32004D0496



Official Journal L 183 , 20/05/2004 P. 0083 - 0083


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

tas- 17 ta' Mejju 2004

dwar il-konklużjoni ta' Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti ta' l-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta' data PNR minn Trasportaturi ta' l-Ajru lill-Uffiċċju tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri fid-Dipartiment tal-Homeland Security ta' l-Istati Uniti

(2004/496/KE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu, flimkien ma' l-ewwel sentenza ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 300 (2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1) Fit- 23 ta' Frar 2004 il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni sabiex tinnegozja, f'isem il-Komunità Ftehim ma' l-Istati Uniti ta' l-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta' data PNR minn Trasportaturi ta' l-Ajru lill-Uffiċċju tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri fid-Dipartiment tal-Homeland Security ta' l-Istati Uniti.

(2) Il-Parlament Ewropew ma tax opinjoni fil-limitu ta' żmien stabbilit mill-Kunsill, skond l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 300 (3) tat-Trattat, fid-dawl tal-ħtieġa urġenti li tiġi rimedjata s-sitwazzjoni ta' inċertezza li fiha nstabu kumpanniji ta' l-ajru u passiġġieri, kif ukoll li jkunu protetti l-interessi finanzjarji ta' dawk ikkonċernati.

(3) Dan il-Ftehim għandu jiġi approvat,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti ta' l-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta' data PNR minn Trasportaturi ta' l-Ajru lill-Uffiċċju tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri fid-Dipartiment tal-Homeland Security ta' l-Istati Uniti huwa hawnekk approvat f'isem il-Komunità.

It-test tal-Ftehim huwa anness ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa hawnekk awtorizzat li jinnomina persuna/i bis-setgħa li jiffirma(w) il-Ftehim f'isem il-Komunità Ewropea.

Magħmul fi Brussell, nhar is- 17 ta' Mejju 2004.

Għall-Kunsill

Il-President

B. Cowen

--------------------------------------------------

Ftehim

bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti ta' l-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta' data PNR minn trasportaturi ta' l-ajru lill-uffiċċju tad-dwana u tal-protezzjoni tal-fruntieri, fid-Dipartiment tal-Homeland Security ta' l-Istati Uniti

IL-KOMUNITÀ EWROPEA U L-ISTATI UNITI TA' L-AMERIKA,

WAQT LI JIRRIKONOXXU l-importanza li jkunu rispettati d-drittijiet u libertajiet fundamentali, partikolarment id-dritt għal ħajja privata, u l-importanza li jkunu rispettati dawn il-valuri fil-prevenzjoni u l-kumbattiment tat-terroriżmu u reati konnessi miegħu u reati gravi oħra ta' natura transnazzjonali, fosthom il-kriminalità organizzata,

WARA LI KKUNSIDRAW il-liġijiet u r-regolamenti ta' l-Istati Uniti li jimponu fuq kull trasportatur ta' l-ajru li jopera trasport bl-ajru ta' passiġġieri minn u lejn l-Istati Uniti fl-ispazju ta' l-ajru barrani li jipprovdi lill-Uffiċċju tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri (Bureau of Customs and Border Protection, minn issa 'l quddiem "CBP") fid-Dipartiment tal-Homeland Security (minn issa 'l quddiem, "DHS") b'aċċess elettroniku għal data ta' Reġistrazzjoni ta' l-Isem tal-Passiġġieri (Passenger Name Record, minn issa 'l quddiem "PNR") b'tali mod li din tkun miġbura u kkonservata fis-sistemi awtomatiċi ta' prenotazzjoni/kontroll tat-tluq,

WARA LI KKUNSIDRAW id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l- 24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data, u b'mod partikolari l-Artikolu 7(ċ) tagħha,

Wara li kkunsidraw l-Impenji tas-CPB tal- 11 ta' Mejju 2004, li se jiġu ppubblikati fir-Reġistru Federali (minn issa 'l quddiem "l-Impenji"),

WARA LI KKUNSIDRAW id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2004) 1799 adottata nhar is- 17 ta' Mejju 2004,, skond l-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46/KE, li permezz tiegħu is-CBP huwa meqjus li jipprovdi livell xieraq ta' protezzjoni għal data PNR ittrasferit mill-Komunità Ewropea (minn issa 'l quddiem "il-Komunità") dwar titjiriet lejn jew mill-Istati Uniti skond l-Impenji, li huma annessi magħha (minn issa 'l quddiem "id-Deċiżjoni"),

JINNUTAW li trasportaturi ta' l-ajru b'sistemi ta' prenotazzjoni/kontroll tat-tluq imqegħda fit-territorju ta' l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea għandhom jipprovdu għal trasmissjoni ta' data PNR lis-CBP hekk kif dan ikun teknikament possibbli iżda li, sa meta jsir hekk, l-awtoritajiet ta' l-Istati Uniti għandhom jitħallew aċċess dirett għad-data, skond id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim,

JASSERIXXU li dan il-Ftehim ma jikkostitwix preċedent għal kwalunkwe diskussjoni u negozjati fil-futur bejn l-Istati Uniti u l-Komunità Ewropea, jew bejn xi waħda mill-Partijiet u kwalunkwe Stat dwar it-trasferiment ta' kwalunkwe għamla oħra ta' data,

WAQT LI KKUNSIDRAW l-impenn taż-żewġ naħat sabiex jaħdmu flimkien sabiex tinstab soluzzjoni xierqa u reċiprokament sodisfaċenti, mingħajr dewmien, dwar l-ipproċessar ta' data ta' l-Advance Passenger Information (API) mill-Komunità lejn l-Istati Uniti,

QABLU KIF ĠEJ:

1) Is-CBP jista' jaċċedi elettronikament għad-data PNR mis-sistemi ta' prenotazzjoni/kontroll tat-tluq tat-trasportaturi ta' l-ajru ("is-sistemi ta' prenotazzjoni") imqegħda fit-territorju ta' l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea b'konformità stretta mad-Deċiżjoni u sakemm tibqa' applikabbli d-Deċiżjoni u biss sakemm titpoġġa fil-post sistema sodisfaċenti li tippermetti għat-trasmissjoni ta' tali data mit-trasportaturi bl-ajru.

2) Trasportaturi bl-ajru li joperaw titjiriet ta' passiġġieri fl-ispazju ta' l-ajru barrani lejn u mill-Istati Uniti għandhom jipproċessaw id-data PNR ikkonservata fis-sistemi ta' prenotazzjoni awtomatika kif meħtieġ mis-CBP skond il-liġi ta' l-Istati Uniti u f'konformità stretta mad-Deċiżjoni u sakemm tibqa' applikabbli d-Deċiżjoni.

3) Is-CBP jieħu nota tad-Deċiżjoni u jiddikjara li huwa qiegħed jimplimenta l-Impenji annessi magħha.

4) Is-CBP għandu jipproċessa d-data PNR riċevuta u jitratta lil min ikun is-suġġett tad-data hekk ipproċessata skond il-liġijiet applikabbli u r-rekwiżiti kostituzzjonali ta' l-Istati Uniti, mingħajr diskriminazzjoni illegali, b'mod partikolari abbażi ta' nazzjonalità u tal-pajjiż ta' residenza.

5) Is-CBP u l-Kummissjoni Ewropea għandhom jirrevedu flimkien u regolarment l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim.

6) Fil-każ li tiġi mplimentata fl-Unjoni Ewropea sistema ta' identifikazzjoni ta' passiġġieri ta' l-ajru li tirrikjedi li trasportaturi ta' l-ajru jipprovdu lill-awtoritajiet b'aċċess għal data PNR għal persuni li l-itinerarju tal-vjaġġ attwali tagħhom jinkludi titjira lejn jew mill-Unjoni Ewropea, id-DHS għandu, sa fejn hu prattikabbli u strettament abbażi ta' reċiproċità, jippromwovi attivament il-kooperazzjoni tat-trasportaturi bl-ajru fil-ġurisdizzjoni tiegħu.

7) Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ meta jiġi ffirmat. Kull Parti tista' ttemm dan il-Ftehim fi kwalunkwe żmien b'notifika preżentata permezz tal-kanali diplomatiċi. It-terminazzjoni għandha tieħu effett disgħin (90) ġurnata mid-data tan-notifika ta' terminazzjoni lill-Parti l-oħra. Dan il-Ftehim jista' jiġi emendat fi kwalunkwe żmien permezz ta' ftehim reċiproku bil-miktub.

8) Dan il-Ftehim ma huwiex intiż li jidderoga minn jew jemenda l-liġi tal-Partijiet; dan il-Ftehim lanqas ma joħloq jew jikkonferixxi xi dritt jew benefiċċju lil xi persuna jew entità privata jew pubblika oħra.

Iffirmat fi …, … (data)

Dan il-Ftehim huwa mfassal f' duplikat biċ-Ċek, bid-Daniż, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ingliż, bl-Ispanjol, bl-Isvediż, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bl-Olandiż, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bis-Slovakk, bis-Sloven, bit-Taljan u bl-Ungeriż, b'kull wieħed minn dawn it-testi ugwalment awtentiċi. F'każ ta' diverġenzi, il-verżjoni Ingliża għandha tipprevali.

għall-komunità Ewropea

for the United States of America

Tom Ridge

Segretarju tad-Dipartiment tal-Homeland Security ta' l-Istati Uniti

--------------------------------------------------