12.10.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

56


ID-DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-15 ta' Lulju 2004

li timplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 64/432/KEE li tirrigwarda garanziji addizzjonali għan-negozju intra-Komunitarju ta' annimali bovini relatati mar-rinotrakeite bovina infettiva u l-approvazzjoni tal-programmi ta' qerda ppreżentati minn ċerti Stati Membri

(innotifikata fid-doċument bin-numru C(2002) 2104

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2004/558/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 64/432/KEE tas-26 ta' Ġunju 1964 dwar problemi tas-saħħa ta' l-annimali li jaffettwaw in-negozju intra-Komunitarju f'annimali bovini u ħnieżer (1), u b'mod partikulari l-Artikoli 9 (2) u 10 (2) ta' din,

Billi:

(1)

Ir-rinotrakeite bovina infettiva hija d-deskrizzjoni tas-sinjali kliniċi l-iktar prominenti ta' l-infezzjoni bil-herpesvirus bovin ta' l-ewwel tip (BHV1). Minħabba li ħafna infezzjonijiet b'dak il-virus jagħmlu kors li ma jurix sintomi ċari, miżuri ta' kontroll għandhom ikunu diretti lejn il-qerda ta' l-infezzjoni aktar milli għat-trażżin tas-sintomi.

(2)

L-Anness E (II) għad-Direttiva 64/432/KEE jniżżel ir-“rinotrakeite bovina infettiva” fost il-mard li għalihom jistgħu jiġu approvati programmi nazzjonali ta' kontroll u jintalbu garanziji addizzjonali.

(3)

Il-Ġermanja kienet ippreżentat programm immexxi bl-għan li jeqred l-infezzjoni tal-BHV1 fil-partijiet kollha tat-territorju tagħha, li jikkonforma mal-kriterji stipulati fl-Artikolu 9 (1) tad-Direttiva 64/432/KEE u jipprovdi għal regoli għall-moviment nazzjonali ta' annimali bovini li huma ekwivalenti għal dawk li kienu implimentati qabel fl-Awstrija, il-Provinċja ta' Bolzano fl-Italja u l-Isvezja li kellhom suċċess fil-qerda tal-marda minn dawk il-pajjiżi.

(4)

Il-programm ippreżentat mill-Ġermanja u, kif kien mitlub minn dak l-Istat Membru, il-garanziji addizzjonali li għandhom x'jaqsmu man-negozju ta' l-annimali bovini sabiex jiżguraw is-suċċess ta' dak il-programm kienu approvati mid-Deċiżjoni 2004/215/KE (2) ta' l-1 ta' Marzu 2004 li timplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 64/432/KEE f'dak li għandu x'jaqsam ma' garanziji addizzjonali għan-negozju intra-Komunitarju f'annimali bovini relatati mar-rinotrakeite bovina infettiva u l-approvazzjoni tal-programmi ta' qerda ppreżentati minn ċerti Stati Membri.

(5)

Jeżistu garanziji addizzjonali rigward id-Danimarka, l-Awstrija, il-Finlandja u l-Isvezja kif ukoll l-Italja, li jikkonċernaw il-provinċja ta' Bolzano. Dawk l-Istati Membri jikkunsidraw li t-territorju tagħhom huwa ħieles mir-rinotrakeite bovina infettiva u l-Italja għandha l-istess opinjoni għall-Provinċja ta' Bolzano. Konformi ma' l-Artikolu 10 (1) tad-Direttiva 64/432/KEE, huma ppreżentaw dokumentazzjoni ta' verifika lill-Kummissjoni, li b'mod partikulari tagħti prova li s-sorveljanza tas-sitwazzjoni titkompla.

(6)

Għall-Istati Membri jew reġjuni ta' dawn li huma meqjusa bħala ħielsa minn dik il-marda u li bħalissa huma mniżżlin fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 93/42/KEE (3) għandhom japplikaw biss il-bżonnijiet minimi għad-dispaċċ ta' annimali bovini għat-trobbija u l-produzzjoni lejn Stati Membri oħra.

(7)

Għall-istandardizzazzjoni tat-testijiet tal-BHV1 fil-laboratorji l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa ta' l-Annimali (OIE) adottat serum pożittiv qawwi, pożittiv dgħajjef u negattiv bħala standards internazzjonali ta' l-OIE għal testijiet tal-BHV1 li huma disponibbli fil-Laboratorji ta' Referenza ta' l-OIE għar-rinotrakeite bovina infettiva msemmija fil-Manwal ta' Standards għal Testijiet Dijanjostiċi u Vaċċini (4).

(8)

Tfaċċaw problemi f'dak li għandu x'jaqsam ma' negozju intra-Komunitarju fl-annimali bovini li joriġinaw mill-Istati Membri ta' status differenti f'dak li jirrigwarda r-rinotrakeite bovina infettiva.

(9)

Għal raġunijiet ta' ċarezza u sabiex tkun żgurata l-konsistenza lingwistika tal-miżuri, huwa xieraq li jingħaqdu f'Deċiżjoni waħda l-approvazzjoni tal-programm Ġermaniż u l-garanziji addizzjonali għar-rinotrakeite bovina infettiva u li tiġi rrevokata d-Deċiżjoni 2004/215/KE.

(10)

Il-miżuri li għalihom sar provvediment f'din id-Deċiżjoni huma konformi ma' l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-programmi ppreżentati mill-Istati Membri mniżżlin fl-ewwel kolonna tat-tabella f'Anness 1 għall-kontroll u l-qerda ta' l-infezzjoni bil-herpesvirus bovin ta' l-ewwel tip (BHV1), minn issa 'l quddiem imsejjaħ bħala “rinotrakeite bovina infettiva” jew “IBR”, fir-reġjuni ta' dawn l-Istati Membri speċifikati fit-tieni kolonna tat-tabella f'Anness 1 huma approvati.

Artikolu 2

1.   Annimali bovini għat-trobbija u l-produzzjoni li ġejjin minn Stati Membri jew reġjuni tagħhom li m'humiex imniżżlin f'Anness II u destinati għal Stati Membri jew reġjuni tagħhom imniżżlin f'Anness I, għandhom jissodisfaw mill-inqas dawn il-garanziji addizzjonali li ġejjin:

a)

għandhom jiġu minn azjenda fejn, skond informazzjoni uffiċjali, m'hemm ebda evidenza klinika jew patoloġika ta' rinotrakeite bovina infettiva rreġistrata fl-aħħar 12-il xahar;

b)

huma kellhom ikunu iżolati f'faċilità approvata mill-awtorità kompetenti għal 30 jum immedjatament qabel il-moviment u l-annimali bovini kollha fl-istess faċilità ta' iżolament kellhom jibqgħu ħielsa minn sinjali kliniċi ta' rinotrakeite bovina infettiva tul dak il-perjodu;

ċ)

huma u l-annimali bovini kollha l-oħra fl-istess faċilità ta' iżolament kellhom ikunu assoġġettati b'riżultati negattivi għal test seroloġiku li sar fuq kampjuni tad-demm, meħuda mhux qabel 21 jum wara l-wasla tagħhom fil-faċilità ta' iżolament, għas-sejbien ta' dawn l-anti-korpi li ġejjin:

i)

fil-każ ta' annimali bovini mlaqqmin, anti-korpi kontra l-gE‐glikoproteina tal-BHV1, jew

ii)

fil-każ ta' annimali bovini li m'humiex mlaqqmin, anti-korpi kontra l- BHV1 kollu.

2.   Permezz ta' deroga għall-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ta' l-oriġini jistgħu jawtorizzaw id-dispaċċ lejn azjendi fir-reġjuni mniżżlin f'Anness I ta' annimali bovini li jikkonformaw ma' mill-inqas waħda minn dawn il-kundizzjonijiet alternattivi li ġejjin:

a)

l-annimali joriġinaw fi Stat Membru mniżżel f'Anness I u jiġu minn azjendi li huma ħielsa mill-BHV1 li jissodisfaw mill-inqas il-bżonnijiet imniżżlin f'Anness III,

b)

l-annimali huma maħsubin għall-produzzjoni tal-laħam u jikkonformaw mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

i)

l-annimali

joriġinaw minn azjendi li huma ħielsa mill-BHV1 kif imfissra f'Anness III, jew

twieldu minn annimali li kienu mlaqqmin jew f'intervalli regolari mlaqqmin mill-ġdid, jew

kienu f'intervalli regolari mlaqqmin u mlaqqmin mill-ġdid skond l-istruzzjonijiet tal-manifattur b'vaċċin mingħajr il-gE, jew

kienu assoġġettati fl-Istat Membru ta' l-oriġini b'riżultat negattiv għal test seroloġiku għall-anti-korpi kif hemm referenza għalih fil-paragrafu 1 (ċ) li sar fuq kampjun tad-demm meħud sa 14-il ġurnata qabel id-dispaċċ, u

ii)

huma ttrasportati lejn azjenda fejn mhux magħruf l-istatus tal-BHV1 mingħajr ma jiġu f'kuntatt ma' annimali ta' status ta' saħħa inferjuri fl-Istat Membru tad-destinazzjoni mniżżel f'Anness I, fejn skond il-programm nazzjonali ta' qerda approvat l-annimali kollha għandhom jiġu msemmna ġewwa, u minn fejn huma jistgħu jiġu biss ittrasportati direttament lejn il-biċċerija;

ċ)

l-annimali joriġinaw minn azjenda fejn l-annimali bovini kollha ikbar minn 15-il xahar fl-età fl-azjenda huma mlaqqmin u regolarment imlaqqmin mill-ġdid u l-annimali kollha ikbar minn 9 xhur fl-azjenda kienu assoġġettati b'riżultat negattiv għal test seroloġiku għall-anti-korpi kontra l-gE-glikoproteina tal-BHV1 f'intervalli ta' mhux iktar minn 12-il xahar u l-annimali ġew eżaminati b'riżultati negattivi għall-anti-korpi kif hemm referenza għalihom f'paragrafu 1 (ċ) (i) fuq kampjuni tad-demm meħudin matul l-aħħar 14-il jum qabel id-dispaċċ;

d)

l-annimali joriġinaw minn azjendi li huma ħielsa mill-BHV1 kif imfisser f'Anness III li jinsabu fi Stat Membru fejn ir-rinotrakeite bovina infettiva hija marda li bilfors għandha tkun notifikata u li fejn f'żona f'raġġ ta' 5 km madwar l-azjenda ma kienx hemm evidenza klinika jew patoloġika ta' l-infezzjoni BHV1 matul l-aħħar 30 jum u l-annimali ġew eżaminati b'riżultati negattivi għall-anti-korpi kif hemm referenza għalihom fil-paragrafu 1 (ċ) fuq kampjun tad-demm meħud matul l-aħħar 14-il jum qabel id-dispaċċ.

3.   Annimali bovini għall-qatla li ġejjin minn Stati Membri jew reġjuni ta' dawn barra dawk imniżżlin f'Anness II u li huma destinati għal Stati Membri jew reġjuni ta' dawn imniżżlin f'Anness I għandhom ikunu ttrasportati direttament lejn il-biċċerija tad-destinazzjoni jew lejn ċentru ta' assemblea approvat minn fejn għandhom jitneħħew f'konformità ma' l-Artikolu 7, it-tieni indent, tad-Direttiva 64/432/KEE għall-biċċerija biex jinqatlu.

4.   F'punt 4 ta' Sezzjoni Ċ taċ-ċertifikat tas-saħħa stipulat f'Mudell 1 ta' Anness F għad-Direttiva 64/432/KEE li jakkumpanja l-annimali bovini kif hemm referenza għaliha f'paragrafu 1, l-informazzjoni li ġejja għandha tiddaħħal:

a)

wara l-ewwel linja mdaħħla 'l ġewwa: “IBR”;

b)

wara t-tieni linja mdaħħla 'l ġewwa: “Artikolu 2 paragrafu …. punt ….ta' Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/558/KE”.

Artikolu 3

1.   L-annimali bovini għat-trobbija u l-produzzjoni li ġejjin minn Stati Membri jew reġjuni ta' dawn barra dawk imniżżlin f'Anness II u destinati għal Stati Membri u reġjuni ta' dawn li huma ħielsa mir-rinotrakeite bovina infettiva u mniżżlin f'Anness II, għandhom jilħqu l-garanziji addizzjonali li ġejjin:

a)

għandhom jikkonformaw mal-garanziji addizzjonali li għalihom hemm provvediment f'Artikolu 2 (1) (a) u (b);

b)

huma u l-annimali bovini l-oħra kollha fl-istess faċilità ta' iżolament li hemm referenza għalihom f'Artikolu 2 (1) (b) riedu jkunu assoġġettati b'riżultati negattivi għal test seroloġiku li sar fuq kampjuni tad-demm meħudin mhux qabel 21 jum wara l-wasla tagħhom fil-faċilità ta' iżolament, għall-iskoperta ta' anti-korpi kontra l-BHV1 kollu;

ċ)

ma kellhomx ikunu mlaqqmin kontra r-rinotrakeite bovina infettiva.

2.   L-annimali bovini għall-qatla li ġejjin minn Stati Membri jew reġjuni ta' dawn minbarra dawk imniżżlin f'Anness II u li huma destinati għal Stati Membri jew reġjuni ta' dawn imniżżlin f'Anness II għandhom ikunu ttrasportati direttament lejn il-biċċerija tad-destinazzjoni biex jinqatlu f'konformità ma' l-Artikolu 7, l-ewwel linja mdaħħla 'l ġewwa, tad-Direttiva 64/432/KEE.

3.   F'punt 4 ta' Sezzjoni Ċ taċ-ċertifikat tas-saħħa kif stipulat f'Mudell 1 ta' Anness F għad-Direttiva 64/432/KEE li takkumpanja lill-annimali bovini kif hemm referenza għaliha f'paragrafu 1, l-informazzjoni li ġejja għandha tiddaħħal:

a)

wara l-ewwel linja mdaħħla 'l ġewwa: “IBR”,

b)

wara t-tieni linja mdaħħla 'l ġewwa: “Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/558/KE”.

Artikolu 4

L-annimali bovini għat-trobbija u l-produzzjoni li joriġinaw minn Stat Membru jew reġjun ta' dan li huwa mniżżel f'Anness II u li huma destinati għal Stat Membru jew reġjun ta' dan imniżżel f'Annessi I jew II għandhom jikkonformaw mal-kundizzjonijiet li għalihom hemm provvediment fl-Artikolu 2 (1) (a).

Artikolu 5

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-test seroloġiku li hemm referenza għalih fl-Artikolu 2 (1) (ċ) (ii) u fl-Artikolu 3 (1) (b) għall-iskoperta ta' anti-korpi kontra l-BHV1 kollu huma standardizzati kontra s-serum li huwa pożittiv qawwi, dak pożittiv dgħajjef u dak negattiv addottati bħala standards internazzjonali ta' l-OIE għat-testijiet tal-BHV1.

Artikolu 6

Id-Deċiżjoni 2004/215/KE hija revokata.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 8

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, fil-15 ta' Ġunju 2004.

Għall-Kummissjoni

David BYRNE

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU 121, tad-29.7.1964, p. 1977/64. Direttiva kif emendata l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 21/2004 (ĠU L 5, tad-9.1.2004, p. 8).

(2)  ĠU L 67, tat-5.3.2004, p. 24.

(3)  ĠU L 16, tal-25.1.1993, p. 50. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar mid-Deċiżjoni 2000/502/KE (ĠU L 200, tat-8.8.2000, p. 62).

(4)  Manwal ta' Standards għal Testijiet Dijanjostiċi u Vaċċini, ir-raba' Edizzjoni, Awissu 2000.


ANNESS I

Stat Membru

Reġjuni ta' Stat Membru li għalihom japplikaw il-garanziji addizzjonali għar-rinotrakeite bovina infettiva skond l-Artikolu 9 tad-Direttiva 64/432/KEE

Il-Ġermanja

Ir-reġjuni kollha


ANNESS II

Stat Membru

Reġjuni ta' Stat Membru li għalihom japplikaw il-garanziji addizzjonali għar-rinotrakeite bovina infettiva skond l-Artikolu 10 tad-Direttiva 64/432/KEE

Id-Danimarka

Ir-reġjuni kollha

L-Italja

Il-Provinċja ta' Bolzano

L-Awstrija

Ir-reġjuni kollha

Il-Finlandja

Ir-reġjuni kollha

L-Iżvezja

Ir-reġjuni kollha


ANNESS III

Azjenda ħielsa mill-BHV1

1.

Azjenda li żżomm annimali bovini tkun ikkunsidrata ħielsa mill-infezzjoni tal-BHV1 jekk tikkonforma mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

1.1.

l-ebda suspett ta' infezzjoni tal-BHV1 ma kien irreġistrat fl-azjenda matul l-aħħar 6 xhur u l-annimali bovini kollha fl-azjenda huma ħielsa minn sintomi kliniċi indikattivi għall-infezzjoni tal-BHV1;

1.2.

annimali bovini minn azjendi fi Stati Membri jew reġjuni ta' dawn imniżżlin f'Anness II biss jew minn azjendi ħielsa mill-BHV1 huma introdotti u l-ebda mill-annimali bovini fl-azjenda ma kellu kuntatt ma' annimali bovini barra dawk li ġejjin minn azjendi fi Stati Membri jew reġjuni ta' dawn li huma mniżżlin f'Anness II jew minn azjendi li huma ħielsa mill-BHV1;

1.3.

l-annimali bovini nisa huma inseminati b'semen minn barrin prodott skond id-Direttiva 88/407/KEE u li kienu eżaminati b'riżultat negattiv għall-anti-korpi kif hemm referenza għalihom fl-Artikolu 2 (1) (c) (i), jew li tgħammru ma' barrin minn azjendi fi Stati Membri jew reġjuni ta' dawn imniżżla f'Anness II jew minn azjendi li huma ħielsa mill-BHV1;

1.4.

Mill-inqas waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ta' kontroll li ġejjin tiġi applikata fuq l-azjenda:

1.4.1.

investigazzjoni seroloġika għall-anti-korpi kif hemm referenza għaliha fl-Artikolu 2 (1) (c) li saret b'riżultati negattivi f'kull każ fuq mill-inqas żewġ kampjuni tad-demm, meħudin b'intervall ta' 5 sa 7 xhur mill-annimali bovini ta' sess femminil u maskil kollha wżati jew maħsubin għal skopijiet ta' trobbija u li huma ikbar minn 9 xhur fl-eta';

1.4.2.

investigazzjoni seroloġika għall-anti-korpi kontra l-BHV1 li saret b'riżultat negattiv fuq mill-inqas żewġ kampjuni individwali ta' ħalib, jew ġabra ta' kampjuni ta' ħalib meħudin minn mhux iktar minn 5 annimali, meħudin b'intervall ta' 5 sa 7 xhur mill-annimali kollha li qed jipproduċu l-ħalib, u investigazzjoni seroloġika għall-anti-korpi kif hemm referenza għaliha f'Artikolu 2 (1) (c) li saret b'riżultat negattiv f'kull każ fuq mill-inqas żewġ kampjuni tad-demm, meħudin b'intervall ta' 5 sa 7 xhur minn kull annimal bovin ta' sess femminil li mhux qed jipproduċu ħalib u minn kull annimal ta' sess maskil użat jew maħsub għal għanijiet ta' trobbija li huma ikbar minn 9 xhur fl-età;

1.4.3.

fil-każ ta' farms fejn jipproduċu l-ħalib li minnhom mill-inqas 30 % ta' l-annimali bovini huma baqar li qed jipproduċu l-ħalib, investigazzjoni seroloġika għall-anti-korpi kontra l-BHV1 saret b'riżultati negattivi f'kull każ fuq mill-inqas tliet kampjuni ta' ħalib miġburin, li skond l-ispeċifikazzjoni tat-test użat, minn kotra ta' mhux iktar minn 50 annimal meħud b'intervall ta' mill-inqas 3 xhur u investigazzjoni seroloġika għall-anti-korpi kif hemm referenza għaliha fl-Artikolu 2 (1) (c) li sar b'riżultati negattivi f'kull każ fuq mill-inqas kampjun wieħed tad-demm, meħud minn kull annimal bovin ta' sess femminil li mhux qed jipproduċi ħalib u minn kull annimal bovin ta' sess maskil li huwa wżat jew li l-iskop tiegħu huwa t-trobbija, li huma ikbar minn 9 xhur fl-età;

1.4.4.

l-annimali bovini kollha fl-azjenda joriġinaw minn azjendi li huma fi Stati Membri jew ir-reġjuni ta' dawn imniżżlin f'Anness II jew minn azjendi li huma ħielsa mill-BHV1 .

2.

L-istatus ħieles mill-BHV1 ta' azjenda li żżomm l-annimali bovini jibqa' jinżamm jekk:

2.1.

il-kundizzjonijiet f'paragrafi 1.1 sa 1.3 jibqgħu japplikaw, u

2.2.

mill-inqas waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ta' kontroll li ġejjin tiġi applikata:

2.2.1.

l-annimali bovini kollha fl-azjenda li huma ikbar minn 24 xahar fl-eta' rreaġixxew b'riżultat negattiv għal test seroloġiku għall-iskoperta ta' anti-korpi kif hemm referenza għalihom fl-Artikolu 2 (1) (c) li sar fuq kampjun tad-demm meħud f'intervalli ta' mhux aktar minn 12-il xahar;

2.2.2.

l-investigazzjoni seroloġika għall-anti-korpi kontra l-BHV1 saret b'riżultat negattiv fuq mill-inqas kampjun wieħed individwali tal-ħalib, jew ġabra ta' kampjuni ta' ħalib meħudin minn mhux iktar minn 5 annimali, meħudin f'intervalli ta' mhux aktar minn 12-il xahar mill- annimali kollha li jipproduċu l-ħalib, u minn kull annimal bovin ta' sess femminil li mhux qed jipproduċi ħalib u annimali bovini ta' sess maskil fuq ir-raba' li huma ikbar minn 24 xahar fl-eta' rreaġixxew b'riżultat negattiv għal test seroloġiku għall-iskoperta ta' anti-korpi kif hemm referenza għalih f'Artikolu 2 (1) (c) li sar fuq kampjun tad-demm meħud f'intervalli ta' mhux aktar minn 12-il xahar;

2.2.3.

fil-każ ta' rziezet li jipproduċu l-ħalib fejn mill-inqas 30 % ta' l-annimali bovini huma baqar li qed jipproduċu l-ħalib, l-investigazzjoni seroloġika għall-anti-korpi kontra l-BHV1 saret b'riżultat negattiv fuq mill-inqas żewġ kampjuni ta' ħalib miġbura, skond l-ispeċifikazzjoni tat-test li sar, minn kotra ta' mhux iktar minn 50 annimal meħud f'intervalli ta' mhux inqas minn 3 xhur u mhux iktar minn 12-il xahar u investigazzjoni seroloġika għall-anti-korpi kif hemm referenza għaliha f'Artikolu 2 (1) (c) li saret b'riżultati negattivi f'kull każ fuq mill-inqas kampjun wieħed tad-demm, meħud mill-annimali bovini ta'sess femminil li mhux qed jipproduċu ħalib u l-annimali bovini ta' sess maskil kollha ikbar minn 24 xahar fl-eta' f'intervalli ta' mhux iktar minn 12-il xahar.

3.

L-istatus ħieles mill-BHV1 ta' azjenda li żżomm annimali bovini huwa sospiż jekk waqt l-investigazzjonijiet li hemm referenza għalihom f'paragrafu 2.2.1 sa 2.2.3. annimal irreaġixxa b'riżultat pożittiv f'test għall-anti-korpi kif hemm referenza għaliha f'Artikolu 2 (1) (c);

4.

L-istatus ħieles mill-BHV1 li hu sospiż skond paragrafu 3 għandu jingħata lura wara li ssir investigazzjoni seroloġika b'riżultat negattiv f'kull każ f'żewġ okkażjonijiet b'intervall ta' mill-inqas xahrejn u li jibda mhux qabel 30 jum wara t-tneħħija ta' l-annimali seropożittivi li jinkludi l-ittestjar seroloġiku għall-anti-korpi kif hemm referenza għalihom f'Artikolu 2 (1) (c) ta' l-annimali bovini kollha fl-azjenda li jsir fuq kampjuni tad-demm, jew fil-każ ta' baqar li qed jipproduċu l-ħalib, l-ittestjar għall-anti-korpi kontra l-BHV1 li jsir fuq kampjuni individwali tal-ħalib, jew ġabriet ta' kampjuni ta' ħalib meħudin minn mhux iktar minn 5 annimali.