/l-ipproċessar”, “il-kontrollur”, “il-proċessur”, “is-Suġġett tad-Data”, u “l-Awtorità ta’ Sorveljanza/l-Awtorità” għandhom l-istess tifsira bħal fid-Direttiva 95/46/KE ta’ l-24 ta’ Ottubru 1995 (fejn “l-Awtorità” għandha tfisser l-awtorità kompetenti tal-protezzjoni tad-data fit-territorju fejn huwa stabbilit l-esportatur tad-data);

(b)

“l-Esportatur tad-Data” għandu jfisser il-kontrollur li jittrasferixxi d-Data Personali;

(c)

“l-Importatur tad-Data” għandu jfisser il-Kontrollur li jaqbel li jirċievi, mill-Esportatur tad-Data, data personali li hija maħsuba għal aktar ipproċessar skond it-termini ta’ dawn il-Klawżoli u li m'huwiex soġġett għal sistema ta' pajjiż terz li tiżgura protezzjoni adegwata;

(d)

“Klawżoli” għandhom ifissru dawn il-Klawżoli Kontrattwali, li huma dokument indipendenti li ma jinkorporax termini ta’ negozju kummerċjali stabbiliti mill-Partijiet taħt arranġamenti kummerċjali separati.

Id-dettalji tat-trasferiment (kif ukoll id-data personali koperta) huma speċifikati fl-Anness B, li jifforma parti integrali tal-Klawżoli.

I.   L-obbligi ta’ l-Esportatur tad-Data

L-Esportatur tad-Data jiggarantixxi u jobbliga ruħu li:

a)

Id-Data Personali tkun inġabret, ġiet ipproċessata, u trasferita skond il-liġijiet applikabbli għall-Esportatur tad-Data.

b)

Uża sforzi raġonevoli sabiex jiddetermina li l-Importatur tad-Data jkun jista’ jissodisfa l-obbligi legali tiegħu taħt dawn il-Klawżoli.

c)

Se jipprovdi lill-Importatur tad-Data, meta dan jitlobhom, bil-kopji ta’ liġijiet rilevanti tal-protezzjoni tad-data jew referenzi għalihom (fejn rilevanti, u mingħajr ma jiġi inkuż il-parir legali) tal-pajjiż li fih l-Esportatur tad-Data jiġi stabbilit.

d)

Iwieġeb għall-mistoqsijiet minn Suġġetti tad-Data u l-Awtorità dwar l-ipproċessar tad-Data Personali mill-Importatur tad-Data, sakemm il-Partijiet ikunu ftehmu li l-Importatur tad-Data se jwieġeb b’dan il-mod, f’liema każ l-Esportatur tad-Data xorta jwieġeb safejn raġonevolment possibbli u bl-informazzjoni raġonevolment disponibbli lilu jekk l-Importatur tad-Data ma jkunx lest jew ma jkunx jista’ jwieġeb. It-tweġibiet isiru fi żmien raġonevoli.

e)

Jagħmel disponibbli, fuq talba, kopja tal-Klawżoli lis-Suġġetti tad-Data li huma parti terza benefiċjarji taħt il-Klawżola III, sakemm il-Klawżoli jinkludu informazzjoni kunfidenzjali, f’liema każ jista’ jneħħi din l-informazzjoni. Fejn titneħħa l-informazzjoni, l-Esportatur tad-Data għandu jgħarraf lis-Suġġetti tad-Data bil-miktub ir-raġuni għat-tneħħija ta’ din l-informazzjoni u tad-dritt tagħhom li jiġbdu l-attenzjoni ta’ l-Awtorità dwar dan. Madankollu, l-Esportatur tad-Data għandu josserva d-deċiżjoni ta’ l-Awtorità fir-rigward ta’ aċċess għat-test sħiħ tal-Klawżoli mis-Suġġetti tad-Data, sakemm is-Suġġetti tad-Data jkunu ftehmu li jirrispettaw il-kunfidenzjalità ta’ l-informazzjoni kunfidenzjali li tkun tneħħiet. L-Esportatur tad-Data għandu jipprovdi wkoll kopja tal-Klawżoli lill-Awtorità fejn ikun meħtieġ.

II.   L-obbligi ta’ l-Importatur tad-Data

L-Importatur tad-Data jiggarantixxi u jobbliga ruħu li:

a)

Ikollu fis-seħħ miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa biex jipproteġu d-Data Personali kontra il-qerda aċċidentali jew kontra l-liġi jew it-telfien, it-tibdil, l-iżvelar mhux awtorizzat jew l-aċċess aċċidentali, u li jipprovdu livell xieraq ta’ sigurtà għar-riskju rappreżentat mill-ipproċessar u n-natura tad-data li trid tiġi protetta.

b)

Ikollu fis-seħħ proċeduri sabiex kwalunkwe parti terza li huwa jawtorizza sabiex ikollha aċċess għad-Data Personali, inkluż proċessuri, jirrispettaw u jżommu l-kunfidenzjalità u s-sigurtà tad-Data Personali. Kwalunkwe persuna li taġixxi taħt l-awtorità ta’ l-Importatur tad-Data, inkluż proċessur tad-data, għandha tkun obbligata li tipproċessa d-Data Personali fuq struzzjonijiet mill-Importatur tad-Data biss. Din id-dispożizzjoni ma tapplikax għal persuni awtorizzati jew meħtieġa bil-liġi jew b’xi regolament li jkollhom aċċess għad-Data Personali.

c)

M’għandu l-ebda raġuni li jemmen, fil-mument li daħlu fis-seħħ dawn il-Klawżoli, fl-eżistenza ta’ kwalunkwe liġi lokali li jista’ jkollha effett sostanzjalment ħażin fuq il-garanziji provduti skond dawn il-Klawżoli, u li se jgħarraf lill-Esportatur tad-Data (li imbagħad jgħaddi din in-notifika lill-Awtorità fejn ikun meħtieġ) jekk isir konxju ta’ xi liġijiet bħal dawn.

d)

Se jipproċessa d-Data Personali għall-finijiet deskritti fl-Anness B, u għandu l-Awtorità legali li jagħti l-garanziji u jissodisfa l-impenji stipulati f’dawn il-Klawżoli.

e)

Se jidentifika lill-Esportatur tad-Data punt ta’ kuntatt fi ħdan l-organizzazzjoni tiegħu awtorizzat biex iwieġeb għal mistoqsijiet dwar l-ipproċessar tad-Data Personali, u se jikkoopera f’bona fede ma’ l-Esportatur tad-Data, is-Suġġett tad-Data u l-Awtorità dwar dawn il-mistoqsijiet kollha fi żmien raġonevoli. Fil-każ tax-xoljiment legali ta’ l-Esportatur tad-Data, jew jekk il-Partijiet jaqblu fuq dan, l-Importatur tad-Data jassumi r-responsabbiltà għall-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Klawżola I (e).

f)

Fuq it-talba ta’ l-Esportatur tad-Data, se jipprovdi lill-Esportatur tad-Data bix-xhieda ta’ riżorsi finanzjarji suffiċjenti sabiex jissodisfa r-responsabbiltajiet tiegħu taħt il-Klawżola III. (li jistgħu jinkludu l-kopertura ta’ l-assigurazzjoni).

g)

Mat-talba raġonevoli ta’ l-Esportatur tad-Data, se jissottometti l-faċilitajiet ta’ l-ipproċessar tad-data tiegħu, il-fajls tad-data u d-dokumentazzjoni meħtieġa għall-ipproċessar biex jiġu riveduti, ivverifikati u/jew iċċertifikati mill-Esportatur tad-Data (jew kwalunkwe aġenti ta’ spezzjoni jew awdituri indipendenti jew imparzjali, li jintgħażlu mill-Esportatur tad-Data u li ma kienx hemm oġġezzjoni għalihom mill-Importatur tad-Data) biex tiġi żgurata konformità mal-garanziji u l-impenji f’dawn il-Klawżoli, b’avviż raġonevoli u matul ħinijiet regolari tan-negozju. It-talba se tkun suġġetta għal kull kunsens jew approvazzjoni neċessarja minn awtorità regolatorja jew ta’ sorveljanza fil-pajjiż ta’ l-Importatur tad-Data, fejn l-Importatur tad-Data se jipprova jikseb dan il-kunsens jew din l-approvazzjoni f’ħin f’waqtu.

h)

Se jipproċessa d-Data Personali, fuq l-għażla tiegħu, skond:

(i)

il-liġijiet tal-protezzjoni tad-data tal-pajjiż li fih huwa stabbilit l-Esportatur tad-Data; jew

(ii)

id-Dispożizzjonijiet Rilevanti (1) ta’ kwalunkwe Deċiżjoni tal-Kummissjoni skond l-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46/KE, fejn l-Importatur tad-Data jikkonforma mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din l-awtorizzazzjoni jew Deċiżjoni u huwa bbażat f’pajjiż li għalih tappartjeni din l-awtorizzazzjoni jew id-Deċiżjoni, imma mhuwiex kopert minn din l-awtorizzazzjoni jew din id-Deċiżjoni għall-finijiet tat-trasferiment (i) tad-Data Personali (2); jew

(iii)

il-prinċipji ta’ l-ipproċessar tad-data kif ġie stabbilit fl-Anness A.

L-Importatur tad-Data jindika l-għażla tiegħu:

L-inizjali ta’ l-Importatur tad-Data: _

i)

Mhuwiex se jiżvela jew jittrasferixxi d-Data Personali lil Kontrollur tad-Data ta’ parti terza li jinsab barra miż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) ħlief jekk ikun innotifika lill-Esportatur tad-Data dwar it-trasferiment u

i)

il-Kontrollur tad-Data tal-parti terza jipproċessa d-Data Personali skond deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddetermina illi pajjiż terz jipprovdi protezzjoni adegwata, jew

ii)

il-Kontrollur tad-Data tal-parti terza jsir firmatarju għal dawn il-Klawżoli jew ftehim ieħor dwar it-trasferiment tad-data approvat minn awtorità kompetenti fl-UE, jew

iii)

is-Suġġetti tad-Data jkunu ngħataw l-opportunità li joġġezzjonaw, wara li jkunu ġew infurmati dwar il-finijiet tat-trasferiment, il-kategoriji tar-reċipjenti u l-fatt li l-pajjiżi lejn liema hija esportata d-Data jista’ jkollu standards differenti tal-protezzjoni tad-data, jew

iv)

fir-rigward tat-trasferimenti ulterjuri ta’ data sensittiva, is-Suġġetti tad-Data taw il-kunsens mhux ambigwu tagħhom lit-trasferiment ulterjuri.

III.   Ir-responsabbiltà u d-Drittijiet tal-Pajjiżi Terzi

a)

Kull Parti għandha tkun responsabbli lejn il-Parti l-oħra għad-danni li tikkaġuna permezz ta’ kwalunkwe ksur ta’ dawn il-Klawżoli. Ir-responsabbiltà bejn il-Partijiet hija llimitata għad-danni attwali soffruti. Danni punittivi (jiġifieri danni maħsuba sabiex parti tiġi kkastigata għall-kondotta offensiva tagħha) huma esklużi speċifikament. Kull Parti għandha tkun responsabbli lejn is-Suġġetti tad-Data għad-danni li tikkaġuna permezz ta’ kwalunkwe ksur tad-drittijiet tal-partijiet terzi taħt dawn il-Klawżoli. Dan ma jaffettwax ir-responsabbiltà ta’ l-Esportatur tad-Data taħt il-liġi tal-protezzjoni tad-data tiegħu.

b)

Il-Partijiet jaqblu li s-Suġġett tad-Data għandu jkollu d-dritt li jinforza bħala parti terza benefiċjarja din il-Klawżola u l-Klawżoli I.(b), I.(d), I.(e), II.(a), II.(c), II.(d), II.(e), II.(h), II.(i), III.(a), V., VI.(d), u VII. kontra l-Importatur tad-Data jew l-Esportatur tad-Data, għall-ksur rispettiv tagħhom ta’ l-obbligi kontrattwali, fir-rigward tad-Data Personali tiegħu, u jaċċetta l-ġuriżdizzjoni għal dan il-għan fil-pajjiż ta’ l-istabbiliment ta’ l-Esportatur tad-Data. F’każijiet li jinvolvu allegazzjonijiet ta’ ksur mill-Importatur tad-Data, is-Suġġett tad-Data jrid l-ewwel jitlob lill-Esportatur tad-Data sabiex jieħu azzjoni xierqa sabiex jinforza d-drittijiet tiegħu kontra l-Importatur tad-Data; jekk l-Esportatur tad-Data ma jieħux din l-azzjoni fi żmien raġonevoli (li taħt ċirkostanzi normali jkun xahar), is-Suġġett tad-Data jista’ imbagħad jinforza d-drittijiet tiegħu direttament kontra l-Importatur tad-Data. Suġġett tad-Data huwa intitolat li jipproċedi direttament kontra Esportatur tad-Data li jkun naqas milli juża’ sforzi raġonevoli sabiex jiddetermina li l-Importatur tad-Data jista’ jissodisfa l-obbligi legali tiegħu taħt dawn il-klawżoli (l-Esportatur tad-Data għandu jkollu l-piż li jipprova li jkun għamel sforzi raġonevoli).

IV.   Il-Liġi Applikabbli għall-Klawżoli

Dawn il-Klawżoli għandhom jiġu rregolati mill-liġi tal-pajjiż li fih huwa stabbilit l-Esportatur tad-Data, bl-eċċezzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti li għandhom x’jaqsmu ma’ l-ipproċessar tad-Data Personali mill-Importatur tad-Data taħt il-Klawżola II.(h), li għandha tapplika biss jekk tintgħażel mill-Importatur tad-Data taħt dik il-Klawżola.

V.   Ir-Riżoluzzjoni ta’ Tilwim mas-Suġġetti tad-Data jew ma’ l-Awtorità

a)

Fil-każ ta’ tilwima jew talba mresssqa minn Suġġett tad-Data jew l-Awtorità dwar l-ipproċessar tad-Data Personali kontra Parti waħda jew iż-żewġ Partijiet, il-Partijiet se jinfurmaw lil xulxin dwar xi tilwim jew talbiet bħal dawn, u se jikkooperaw bil-ħsieb li isolvuhom amikevolment f’ħin f’waqtu.

b)

Il-Partijiet jaqblu li jwieġbu għal kwalunkwe proċedura ta’ medjazzjoni ġeneralment disponibbli li ma torbotx mibdija minn Suġġett tad-Data jew mill-Awtorità. Jekk fil-fatt jipparteċipaw fil-proċeduri, il-Partijiet jistgħu jagħżlu li jagħmlu dan b’mod remot (bħal permezz tat-telefon jew mezzi oħra elettroniċi). Il-Partijiet jaqblu wkoll li jikkunsidraw li jipparteċipaw fi kwalunkwe arbitraġġ, medjazzjoni, jew proċeduri oħra ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim żviluppati għal tilwim dwar il-protezzjoni tad-data.

c)

Kull Parti għandha tikkonforma ruħha ma’ deċiżjoni ta’ qorti kompetenti tal-pajjiż ta’ l-istabbiliment ta’ l-Esportatur tad-Data jew ta’ l-Awtorità li hija finali u inappellabbli.

VI.   It-Terminazzjoni

a)

Fil-każ li l-Importatur tad-Data jikser l-obbligi tiegħu taħt dawn il-Klawżoli, l-Esportatur tad-Data jista’ jissospendi temporanjament it-trasferiment tad-Data Personali lill-Importatur tad-Data sakemm il-ksur ikun ġie rimedjat jew il-kuntratt ikun intemm.

b)

Fil-każ li:

i)

it-trasferiment tad-Data Personali lill-Importatur tad-Data jkun ġie sospiż termporanjament mill-Esportatur tad-Data għal aktar minn xahar skond il-paragrafu a);

ii)

jekk l-Importatur tad-Data jikkonforma ma’ dawn il-Klawżoli ikun qiegħed jikser l-obbligi legali jew regolatorji tiegħu fil-pajjiż ta’ l-importazzjoni;

iii)

l-Importatur tad-Data ikun qiegħed jikser b’mod sostanzjali jew persistenti kwalunkwe garanzija jew impenn mogħti lilu taħt dawn il-Klawżoli;

iv)

deċiżjoni finali u inappellabbli ta’ qorti kompetenti tal-pajjiż ta’ l-istabbiliment ta’ l-Esportatur tad-Data jew ta’ l-Awtorità tiddeċiedi li kien hemm ksur tal-Klawżoli mill-Importatur tad-Data jew l-Esportatur tad-Data; jew

v)

tiġi ppreżentata petizzjoni għall-amministrazzjoni jew ix-xoljiment ta’ l-Importatur tad-Data, kemm fil-kapaċità personali kif ukoll fil-kapaċità kummerċjali tiegħu, fejn din il-petizzjoni ma tiġix imwarrba fil-perjodu applikabbli għal din iċ-ċaħda skond il-liġi applikabbli; issir ordni ta’ xoljiment; jinħatar riċevitur fuq kwalukwe wieħed mill-assi tiegħu; jinħatar trustee f’falliment, jekk l-Imporatur tad-Data jkun individwu; jibda arranġament soċjetarju volontarju; jew iseħħ kwalunkwe każ ekwivalenti fi kwalunkwe ġuriżdizzjoni

imbagħad l-Esportatur tad-Data, bla preġudizzju għal kwalunkwe dritt ieħor li jista’ jkollu kontra l-Importatur tad-Data, għandu jiġi ntitolat li jtemm dawn il-Klawżoli, f’liema każ l-Awtorità għandha tiġi infurmata fejn ikun meħtieġ. F’każijiet koperti minn i), ii) jew iv) hawn fuq l-Importatur tad-Data jista’ wkoll itemm dawn il-Klawżoli.

c)

Kull waħda minn dawn il-Partijiet tista’ ttemm dawn il-Klawżoli jekk (i) kwalunkwe deċiżjoni pożittiva ta’ adegwatezza tal-Kummissjoni skond l-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46/KE (jew kwalunkwe test li jista’ jissostitwixxiha) tinħareġ fir-rigward tal-pajjiż (jew settur tiegħu) li lilu se tiġi ttrasferita u pproċessata d-data mill-Importatur tad-Data, jew (ii) id-Direttiva 95/46/KE (jew kwalunkwe test li jista’ jissostitwixxiha) issir applikabbli direttament f’dan il-pajjiż.

d)

Il-Partijiet jaqblu li t-terminazzjoni ta’ dawn il-Klawżoli fi kwalunkwe ħin, fi kwalunkwe ċirkostanza u għal kwalunkwe raġuni (minbarra għat-terminazzjoni taħt il-Klawżola VI.(c)) ma teżentahomx mill-obbligi u/jew il-kundizzjonijiet taħt il-Klawżoli fir-rigward ta’ l-ipproċessar tad-Data Personali ttrasferita.

VII.   Il-Varjazzjoni ta’ dawn il-Klawżoli

Il-Partijiet ma jistgħux jimmodifikaw dawn il-Klawżoli ħlief biex jaġġornaw kwalunkwe informazzjoni fl-Anness B, f’liema każ jinfurmaw lill-Awtorità fejn ikun meħtieġ. Dan ma jwaqqafx lill-partijiet milli jżidu klawżoli kummerċjali addizzjonali fejn ikun meħtieġ.

VIII.   Id-Deskrizzjoni tat-Trasferiment

Id-dettalji tat-trasferiment u tad-Data Personali huma speċifikati fl-Anness B. Il-Partijiet jaqblu li l-Anness B jista’ jinkludi informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali li mhumiex se jiżvelaw lil partijiet terzi, minbarra kif meħtieġ bil-liġi jew bi tweġiba għal aġenzija kompetenti regolatorja jew tal-gvern, jew kif meħtieġ taħt il-Klawżola I (e). Il-Partijiet jistgħu jesegwixxu Annessi addizzjonali biex ikopru trasferimenti addizzjonali, li se jiġu sottomessi lill-Awtorità fejn ikun meħtieġ. L-Anness B jista’, alternattivament, jiġi mfassal sabiex ikopri trasferimenti moltipliċi.

Data: _

_

_

għall-IMPORTATUR TAD-DATA

għall-ESPORTATUR TAD-DATA

ANNESS A

IL-PRINĊIPJI TA’ L-IPPROĊESSAR TAD-DATA

1.

Il-limitazzjoni ta’ l-iskop — Id-Data Personali għandha tiġi pproċessata u sussegwentement użata jew ikkomunikata biss b'mod ulterjuri għal skopijiet deskritti fl-Anness B jew sussegwentement awtorizzata mis-Suġġett tad-Data.

2.

Il-Kwalità u l-proporzjonalità tad-data — Id-Data Personali għandha tkun eżatta u, meta neċessarju, tinżamm aġġornata. Id-Data Personali għandha tkun adegwata, rilevanti u mhux eċċessiva fir-rigward ta' l-iskopijiet li għalihom hija trasferita u pproċessata b'mod ulterjuri.

3.

It-trasparenza — Is-suġġetti tad-Data għandhom jiġu pprovduti bl-informazzjoni meħtieġa sabiex jiġi żgurat l-ipproċessar ġust (bħall-informazzjoni dwar l-iskopijiet ta’ l-ipproċessar u dwar it-trasferiment), sakemm din l-informazzjoni tkun diġà ingħatat mill-Esportatur tad-Data.

4.

Is-Sigurtà u l-kunfidenzjalità — Għandhom jittieħdu miżuri tekniċi u organizzattivi ta' sigurtà mill-Kontrollur tad-Data li huma xierqa għar-riskji, bħal kontra l-qerda aċċidentali jew kontra l-liġi jew it-telfien, it-tibdil, l-iżvelar mhux awtorizzat jew l-aċċess aċċidentali, ippreżentat mill-Ipproċessar. Kwalunkwe persuna li taġixxi taħt l-awtorità tal-Kontrollur tad-Data, inkluż dak li jipproċessa, m'għandhiex tipproċessa d-data ħlief taħt struzzjonijiet mill-Kontrollur tad-Data.

5.

Id-drittijiedt ta' aċċess, ir-rettifika, it-tħassir u l-oġġezzjoni — Kif provdut fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 95/46/KE, is-Suġġetti tad-Data għandhom, jew direttament jew permezz ta’ parti terza, jiġu provduti b-informazzjoni personali dwarhom li jkollha organizzazzjoni, ħlief għal talbiet abużivi ferm ibbażati fuq intervalli mhux raġonevoli jew in-numru tagħhom jew in-natura ripetittiva jew sistematika tagħhom, jew għal liema ma jinħtieġx li jingħata aċċess skond il-liġi tal-pajjiż ta’ l-Esportatur tad-Data. Sakemm l-Awtorità tkun tat l-approvazzjoni minn qabel tagħha, l-aċċess jista’ ma jingħatax ukoll meta dan x’aktarx jikkaġuna ħsara serja lill-interessi ta’ l-Importatur tad-Data jew ta’ organizzazzjonijiet oħra li qed jittrattaw ma’ l-Importatur tad-Data u dawn l-interessi mhumiex megħluba mill-interessi għad-drittijiet u l-libertajiet fondamentali tas-Suġġett tad-Data. Ma jinħtieġx li s-sorsi tad-data personali jiġu identifikati meta dan ma jkunx possibbli permezz ta’ sforzi raġonevoli, jew fejn ikun hemm xi vjolazzjoni tad-drittijiet ta’ persuni oħra għajr l-individwu. Għandu jkun possibbli li s-Suġġetti tad-Data ikollhom l-informazzjoni personali li tirrelata għalihom rettifikata, emendata, jew imħassra fejn ma tkunx eżatta jew ipproċessata kontra dawn il-Prinċipji. Jekk ikun hemm raġunijiet serji sabiex ikun hemm dubju dwar il-leġittimità tat-talba, l-organizzazzjoni tista’ teħtieġ aktar ġustifikazzjonijiet qabel ma tipproċedi għar-rettifika, l-emenda jew it-tħassir. In-notifika ta’ kwalunkwe rettifika, emenda jew tħassir lill-partijiet terzi li lilhom ġiet żvelata d-data mhijiex meħtieġa meta din tinvolvi sforz sproporzjonat. Is-Suġġetti tad-Data għandhom ikunu jistgħu joġġezzjonaw għall-Ipproċessar tad-Data Personali relatata għalihom jekk ikun hemm raġunijiet leġittimi obbligatorji li jirrelataw għas-sitwazzjoni partikolari tagħhom. Il-piż tal-prova għal kwalunkwe rifjut tistrieħ fuq l-Importatur tad-Data, u s-Suġġett tad-Data dejjem jista’ jisfida rifjut quddiem l-Awtorità.

6.

Id-Data Sensittiva — L-Importatur tad-Data għandu jieħu dawk il-miżuri addizzjonali (per eżempju, dawk relatati mas-sigurtà) li huma meħtieġa sabiex tiġi protetta din id-Data Sensittiva skond l-obbligi tiegħu taħt il-Klawżola II.

7.

Id-Data użata għall-Iskopijiet ta’ Marketing — Fejn id-data hija pproċessata għall-iskopijiet ta’ marketing dirett, proċeduri effettivi għandhom ikunu eżistenti sabiex jippermettu lis-suġġett tad-data fi kwalunkwe ħin li jagħżel li jibqa' barra milli d-data tiegħu tintuża’ għal dawn l-iskopijiet.

8.

Deċiżjonijiet Awtomati — Għall-iskopijiet ta’ din id-Deċiżjoni “Deċiżjoni Awtomata” għandha tfisser deċiżjoni mill-Esportatur tad-Data jew l-Importatur tad-Data li tipproduċi effetti legali li jikkonċernaw Suġġett tad-Data jew jaffettwawh b’mod sinifikanti u li hija bbażata biss fuq l-Ipproċessar awtomat ta’ Data Personali maħsuba għall-valutazzjoni ta' ċerti aspetti personali li jirrelataw għalih, bħall-atteġġament tiegħu fuq ix-xogħol, il-kreditu, id-dipendibbiltà, il-kondotta eċċ. L-Importatur tad-Data m’għandu jieħu l-ebda Deċiżjoni Awtomata li tikkonċerna s-Suġġetti tad-Data, ħlief meta:

(a)

i)

dawn id-deċiżjonijiet isiru mill-Importatur tad-Data meta jidħol f’kuntratt jew jwettaq kuntratt mas-Suġġett tad-Data, u

ii)

is-Suġġett tad-Data jingħata l-opportunità sabiex jiddiskuti r-riżultati ta’ Deċiżjoni Awtomata rilevanti ma’ rappreżentant tal-parti li qed tieħu din id-deċiżjoni jew inkella li jagħmel rappreżentazzjonijiet lil dik il-parti.

jew

(b)

Fejn provdut mod ieħor mill-liġi ta’ l-Esportatur tad-Data.

ANNESS B

ID-DESKRIZZJONI TAT-TRASFERIMENT

[Trid timtela mill-Partijiet]

Image

Test ta 'immaġni

KLAWŻOLI KUMMERĊJALI ILLUSTRATTIVI (VOLONTARJA)

Indennità bejn l-Esportatur tad-Data u l-Importatur tad-Data:

“Il-Partijiet se jindennifikaw lil xulxin u iżommu lil xulxin mingħajr ħsara minn kwalunkwe spiża, imposta, danni, nefqa jew telf li jistgħu jikkaġunaw lil xulxin bħala riżultat tal-ksur tagħhom ta’ kwalunkwe waħda mid-dispożizzjonijiet ta’ dawn il-Klawżoli. L-Indennità imsemmija hawn isfel hija kontinġenti fuq (a) il-Parti(jiet) li se jiġu indennifikati (il-‘Parti(jiet) Indennifikati’) li jinnotifikaw fil-pront lill-Parti(jiet) l-oħra (il- ‘Parti(jiet) Indennifikati’) b talba, (b) il-Parti(jiet) Indennifikati li għandhom il-kontroll waħdieni tad-difiża u r-riżoluzzjoni ta’ din it-talba, u (c) il-Parti(jiet) Indennifikati li jipprovdu kooperazzjoni raġonevoli u assistenza lill-Parti(jiet) Indennifikati fid-difiża ta’ din it-talba.”

Ir-Riżoluzzjoni ta’ Tilwim bejn l-Esportatur tad-Data u l-Importatur tad-Data (il-Partijiet jistgħu jissostitwixxu kwalunkwe riżoluzzjoni alternattiva oħra ta’ tilwim jew klawżola ġuriżdizzjonali):

“Fil-każ ta’ tilwim bejn l-Importatur tad-Data u l-Esportatur tad-Data li jikkonċerna kwalunkwe ksur allegat ta’ kwalunkwe dispożizzjoni ta’ dawn il-Klawżoli, dan it-tilwim se jiġi finalment solvut skond ir-Regoli ta’ l-Arbitraġġ tal-Kamra tal-Kummerċ Internazzjonali minn arbitru wieħed jew aktar maħtur(a) skond ir-regoli imsemmija. Il-post ta’ l-arbitraġġ għandu jkun [ ]. In-numru ta’ l-arbitri għandu jkun [ ].”

L-Allokazzjoni ta’ l-Ispejjeż:

“Kull Parti għandha twettaq l-obbligi tagħha taħt dawn il-Klawżoli bl-ispejjeż għaliha.”

Il-Klawżola tat-Terminazzjoni Żejda

“Fil-każ tat-terminazzjoni ta’ dawn il-Klawżoli, l-Importatur tad-Data għandu jirritorna minnufih id-Data Personali kollha u l-kopji kollha tad-Data Personali suġġetta għal dawn il-Klawżoli lill-Esportatur tad-Data jew, fuq l-għażla ta’ l-Esportatur tad-Data, jeqred il-kopji kollha ta’ dawn u jiċċertifika lill-Esportatur tad-Data li jkun għamel dan, minbarra jekk l-Importatur tad-Data jiġi mwaqqaf mill-liġi nazzjonali jew ir-regolatur lokali tiegħu milli jeqred jew jirritorna d-data kollha jew parti minna, f’liema każ id-data tinżamm kunfidenzjali u ma tiġix ipproċessata b’mod attiv għall-ebda skop. L-Importatur tad-Data jaqbel li, jekk dan jintalab mill-Esportatur tad-Data, jagħti lill-Esporatur tad-Data jew lill-aġent ta’ spezzjoni magħżul mill-Esportatur tad-Data u li l-Importatur tad-Data ma joġġezzjonax b’mod raġonevoli għalih, aċċess għall-istabbiliment tiegħu biex jivverifika li dan ikun sar, b’avviż raġonevoli u matul il-ħinijiet tan-negozju.”


(1)  “Id-Dispożizzjonijiet Rilevanti” ifissru dawk id-dispożizzjonijiet ta’ kwalunkwe awtorizzazzjoni jew Deċiżjoni minbarra d-dispożizzjonijiet ta’ infurzar ta’ kwalunkwe awtorizzazzjoni jew Deċiżjoni (li għandha tiġi rregolata minn dawn il-Klawżoli).

(2)  Madankollu, id-dispożizzjonijiet ta’ l-Anness A.5 dwar id-drittijiet ta’ l-aċċess, ir-rettifika, it-tħassir u l-oġġezzjoni jridu jiġu applikati meta tintgħażel din l-għażla u jieħdu preċedenza fuq kwalunkwe dispożizzjoni komparabbli tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tkun ingħażlet.