32004D0042



Official Journal L 009 , 15/01/2004 P. 0021 - 0021


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

tas-27 ta' Ottubru 2003

dwar il-konklużjoni ta' ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Federazzjoni Russa li temenda l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea tal-Faħam u ta' l-Azzar u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa dwar il-kummerċ f'ċerti prodotti ta' l-Azzar tad-9 ta' Lulju 2002

(2004/42/KE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari Artikolu 133, flimkien ma' l-ewwel subparagrafu ta' Artikolu 300(2) u l-ewwel subparagrafu ta' Artikolu 300(3) tiegħu,

Wara li kunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1) Il-Ftehim ta' Sħubija u Koperazzjoni li jistabilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u l-Federazzjoni Russa, min-naħa l-oħra [1] daħal fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 1997.

(2) Artikolu 21 tal-Ftehim ta' Sħubija u Koperazzjoni jipprovdi li l-kummerċ fi prodotti tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u ta' l-Azzar (hawnhekk iżjed 'il quddiema magħruf bħala "ECSC") għandu jiġi regolat mit-Titolu III, ħlief ghal Artikolu 15 tiegħu, u bid-dispożizzjonijiet ta' ftehim.

(3) Fid-9 ta' Lulju 2002 l-ECSC u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa kkonkludew dan il-Ftehim dwar kummerċ f'ċerti prodotti ta' l-azzar [2], approvat għan-nom ta' l-ECSC bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/603/ECSC [3].

(4) It-Trattat ta' l-ECSC skada fit-23 ta' Lulju 2002. Il-Partijiet ftehmu skond Artikolu 10(2) tal-Ftehim dwar kummerċ f'ċerti prodotti ta' l-azzar li għandu jitkompla u li d-drittijiet u l-obbligi kollha għandhom jinżammu wara din l-iskadenza.

(5) Il-Partijiet daħlu f'konsultazzjonijiet kif previst fil-Minuta Miftiehma Nru 2 tal-Ftehim imsemmi hawn fuq u konkludew li l-kopertura tal-prodott tal-Ftehim għandha tiġi estiża sabiex tinkludi wkoll il-gruppi tal-prodott SA5 u SA6 b'limiti kwantitattivi korrispondenti,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

1. Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jemenda l-Ftehim bejn l-ECSC u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jikkonċerna l-kummerċ f'ċerti prodotti ta' l-azzar tad-9 ta' Lulju 2002 huwa hawnhekk approvat għan-nom tal-Komunità.

2. It-Test tal-Ftehim huwa anness ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa hawnhekk awtorizzat li jaħtar il-persuni mogħtija s-setgħa jiffirmaw il-Ftehim imsemmi f‘Artikolu 1.

Magħmul fil-Lussemburgu, fis-27 ta' Ottubru 2003.

Għall-Kunsill

Il-President

A. Matteoli

[1] ĠU L 327, tat-28.11.1997, p. 3.

[2] ĠU L 195, ta' l-24.7.2002, p. 55.

[3] ĠU L 195, ta' l-24.7.2002, p. 54.

--------------------------------------------------