7.6.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

40


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-21 ta' Ottubru 2004

li tawtorizza lir-Renju Unit biex jintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 11 tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar it-taxxi tat-turnover

(2004/736/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra s-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 dwar l‐armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar it-taxxi tat-turnover – Sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stimi (1) u partikolarment l-Artikolu 27 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Billi:

(1)

B’ittra rreġistrata mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni fit-13 ta’ Frar 2004, ir-Renju Unit fittex l-awtorizzazzjoni biex jintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill- Artikolu 11(A)(1)(a) tad-Direttiva 77/388/KEE.

(2)

L-għan tad-deroga huwa li jipprevjeni l-evażjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) minħabba s-sottovalutazzjoni tal-provvisti. Hija speċifikament imfassla sabiex ħadd ma jkun jista’ jdur ma’ l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 77/388/KEE permezz tal-prattika, fil-kummerċ tal-vetturi bil-mutur, li l-impjegati jitħallew jagħmlu użu minn karozzi għall-ħlas nominali. Minħabba li dan il-ħlas jidher li huwa konsiderazzjoni għall-provvista, il-VAT tiġi ntaxxata skond l-Artikolu 11(A)(1)(a) tad-Direttiva 77/388/KEE fuq l‐ammont li huwa attwalment imħallas mill-impjegat. Madankollu, minħabba r-rabtiet ta’ l-impjieg li hemm bejn iż-żewġ partijiet involuti, l-ammont li huwa attwalment imħallas huwa artifiċjalment baxx, u għalhekk jirriżulta fi dħul sinifikament aktar baxx tal-VAT.

(3)

Ir-Renju Unit digà ngħata konċessjoni għal talba għal deroga mill-Artikolu 11 imfassla sabiex tegħleb il-problema tal-provvisti sottovalutati bejn persuni konnessi fejn dak li jirċievi l-provvista huwa totalment jew parzjalment eżentat. Billi, fiż-żmien meta ngħatat id-deroga, l-impjegati ma kienux inklużi fid-definizzjoni ta’ “konnessi” u minħabba li impjegat mhuwiex persuna taxxabbli li huwa totalment jew parzjalment eżentat, deroga oħra aktar speċifika hija meħtieġa.

(4)

Il-miżura speċjali trid tapplika biss f’każijiet fejn l-amministrazzjoni tista’ tikkonkludi li l-ammont taxxabbli, kif determinat skond l-Artikolu 11(A)(1)(a), kien influwenzat mir-rabtiet ta’ l-impjieg bejn il-partijiet involuti. Din il-konklużjoni għandha, f’kull każ, tkun ibbażata fuq fatti li jidhru, u mhux fuq suppożizzjonijet.

(5)

Jekk wieħed iqis l-firxa limitata ta' l-applikazzjoni tad-deroga, il-miżura speċjali hija proporzjonata ma’ l-għan imfittex.

(6)

Id-deroga m’għandiex impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Komunità li jiġu mit-taxxa fuq il-valur miżjud,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B'deroga mill-Artikolu 11(A)(1)(a) tad-Direttiva 77/388/KEE, ir-Renju Unit huwa permezz ta' dan awtorizzat, sal-31 ta’ Diċembru 2009, fil-każ ta’ provvista ta’ servizzi li jikkonsistu fl-użu ta’ karozza bil-mutur, fejn il-fornitur u dak li jirċievi huma persuni konnessi fil-kummerċ tal-vettura bil-mutur, li jittratta l-valur fis-suq miftuħ ta’ dik il-provvista bħala l-ammont taxxabbli.

Artikolu 2

L-Artikolu 1 jista’ japplika biss jekk jitwettqu l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

Il-fornitur għandu d-dritt li jnaqqas, għal kollox jew in parti, t-taxxa fuq il-valur miżjud li tapplika għall-karozza bil-mutur;

(b)

Ir-riċevitur mhuwiex persuna taxxabbli għal kollox u huwa marbut mal-fornitur b’rabtiet ta’ impjieg speċifikati fil-leġiżlazzjoni nazzjonali;

(ċ)

huwa raġjonevoli li jiġi konkluż miċ-ċirkustanzi tal-każ li r-rabtiet ta’ l-impjieg imsemmija f’punt (b) influwenzaw l-ammont taxxabbli, kif determinat skond l-Artikolu 11(A)(1)(a) tad-Direttiva 77/388/KEE.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.

Magħmula fi Brussel, nhar il-21 ta' Ottubru 2004.

Għall-Kunsill

Il-President

G. ZALM


(1)  ĠU L 145, t-13.6.1977, p. 1. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2004/66/KE (ĠU L 168, 1.5.2004, p. 35).