Official Journal L 009 , 15/01/2004 P. 0021 - 0021
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Ottubru 2003 dwar il-konklużjoni ta' ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Federazzjoni Russa li temenda l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea tal-Faħam u ta' l-Azzar u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa dwar il-kummerċ f'ċerti prodotti ta' l-Azzar tad-9 ta' Lulju 2002 (2004/42/KE) IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari Artikolu 133, flimkien ma' l-ewwel subparagrafu ta' Artikolu 300(2) u l-ewwel subparagrafu ta' Artikolu 300(3) tiegħu, Wara li kunsidra l-proposta mill-Kummissjoni, Billi: (1) Il-Ftehim ta' Sħubija u Koperazzjoni li jistabilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u l-Federazzjoni Russa, min-naħa l-oħra [1] daħal fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 1997. (2) Artikolu 21 tal-Ftehim ta' Sħubija u Koperazzjoni jipprovdi li l-kummerċ fi prodotti tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u ta' l-Azzar (hawnhekk iżjed 'il quddiema magħruf bħala "ECSC") għandu jiġi regolat mit-Titolu III, ħlief ghal Artikolu 15 tiegħu, u bid-dispożizzjonijiet ta' ftehim. (3) Fid-9 ta' Lulju 2002 l-ECSC u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa kkonkludew dan il-Ftehim dwar kummerċ f'ċerti prodotti ta' l-azzar [2], approvat għan-nom ta' l-ECSC bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/603/ECSC [3]. (4) It-Trattat ta' l-ECSC skada fit-23 ta' Lulju 2002. Il-Partijiet ftehmu skond Artikolu 10(2) tal-Ftehim dwar kummerċ f'ċerti prodotti ta' l-azzar li għandu jitkompla u li d-drittijiet u l-obbligi kollha għandhom jinżammu wara din l-iskadenza. (5) Il-Partijiet daħlu f'konsultazzjonijiet kif previst fil-Minuta Miftiehma Nru 2 tal-Ftehim imsemmi hawn fuq u konkludew li l-kopertura tal-prodott tal-Ftehim għandha tiġi estiża sabiex tinkludi wkoll il-gruppi tal-prodott SA5 u SA6 b'limiti kwantitattivi korrispondenti, IDDEĊIEDA KIF ĠEJ: Artikolu 1 1. Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jemenda l-Ftehim bejn l-ECSC u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jikkonċerna l-kummerċ f'ċerti prodotti ta' l-azzar tad-9 ta' Lulju 2002 huwa hawnhekk approvat għan-nom tal-Komunità. 2. It-Test tal-Ftehim huwa anness ma' din id-Deċiżjoni. Artikolu 2 Il-President tal-Kunsill huwa hawnhekk awtorizzat li jaħtar il-persuni mogħtija s-setgħa jiffirmaw il-Ftehim imsemmi f‘Artikolu 1. Magħmul fil-Lussemburgu, fis-27 ta' Ottubru 2003. Għall-Kunsill Il-President A. Matteoli [1] ĠU L 327, tat-28.11.1997, p. 3. [2] ĠU L 195, ta' l-24.7.2002, p. 55. [3] ĠU L 195, ta' l-24.7.2002, p. 54. --------------------------------------------------