32004D0626



Official Journal L 099 , 03/04/2004 P. 0003 - 0003


Id-Deċiżjoni Nru 626/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tal-31 Marzu 2004

li emendiet id-Deċiżjoni Nru 508/2000/KE li tistabbilixxi l-programm Culture 2000

(Test b'relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 151 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni [1],

Filwaqt illi jaġixxu skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 251 tat-Trattat [2],

Billi:

(1) Id-Deċiżjoni Nru 508/2000/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-14 ta' Frar 2000 li tistabbilixxi l-programm Culture 2000 [3] tniżżel strument wieħed finanzjarju u ta' l-ipprogrammar għall-kooperazzjoni kulturali għal perjodu bejn l-1 ta' Jannar 2000 u l-31 ta' Diċembru 2004.

(2) Huwa importanti li l-kontinwità ta' l-azzjoni kulturali tal-Komunità tiġi żgurata fl-implimentazzjoni tar-responsabilitajiet tal-Komunità taħt l-Artikolu 151 tat-Trattat.

(3) Il-programm Culture 2000 għandu għalhekk jiġi estiż għal sentejn sal-31ta' Diċembru 2006.

(4) Ir-Reviżjoni tal-perspettiva finanzjarja bil-għan tat-tkabbir tipprovdi għal żieda fil-limiti fuq l-intestatura 3 li għandha tiġi rispettata mill-awtorità leġislattiva meta programmi eżistenti jiġu estiżi.

(5) Huwa importanti li l-Kummissjoni tipprovdi rapport ta' stima sħiħ u dettaljat fuq il-Programm Culture 2000 sal-31 ta' Diċembru 2005, sabiex tagħmilha possibli għall-Parlament Ewropew u għall-Kunsill li jikkunsidraw il-proposta għal programm ta' qafas ġdid għal azzjoni Komunitarja fuq il-kultura, mħabbar għall-2004 u u ppjanat li jidħol fis-seħħ fl-2007,

IDDEĊIDEW KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni Nru 508/2000/KE hija hawnhekk emendata kif ġej:

1. fl-Artikolu 1, l-ewwel paragrafu, id-data tal-31 ta' Diċembru 2004 hi mibdula bil-31ta' Diċembru 2006;

2. fl-Artikolu 3, l-ewwel paragrafu, l-ammont ta' 167 miljun EUR hu mibdul b'236,5 miljun EUR.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni se tidħol fis-seħħ 20 jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Hija għandha tgħodd mill-1 ta' Jannar 2005.

Magħmulha fi Strasburgu, 31ta' Marzu 2004.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

P. Cox

Għall-Kunsill

Il-President

D. Roche

[1] ĠU C 23, 27.01.2004, p. 20.

[2] L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2003 (għada mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Marzu 2004.

[3] ĠU L 63, 10.03.2000, p. 1.

--------------------------------------------------