32004D0157



Official Journal L 050 , 20/02/2004 P. 0060 - 0061


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

tad-19 ta' Frar 2004

li testendi l-perjodu ta' applikazzjoni tal-miżuri fid-Deċiżjoni Nru 2002/148/KE li tikkonkludi l-konsultazzjonijiet maż-Żimbabwe skond l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Sħubija ACP-KE

(2004/157/KE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 300(2), it-tieni sub-paragrafu tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Ftehim Intern dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu u l-proċeduri li għandhom ikunu segwiti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija ACP-KE iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000 [1], kif applikat b'mod provviżorju bid-Deċiżjoni Nru 2000/771/KE tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri tat-18 ta' Settembru 2000 [2], u partikolarment l-Artikolu 3 tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Billi:

(1) Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/148/KE [3], il-konsultazzjonijiet mar-Repubblika taż-Żimbabwe skond l-artikolu 96(2)(ċ) tal-Ftehim ta' Sħubija ACP-KE ingħalqu u l-miżuri xierqa, kif indikat fl-Anness ta' dik id-Deċiżjoni, kienu meħuda.

(2) Bid-Deċiżjoni 2003/112/KE, l-applikazzjoni tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2002/148/KE kienet estiża għal perjodu ieħor ta' 12-il xahar. Skond l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2003/112/KE, il-miżuri għandhom jieqfu mis-seħħ fl-20 ta' Frar 2004.

(3) L-elementi essenzali stipulati fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta' Partnership ACP-KE qegħdin ikomplu jkunu miksura mill-Gvern taż-Żimbabwe u l-kondizzjonijiet kurrenti fiż-Żimbabwe ma jassigurawx ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt.

(4) Il-perjodu ta' l-applikazzjoni tal-miżuri għandu għalhekk ikun estiż,

IDDEĊIEDA DAN LI ĠEJ:

Artikolu 1

L-applikazzjoni tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2002/148/KE, li kienu estiżi sa l-20 ta' Frar 2004 bl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2003/112/KE, għandha tkun estiża għal-perjodu ieħor ta' 12-il xahar, sa l-20 ta' Frar 2005. Għandha ssir reviżjoni regolari tagħhom u għall-inqas fi żmien sitt xhur.

L-ittra li tidher fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni għandha tkun indirizzata lill-President taż-Żimbabwe.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-ġurnata tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussel, fid-19 ta' Frar 2004.

F'isem il-Kunsill

Il-President

M. McDowell

[1] ĠU L 317, 15.12.2000, p. 376.

[2] ĠU L 317, 15.12.2000, p. 375.

[3] ĠU L 50, tal-21.2.2002, p. 64. Deċiżjoni emendata mid-Deċiżjoni 2003/112/KE (ĠU L 46, ta' l-20.2.2003, p. 25).

--------------------------------------------------

ANNESS

Brussel, 19-02-2004…

ITTRA LILL-PRESIDENT TAŻ-ŻIMBABWE

L-Unjoni Ewropea tagħti l-ikbar importanza lid-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 9 tal-Ftehim ta' Sħubija ACP-KE. Bħala elementi essenzali tal-Ftehim ta' Sħubija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, l-istituzjonijiet demokratiċi u l-istat tad-dritt huma l-bażi tar-relazzjonijiet tagħna.

Bl-ittra tad-19 ta' Frar 2002, l-Unjoni Ewropea informatek bid-Deċiżjoni tagħha li tikkonkludi l-konsultazzjonijiet li saru skond l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Sħubija ACP-KE u li tieħu ċerti "miżuri xierqa" fis-sens ta' l-Artikolu 96(2)(ċ) ta' dak il-Ftehim.

Bl-ittra tad-19 ta' Frar 2003, l-Unjoni Ewropea informatek dwar id-Deċiżjoni tagħha li ma tirrevokax l-applikazzjoni tal-"miżuri xierqa".

Illum, wara perjodu ieħor ta' 12-il xahar, l-Unjoni Ewropea tikkunsidra li l-prinċipji demokratiċi għadhom mhumhiex imħarsa fiż-Żimbabwe u li l-ebda progress ma nkiseb mill-Gvern taż-Żimbabwe fil-ħames oqsma indirizzati bid-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta' Frar 2002 (it-tmiem tal-vjolenza politika, l-elezzjonijiet liberi u imparzjali, il-libertá tal-mezzi tal-komunikazzjoni, l-indipendenza tal-ġudikatura, it-tmiem ta' l-okkupazzjoni illegali ta' l-irziezet). Barra minn hekk, l-Unjoni Ewropea tinnota li l-Gvern taż-Żimbabwe ma ħa l-ebda pass pożittiv skond il-miżuri, kkunsidrati bħala punt ta' referenza biex tagħmel stima tal-progress, li l-Unjoni Ewropea kkomunikat lill-SADC fl-okkażjoni ta' l-aħħar żewġ laqgħat tal-Kumitat SADC/UE.

Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, l-Unjoni Ewropea ma tikkunsidrax illi l-miżuri xierqa jistgħu ikunu revokati.

Il-miżuri jkunu revokati biss meta jkunu jeżistu l-kondizzjonijiet li jassiguraw ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi, u l-istat tad-dritt. L-Unjoni Ewropea tirreserva d-dritt li tieħu miżuri addizzjonali ta' restrizzjoni.

L-Unjoni Ewropea ser issegwi mill-qrib l-iżviluppi fiż-Żimbabwe u tixtieq terġà tenfasizza li dawn il-miżuri ma jippenalizzawx in-nies taż-Żimbabwe u ser tkompli bil-kontirbuzzjoni tagħha għall-operazzjonijiet ta' natura umanitarja u għall-proġetti ta' appoġġ dirett lill-popolazzjoni, partikolarment dawk f'setturi soċjali, id-demokratizzazzjoni, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, li mhumhiex affettwati b'dawn il-miżuri. Għall-istaġun 2003-2004 il-kontribuzzjoni tal-Komunità Ewropea għall-ikel u għall-operazzjonijiet ta' għajnuna umanitarja fiż-Żimbabwe ammontat għal EUR 85 miljun barra l-assistenza bilaterali li pprovdew l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea.

L-Unjoni Ewropea tixtieq tkompli d-djalogu maż-Żimbabwe, fuq il-bażi tal-Ftehim ta' Sħubija ACP-KE, u tispera li inti tagħmel dak kollu li tista' biex terġa' tkabbar ir-rispett għall-prinċipji essenzali tal-Ftehim ta' Sħubija u biex tpoġġi l-pajjiż fuq it-triq tal-paċi soċjali u ta' l-irkupru ekonomiku. Dan ikun jippermetti t-tneħħija tas-sospensjoni ta' l-iffirmar tad-9 Programm Indikattiv Nazzjonali EDF għaż-Żimbabwe, u b'hekk isir possibbli li jerġgħu jibdew jinħolqu strumenti ta' koperazzjoni sħiħa fil-futur qrib.

Dejjem tiegħek,

Għall-Kummissjoni

+++++ TIFF +++++

Għalll-Kunsill

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------