12.10.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

134


ID-DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-16 ta' Settembru 2004

li temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/376/KE dwar id-dispaċċ ta' prodotti li jittieklu li ġejjin minn laħam u għadam imfarrak ta' origini mammifera u prodotti relatati mill-Portugall

(innotifikata fid-dokument bin-numru C(2004) 3463)

(Test b'relevanza għaż-ŻEE)

(2004/653/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta' Diċembru 1989 dwar il-verifiki veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb li s-suq intern ikun komplut (1), u l-aktar l-Artiklu 9(4) miġjub fiha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar il-verifiki veterinarji u żootekniċi li jgħoddu għall-kummerċ intra-Komunitarju f'ċerti annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb li s-suq intern ikun komplut (2), u l-aktar l-Artiklu 10(4) miġjub fiha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/376/KE tat-18 ta' April 2001 dwar il-miżuri li saru meħtieġa minħabba l-firxa ta' l-enċefalopatija sponġiformi fl-annimali bovini fil-Portugall u li timplementa skema ta' esportazzjoni bbażata fuq id-dati (3) fiha ċerti dispożizzjonijiet addottati biex ikun hemm ħarsien mill-enċefalopatija sponġiformi fl-annimali bovini (ESB) minħabba t-tifqigħa ta' dik il-marda fil-Portugall.

(2)

Dik id-Deċiżjoni tistabbilixxi regoli speċifiċi li kienu meħtieġa minħabba l-firxa ta' l-ESB fil-Portugall, inkluż il-projbizzjoni fuq id-dispaċċ ta' prodotti li jittieklu li ġejjin minn laħam imfarrak, prodotti li jittieklu li ġejjin minn għadam imfarrak u prodotti li jittieklu li ġejjin minn laħam u għadam imfarrak ta' oriġini mammifera, kif ukoll għalf għall-bhejjem u fertilizzanti li jkollhom dawn il-prodotti (“prodotti li jittieklu li ġejjin minn laħam u għadam imfarrak u prodotti relatati”) minn dak l-Istat Membru lejn Stati Membri oħra jew pajjiżi terzi.

(3)

Madankollu, id-Deċiżjoni 2001/376/KE tipprovdi li l-Portugall jista', taħt ċerti kundizzjonijiet, jawtorizza d-dispaċċ ta' prodotti li jittieklu li ġejjin minn laħam u għadam imfarrak u prodotti relatati lejn Stati Membri oħra li jkunu taw l-awtorizzazzjoni tagħhom.

(4)

Ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-3 ta' Ottubru 2002, li jistabbilixxi r-regoli tas-saħħa dwar prodotti sekondarji ta' l-annimali li mhumiex maħsuba għall-konsum mill-bniedem (4), jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-kategorizzazzjoni, il-ġbir, il-ġarr, id-disponiment, l-ipproċessar, l-użu u l-ħażna intermedja ta' prodotti sekondarji ta' l-annimali. Taħt dak ir-Regolament il-prodotti li jittieklu li ġejjin minn laħam u għadam imfarrak u oħrajn relatati li jkollhom materjal minn annimali suspetatti jew ikkonfermati li huma nfettati mill-ESB, jew minn annimali maqtula taħt miżura ta' qerda ta' l-ESB għandhom jitqiesu bħala skart, u għandu jsir disponiment minnhom bl-inċinerazzjoni jew il-ko-inċinerazzjoni f'impjant approvat ta' l-inċinerazzjoni jew il-ko-inċinerazzjoni.

(5)

Il-Portugall m'għandux kapaċità biżżejjed biex iwettaq l-inċinerazzjoni jew il-ko-inċinerazzjoni ta' prodotti li jittieklu li ġejjin minn laħam u għadam imfarrak u ta' prodotti relatati li jkunu ġejjin minn annimali suspettati jew ikkonfermati li huma nfettati bl-ESB, jew minn annimali maqtula taħt miżura ta' qerda ta' l-ESB. It-tiġmigħ ta' ħażniet ta' dak il-materjal jista' jkun ta' riskju għas-saħħa pubblika u ta' l-annimali.

(6)

Huwa meħtieġ li l-kundizzjonijiet li hemm fid-Deċiżjoni 2001/376/KE jiġu emendati għad-dispaċċ ta' prodotti li jittieklu li ġejjin minn laħam u għadam imfarrak u prodotti relatati mill-Portugall. Għalhekk, dik id-Deċiżjoni għandha tiġi emendata kif xieraq.

(7)

Il-miżuri li hemm f'din id-Deċiżjoni jaqblu ma' l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti fuq il-Katina ta' l-Ikel u s-Saħħa ta' l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness II għad-Deċiżjoni 2001/376/KE qed jiġi emendat kif indikat fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, fis-16 ta' Settembru 2004.

Għall-Kummissjoni

David BYRNE

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 395, tat-30.12.1989, p. 13. Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 806/2003 (ĠU L 122, is-16.5.2003, p. 1).

(2)  ĠU L 224, tat-18.8.1990, p. 29. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2002/33/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill (ĠU L 315, tad-19.11.2002, p. 14).

(3)  ĠU L 132, tal-15.5.2001, p. 17.

(4)  ĠU L 273, ta' l-10.10.2002, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 668/2004 (ĠU L 112, tad-19.4.2004, p. 1).


ANNESS

Il-Parti B ta' l-Anness II qed jinbidel b'dan li ġej:

Image Test ta 'immaġni Image Test ta 'immaġni