12.10.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

15


ID-DEĊIŻJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-17 ta' Ġunju, 2004

li taddotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Kunsill Ġenerali tal-Bank Ċentrali Ewropew

(BĊE/2004/12)

(2004/526/KE)

IL-KUNSILL ĠENERALI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra l-istatut tas-Sistema Ewropeja tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, partikolarment l-Artikolu 46.4,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

L-Artikolu Waħdieni

Ir-Regoli tal-Proċedura tal-Kunsill Ġenerali tal-Bank Ċentrali Ewropew ta' l-1 ta' Settembru, 1998, għandhom jiġu sostitwiti b' li ġej, li għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Lulju, 2004.

Regoli tal-proċedura tal-Kunsill Ġenerali tal-Bank Ċentrali Ewropew

KAPITLU PRELIMINARI

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Dawn ir-Regoli tal-Proċedura għandhom iżidu mat-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea u l-istatut tas-Sistema Ewropeja tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew. It-termini f'dawn ir-Regoli tal-Proċedura għandhom ikollhom l-istess tifsira bħal fit-Trattat u l-istatut.

KAPITLU I

Il-Kunsill Ġenerali

Artikolu 2

Id-data u l-post tal-laqgħat tal-Kunsill Ġenerali

1.   Il-Kunsill Ġenerali għandu jidddeċiedi dwar id-dati tal-laqgħat tiegħu fuq proposta mill-President.

2.   Il-President għandu jsejjaħ laqgħa tal-Kunsill Ġenerali jekk it-talba biex issir laqgħa ssir mingħand mill-anqas tliet membri tal-Kunsill Ġenerali.

3.   Il-President jista' wkoll isejjaħ laqgħat tal-Kunsill Ġenerali kull meta hu jidhirlu li jkun meħtieġ.

4.   Il-Kunsill Ġenerali għandu normalment iżomm il-laqgħat tiegħu fil-bini tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE).

5.   Lagħqat jistgħu wkoll isiru permezz ta' telekonferenza, sakemm mhux anqas minn tliet Gvernaturi joġġezzjonaw.

Artikolu 3

Attendenza fil-laqgħat tal-Kunsill Ġenerali

1.   Salv kif ipprovdut f'din id-Deċiżjoni, l-attendenza fil-laqgħat tal-Kunsill Ġenerali għandha tkun limitata għall-membri tiegħu, il-membri l-oħra tal-Bord Eżekuttiv, il-President tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u membru tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej.

2.   Kull Gvernatur jista' normalment ikun akkumpanjat minn persuna waħda.

3.   Jekk xi membru tal-Kunsill Ġenerali ma jkunx jista' jattendi xi laqgħa, huwa jista' jaħtar, bil-miktub, xi ħadd floku biex jattendi l-laqgħa u jivvota f'ismu. Din il-komunikazzjoni bil-miktub għandha tintbagħat lill-President f'ħin biżżejjed qabel il-laqgħa. Din il-persuna flok dak il-membru tal-Kunsill Ġenerali, tista' normalment tkun akkompanjata minn persuna waħda.

4.   Il-President għandu jaħtar membru mill-istaff tal-BĊE bħala Segretarju. Is-Segretarju għandu jassisti lill-President fil-preparazzjoni tal-laqgħat tal-Kunsill Ġenerali u għandu jabbozza l-minuti ta' dawn il-laqgħat.

5.   Il-Kunsill Ġenerali jista' ukoll jistieden persuni oħra biex jattendu l-laqgħat tiegħu jekk jidhirlu li jkun xieraq li jagħmel dan.

Artikolu 4

Votazzjoni

1.   Biex il-Kunsill Ġenerali jivvota, għandu jkun hemm kworum ta' żewġ terzi tal-membri jew tal-persuni f'lokhom. Jekk il-kworum ma jintlaħaqx, il-President jista' jsejjaħ laqgħa straordinarja fejn fiha deċiżjonijiet jistgħu jittieħdu mingħajr il-ħtieġa ta' kworum.

2.   Sakemm ipprovdut mod ieħor fl-istatut, id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu b'maġġoranza sempliċi.

3.   Il-Kunsill Ġenerali għandu jkompli biex jivvota fuq it-talba tal-President. Il-President għandu wkoll jibda proċedura ta' votazzjoni fuq it-talba ta' kwalunkwe membru tal-Kunsill Ġenerali.

4.   Deċiżjonijiet jistgħu wkoll jittieħdu bi proċedura bil-miktub, sakemm joġġezzjonaw mhux anqas minn tliet membri tal-Kunsill Ġenerali. Proċedura bil-miktub għandha teħtieġ:

(i)

normalment mhux anqas minn għaxart ijiem ta' xogħol biex tiġi kkunsidrata minn kull membru tal-Kunsill Ġenerali. F'każ ta' urġenza li għandu jiġi ġġustifikat fit-talba, il-perjodu jista' jitnaqqas għal ħamest ijiem ta' xogħol; u

(ii)

il-firma personali ta' kull membru tal-Kunsill Ġenerali; u

(iii)

verbal ta' deċiżjoni bħal dik fil-minuti tal-laqgħa ta' wara tal-Kunsill Ġenerali.

Artikolu 5

L-organizazzjoni tal-laqgħat tal-Kunsill Ġenerali

1.   Il-Kunsill Ġenerali għandu jaddotta l-aġenda għal kull laqgħa. Aġenda proviżorja għandha titħejja mill-President u għandha tintbagħat, flimkien mad-dokumenti relatati, lill-membri tal-Kunsill Ġenerali u lil parteċipanti awtorizzati oħra ta' mill-anqas tmint ijiem qabel il-laqgħa, ħlief f'emerġenzi, f'liema każ il-President għandu jaġixxi kif ikun xieraq skond iċ-ċirkostanzi. Il-Kunsill Ġenerali jista' jiddeċiedi li jneħħi jew iżid xi punti ma' l-aġenda proviżorja fuq proposta mill-President jew minn xi membru ieħor tal-Kunsill Ġenerali. Xi punt għandu jitneħħa mill-aġenda fuq it-talba ta' mill-anqas tlieta mill-membri tal-Kunsill Ġenerali jekk id-dokumenti relatati ma jkunux ġew ippreżentati lill-membri tal-Kunsill Ġenerali fil-ħin.

2.   Il-minuti tal-proċedimenti tal-Kunsill Ġenerali għandhom jiġi ppreżentati għall-approvazzjoni mill-membri tiegħu fil-laqgħa ta' wara (jew meta meħtieġ qabel permezz ta' proċedura ta' bil-miktub) u għandhom ikunu ffirmati mill-President.

KAPITLU II

Involviment tal-Kunsill Ġenerali Fil-ħidmiet tas-sistema ewropeja tal-Banek Ċentrali

Artikolu 6

Relazzjoni bejn il-Kunsill Ġenerali u l-Kunsill Governattiv

1.   Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet l-oħra tal-Kunsill Ġenerali, inklużi dawk skond l-Artikolu 44 ta' l-istatut, il-Kunsill Ġenerali għandu jikkontribwixxi, partikolarment, għall-ħidmiet imniżżla fl-Artikolu 6.2 sa 6.8.

2.   Il-Kunsill Ġenerali għandu jikkontribwixxi għall-ħidmiet konsultattivi tal-BĊE skond l-Artikolu 4 u l-Artikolu 25.1 ta' l-istatut.

3.   Il-kontribuzzjoni tal-Kunsill Ġenerali għall-ħidmiet ta' l-istatistika tal-BĊE għandha tikkonsisti:

fit-tisħiħ tal-koperazzjoni bejn il-banek ċentrali nazzjonali kollha ta' l-Unjoni Ewropea bil-għan li jsaħħu l-ħidmiet tal-BĊE fil-qasam ta' l-istatistika,

fil-kontribuzzjoni għall-armonizzazzjoni, fejn meħtieġ, tar-regoli u l-prattiċi li jirregolaw il-ġbir, il-kumpilazzjoni u d-distribuzzjoni ta' l-istatistika mill-banek ċentrali nazzjonali kollha ta' l-Unjoni Ewropea, u

fil-proviżjon lill-Kunsill Governattiv b'osservazzjonijiet dwar abbozzi ta' rakkomandazzjonijiet fil-qasam statistika, skond l-Artikolu 42 ta' l-istatut, qabel ma jiġu addottatti.

4.   Il-Kunsill Ġenerali għandu jikkontribwixxi biex jissodisfa l-obbligi tar-rappurtaġġ tal-BĊE skond l-Artikolu 15 ta' l-istatut billi jipprovdi lill-Kunsill Governattiv b'osservazzjonijiet dwar ir-rapport annwali qabel ma jiġi addottat.

5.   Il-Kunsill Ġenerali għandu jikkontribwixxi għall-istandardizzazzjoni tar-regoli tal-kontabilita' u tar-rappurtaġġ ta' l-operazzjonijiet skond l-Artikolu 26.4 ta' l-istatut billi jipprovdi lill-Kunsill Governattiv b'osservazzjonijiet dwar l-abbozz tar-regoli qabel ma jiġu addottati.

6.   Il-Kunsill Ġenerali għandu jikkontribwixxi għall-addozzjoni ta' miżuri oħra fil-kuntest ta' l-Artikolu 29.4 ta' l-istatut, billi jipprovdi lill-Kunsill Governattiv b'osservazzjonijiet dwar l-abbozz tal-miżuri qabel ma jiġu addottati.

7.   Il-Kunsill Ġenerali għandu jikkontribwixxi għall-Kundizzjonijiet ta' l-Impjieg għall-istaff tal-Bank Ċentrali Ewropej billi jipprovdi lill-Kunsill Governattiv b'osservazzjonijiet dwar l-abbozz tagħhom qabel ma jiġu addottati.

8.   Il-Kunsill Ġenerali għandu jikkontribwixxi għall-preparazzjonijiet għall-iffissar irrevokabbli tar-rati tal-kambju skond l-Artikolu 47.3 ta' l-istatut billi jipprovdi lill-Kunsill Governattiv b'osservazzjonijiet dwar:

l-abbozz ta' opinjonijiet tal-BĊE skond l-Artikolu 123(5) tat-Trattat, u

kwalunkwe abbozz ta' opinjonijiet oħra tal-BĊE dwar atti legali tal-Kommunita' biex jiġu addottati meta xi deroga hija rrevokata, u

id-deċiżjonijiet skond paragrafu 10 tal-Protokoll dwar ċerti dispożizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq.

9.   Kull meta l-Kunsill Ġenerali huwa mitlub biex jikkontribwixi għall-ħidmiet tal-BĊE skond il-paragrafi t'hawn fuq, huwa għandu jingħata perjodu raġonevoli ta' żmien li fih jagħmel dan, li ma ma jistax ikun anqas minn għaxart ijiem ta' xogħol. F'każ ta' urġenza li għandu jiġi ġġustifikat fit-talba, il-perjodu jista' jitnaqqas għal ħamest ijiem ta' xogħol. Il-President jista' jiddeċiedi biex juża l-proċedura bil-miktub.

10.   Il-President għandu jinforma lill-Kunsill Ġenerali, skond l-Artikolu 47.4 ta' l-istatut, bid-deċiżjonijiet addottati mill-Kunsill Governattiv.

Artikolu 7

Relazzjoni bejn il-Kunsill Ġenerali u l-Bord Eżekuttiv

1.   Il-Kunsill Ġenerali tal-BĊE għandu jingħata l-opportunita' biex jippreżenta osservazzjonijiet qabel ma l-Bord Eżekuttiv:

jimplimenta atti legali tal-Kunsill Governattiv li, skond l-Artikolu 12.1 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-kontribuzzjoni tal-Kunsill Ġenerali għalihom hija meħtieġa,

jaddotta, bis-saħħa ta' setgħat iddelegati mill-Kunsill Governattiv skond l-Artikolu 12.1 ta' l-istatut, atti legali li, skond l-Artikolu 12.1 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-kontribuzzjoni tal-Kunsill Ġenerali għalihom hija meħtieġa.

2.   Kull meta l-Kunsill Ġenerali huwa mitlub biex jippreżenta osservazzjonijiet skond l-ewwel paragrafu ta' dan l-Artikolu, huwa għandu jingħata perjodu raġonevoli ta' żmien biex jagħmel dan, li ma jistax ikun anqas minn għaxart ijiem ta' xogħol. F' każ ta' urġenza, li għandu jiġi ġġustifikat fit-talba, il-perjodu jista' jitnaqqas għal ħamest ijiem ta' xogħol. Il-President jista' jiddeċiedi li juża l-proċedura ta' bil-miktub.

Artikolu 8

Is-Sistema Ewropea tal-kumitati tal-Bank Ċentrali

1.   Il-Kunsill Ġenerali, fil-qasam tal-kompetenza tiegħu, jista' jitlob l-istudji ta' suġġetti speċifiċi minn kumitati stabbiliti mill-Kunsill Governattiv skond l-Artikolu 9 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew.

2.   Il-bank ċentrali nazzjonali ta' kull Stat Membru mhux parteċipanti jista' jaħtar sa żewġ membri ta' l-istaff biex jieħdu sehem fil-laqgħat ta' xi kumitat kull meta jkollu x'jaqsam ma' kwistjonijiet li jaqgħu fil-qasam tal-kompetenza tal-Kunsill Ġenerali u kull meta l-president ta' xi kumitat u l-Bord Eżekuttiv jidhrilhom li dan huwa f'loku.

KAPITLU III

Dispożizzjonijiet proċedurali speċifiċi

Artikolu 9

Strumenti legali

1.   Id-deċiżjonijiet tal-BĊE skond l-Artitklu 46.4 u l-Artikolu 48 ta' l-istatut u skond dawn ir-Regoli tal-Proċedura, kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet tal-BĊE addottati mill-Kunsill Ġenerali skond l-Artikolu 44 ta' l-istatut, għandhom ikunu iffirmati mill-President.

2.   L-istrumenti legali kollha tal-BĊE huma nnumerati, innotifikati u ppublikati skond l-Artikolu 17.7 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentali Ewropew.

Artikolu 10

Kunfidenzjalità ta' u aċċess għad-dokumenti tal-BĊE

1.   Il-proċedimenti tal-Kunsill Ġenerali, u ta' kwalunkwe kumitat jew grupp li jkollu x'jaqsam ma' kwistjonijiet li jaqgħu fi ħdan il-kompetenza tiegħu, għandhom ikunu kunfidenzjali sakemm il-Kunsill Ġenerali jawtorizza lill-President biex jippubblika r-riżultat tad-dibattiti tagħhom.

2.   L-aċċess pubbliku għad-dokumenti mħejjija mill-Kunsill Ġenerali, u minn kwalunkwe kumitat jew grupp li jkollu x'jaqsam ma' kwistjonijiet li jaqgħu fi ħdan il-kompetenza tiegħu, għandu jkun iggvernat minn deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv addottata skond l-Artikolu 23.2 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew.

3.   Id-dokumenti mħejjija mill-Kunsill Ġenerali, u minn kwalunkwe kumitat jew grupp li jkollu x'jaqsam ma' kwistjonijiet li jaqgħu fi ħdan il-kompetenza tiegħu, għandhom jiġu kklassifikati u ttrattati skond ir-regoli stabbiliti fiċ-Ċirkolari Amministrattiva addottata skond l-Artikolu 23.3 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew. Huma għandhom ikunu aċċessibbli mingħajr l-ebda restrizzjoni wara perjodu ta' 30 sena sakemm il-korpi responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet jiddeċiedu mod ieħor.

Artikolu 11

Tmiem ta' l-applikabbiltà

Meta, skond l-Artikolu 122(2) tat-Trattat, id-derogi kollha jiġu rrevokati mill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropeja u meta jittieħdu d-deċiżjonijiet imsemmija fil-Protokoll dwar ċerti dispożizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' fuq, il-Kunsill Ġenerali għandu jiġi xolt u dawn ir-Regoli tal-Proċedura m' għandhomx japplikaw aktar.

Magħmula fi Frankfurt am Main, fis-17 ta' Ġunju, 2004.

Il-President tal-BĊE

Jean-Claude TRICHET