31.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

58


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-25 ta’ Ottubru 2004

dwar l-iffirmar, f'isem il-Komunità Ewropea, u dwar l-applikazzjoni proviżorja ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera rigward l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera ma’ l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-acquis ta’ Schengen

(2004/849/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 24 u 38 tiegħu,

Billi:

(1)

Wara l-awtorizzazzjoni mogħtija lill-Presidenza, assistita mill-Kummissjoni, fis-17 ta’ Ġunju 2002, in-negozjati ma’ l-Awtoritajiet Svizzeri, dwar l-assoċjazzjoni ta’ l-Isvizzera ma’ l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-acquis ta’ Schengen ġew konklużi.

(2)

Soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard, huwa mixtieq li l-Ftehim li ġie inizjalat fil-25 ta’ Ġunju 2004 jiġi ffirmat.

(3)

Il-Ftehim jipprovdi għall-applikazzjoni proviżorja ta’ ċerti dispożizzjonijiet tiegħu. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu applikati fuq bażi proviżorja sakemm jidħol fis-seħħ il-Ftehim.

(4)

Sa fejn għandu x’jaqsam l-iżvilupp ta’ l-acquis ta’ Schengen, li jaqa’ taħt it-Titolu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, huwa xieraq li d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn iż-żewġ Stati ma' l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta' l-acquis ta' Schengen (1) isiru applikabbli, mutatis mutandi, għar-relazzjonijiet ma’ l-Isvizzera mal-firma tal-Ftehim.

(5)

Din id-Deċiżjoni ma tippreġudikax il-pożizzjoni tar-Renju Unit, skond il-Protokoll li jintegra l-acquis ta’ Schengen fil-qafas ta’ l-Unjoni Ewropea anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u d-Deċizjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u Irlanda ta' Fuq biex jieħdu parti f'xi disposizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen (2).

(6)

Din id-Deċiżjoni ma tippreġudikax il-pożizzjoni ta' l-Irlanda, skond il-Protokoll li jintegra l-acquis ta’ Schengen fil-qafas ta’ l-Unjoni Ewropea anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u d-Deċizjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tad-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba ta' l-Irlanda biex tieħu sehem f'xi dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen (3),

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera ma’ l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-acquis ta’ Schengen, u d-dokumenti relatati li jikkonsistu fl-Att Finali, tal-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta’ Ittri dwar il-Kumitati li jassistu lill-Kummissjoni Ewropea fl-eżerċizzju tas-setgħa esekuttiva tagħha, u tad-Dikjarazzjoni Komuni dwar laqgħat konġunti, huwa hawnhekk approvat f’isem l-Unjoni Ewropea, soġġett għall-konklużjoni.

It-testi tal-Ftehim u tad-dokumenti relatati huma mehmuża ma’ din id-Deċiżjoni (4).

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill hu b'dan awtorizzat biex jaħtar il-persuna/i awtorizzata/i biex t/jiffirma(w) il-Ftehim u d-dokumenti relatati f’isem l-Unjoni Ewropea, soġġett għal konklużjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni tapplika fl-oqsma koperti mid-dispożizzjonijiet elenkati fl-Annessi A u B għall-Ftehim u għall-iżvilupp tagħhom sal-punt li tali dispożizzjonijiet għandhom bażi legali fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jew sal-punt li kien stabbilit skond id-Deċiżjoni 1999/436/KE (5) li huma għandhom tali bażi.

Artikolu 4

1.   Għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 1sa 4 tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, bl-istess mod, għall-assoċjazzjoni ta’ l-Isvizzera ma’ l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-acquis ta’ Schengen, li jaqa’ taħt it-Titolu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

2.   Qabel ma d-delegazzjonijiet li jirrappreżentaw il-membri tal-Kunsill jieħdu sehem f’deċiżjoni tal-Kumitat Imħallat stabbilit mill-Ftehim, skond l-Artikolu 7(4) jew (5) u l-Artikolu 10 tiegħu, huma għandhom jiltaqgħu fil-Kunsill sabiex jiddeterminaw jekk tistax tiġi adottata pożizzjoni komuni.

Artikolu 5

Skond l-Artikolu 14(2) tal-Ftehim, l-Artikoli 1, 3, 4, 5 u 6 u l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 7(2)(a) tiegħu għandhom jiġu applikati fuq bażi proviżorja, sakemm huwa jidħol fis-seħħ.

Magħmul fi Brussell, 25 ta’ Ottubru 2004.

Għall-Kunsill

R. VERDONK

Il-President


(1)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31.

(2)  ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43.

(3)  ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20.

(4)  Council Document 13054/04 is accessible at http://register.consilium.eu.int

(5)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 17.