32003R2004



Official Journal L 297 , 15/11/2003 P. 0001 - 0004


Ir-Regolament (KE) Nru 2004/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

ta' l-4 ta' Novembru 2003

dwar ir-regolamenti li jirregolaw il-partiti politiċi f'livell Ewropew u r-regoli dwar il-finanzjament tagħhom

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 191 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 251 tat-Trattat [1],

Billi:

(1) L-Artikolu 191 tat-Trattat jgħid illi l-partiti politiċi f'livell Ewropew huma importanti bħala fattur għall-integrazzjoni ġewwa l-Unjoni u li huma jikkontribwixxu għall-formazzjoni ta' kuxjenza Ewropea u għall-espressjoni tar-rieda politika taċ-ċittadini ta' l-Unjoni.

(2) Numru ta' regoli bażiċi għandhom ikunu stabbiliti, fil-forma ta' regolamenti, għall-partiti politiċi f'livell Ewropew, partikolarment dwar il-finanzjament tagħhom. L-esperjenza akkwistata fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għandha turi sa liema punt dawn ir-regolamenti għandhom, jew m'għandhomx, ikunu supplimentati minn regoli oħra.

(3) L-esperjenza wriet li partit politiku f'livell Ewropew ikollu bħala membri tiegħu jew ċittadini miġbura flimkien fil-forma ta' partit politiku, jew partiti politiċi li flimkien jifformaw alleanza. It-termini "partit politiku" u "alleanza ta' partiti politiċi" użati f'dan ir-Regolament għandhom għalhekk ikunu ċċarati.

(4) Sabiex ikun jista' jiġi identifikat "partit politiku f'livell Ewropew", huwa importanti li wieħed jistabbilixxi ċerti kondizzjonijiet. Partikolarment, huwa neċċessarju li l-partiti politiċi f'livell Ewropew josservaw il-prinċipji li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea, kif stabbilit fit-Trattati u rikonoxxut fil-Karta ta' Drittijiet Fondamentali ta' l-Unjoni Ewropea.

(5) Il-proċedura li għandha tkun segwita mill-partiti politiċi f'livell Ewropew li jixtiequ jirċievu fondi skond dan ir-Regolament għandha tkun stabbilita.

(6) Għandhom ikunu stipulati wkoll dispożizzjonijiet għall-verifika regolari tal-kondizzjonijiet applikati għall-identifikazzjoni ta' partit politiku f'livell Ewropew.

(7) Partiti politiċi f'livell Ewropew li rċevew fondi skond dan ir-Regolament għandhom joqgħodu għall-obbligi li għandhom l-iskop li jassiguraw it-trasparenza ta' l-egħjun tal-finanzjament.

(8) Skond id-Dikjarazzjoni Nru 11 dwar l-Artikolu 191 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea annessa ma' l-Att Finali tat-Trattat ta' Nizza, il-fondi mogħtija skond dan ir-Regolament m'għandhomx jintużaw biex jiffinanzjaw, b'mod dirett jew indirett, partiti politiċi f'livell nazzjonali. Bis-saħħa ta' l-istess dikjarazzjoni, id-dispożizzjonijiet dwar il-finanzjament ta' partiti politiċi f'livell Ewropew għandhom japplikaw, fuq l-istess bażi, għall-forzi politiċi kollha rrapreżentati fil-Parlament Ewropew.

(9) In-natura ta' l-ispejjeż li jistgħu ikunu finanzjati skond dan ir-Regolament għandha tkun stabbilita.

(10) L-approprjazzjonijiet allokati għall-finanzjament skond dan ir-Regolament għandhom ikunu determinati skond il-proċedura tal-baġit ta' kull sena.

(11) Huwa meħtieġ li jkunu assigurati trasparenza massima u kontroll finanzjarju tal-partiti politiċi f'livell Ewropew li huma finanzjati mill-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea.

(12) Għandha tkun stipulata skala għad-distribuzzjoni ta' l-approprjazzjonijiet disponibbli kull sena, li tikkunsidra, minn naħa waħda, in-numru ta' benefiċjarji, u minn naħa l-oħra, in-numru ta' membri eletti fil-Parlament Ewropew.

(13) Għajnuna teknika li għandha tingħata mill-Parlament Ewropew lill-partiti politiċi f'livell Ewropew għandha tingħata skond il-prinċipju ta' aċċess ugwali.

(14) L-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u l-attivitajiet finanzjati għandom ikunu eżaminati f'rapport mill-Parlament Ewropew li għandu jkun ippubblikat.

(15) Il-kontroll ġudizzjarju li jaqà taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jgħin biex tkun assigurata l-applikazzjoni korretta ta' dan ir-Regolament.

(16) Sabiex ikun faċilitat il-passaġġ lejn ir-regoli l-ġodda, l-applikazzjoni ta' xi dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament għandha tkun posposta sa meta jiġi ffurmat il-Parlament Ewropew wara l-elezzjonijiet f'Ġunju 2004,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Is-suġġettt u l-iskop

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar ir-regolamenti li jirregolaw il-partiti politiċi f'livell Ewropew u regoli dwar il-finanzjament tagħhom.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament:

1. "partit politiku" tfisser assoċjazzjoni ta' ċittadini:

- li ssegwi għanijiet politiċi, u

- li hija rikonoxxuta minn, jew stabbilita skond, l-ordni legali ta' għall-inqas wieħed mill -Istati Membri;

2. "alleanza ta' partiti politiċi" tfisser kooperazzjoni strutturata bejn għall-inqas żewġ partiti politiċi;

3. "partit politiku f'livell Ewropew" tfisser partit politiku jew alleanza ta' partiti politiċi li jaderixxi mal-kondizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3.

Artikolu 3

Kondizzjonijiet

Partit politiku f'livell Ewropew għandu jaderixxi mal-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) għandu jkollu personalità legali fl-Istat Membru li fih għandu is-sede tiegħu;

(b) għandu jkun rappreżentat, għall-inqas f'kwart mill-Istati Membri, minn Membri tal-Parlament Ewropew jew fil-Parlamenti nazzjonali jew Parlamenti reġjonali jew fl-assembleat regjonali, jew għandu jkun irċieva, għall-inqas f'kwart mill-Istati Membri, għall-inqas tlieta fil-mija tal-voti espressi f'kull wieħed minn dawk l-Istati Membri fl-elezzjonijiet l-aktar reċenti tal-Parlament Ewropew;

(ċ) għandu josserva, partikolarment fil-programm tiegħu u fl-attivitajiet tiegħu, il-prinċipji li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea, jiġifieri il-prinċipji tal-libertà, id-demokrazija, ir-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fondamentali, u r-regola tal-liġi;

(d) għandu jkun ipparteċipa f'elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, jew esprima l-intenzjoni li jagħmel hekk.

Artikolu 4

Applikazzjoni għall-fondi

1. Sabiex jirċievi l-fondi mill-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea, partit politiku f'livell Ewropew għandu jippreżenta applikazzjoni fil-Parlament Ewropew kull sena.

Il-Parlament Ewropew għandu jadotta deċiżjoni fi tlett xhur u jawtoriżża u jamministra l-approprjazzjonijiet korrispondenti.

2. Ma' l-ewwel applikazzjoni għandu jkun hemm ukoll id-dokumenti li ġejjin:

(a) dokumenti li juru li l-applikant jaderixxi mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3;

(b) programm politiku li jistabbilixxi l-għanijiet tal-partit politiku f'livell Ewropew;

(ċ) statut li jistabbilixxi partikolarment il-korpi responsabbli għall-amministrazzjoni politika u finanzjarja kif ukoll il-korpi jew persuni naturali li għandhom, f'kull Stat Membru kkonċernat, il-kapaċità ta' rappreżentanza legali, partikolarment għall-iskop ta' l-akkwist u t-trasferiment ta' proprjetà mobbli u immobbli u l-kapaċità li jieħdu sehem f'proċeduri ġudizzjarji.

3. Kull emenda li tikkonċerna d-dokumenti msemmija fil-paragrafu 2, partikolarment il-programm politiku jew l-istatut, li kienu diġà ppreżentati, għandha tkun notifikata lill-Parlament Ewropew fi żmien xahrejn. Fin-nuqqas ta' din in-notifika, il-finanzjament jiġi sospiż.

Artikolu 5

Verifika

1. Il-Parlament Ewropew għandu jivverifika regolarment li l-partiti politiċi f'livell Ewropew ikomplu jaderixxu mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(a) u (b).

2. Rigward il-kondizzjoni msemmija fl-Artikolu 3(ċ), fuq it-talba ta' kwart mill-membri tiegħu, li jirrappreżentaw għall-inqas tlett gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew, il-Parlament Ewropew għandu jivverifika, b'maġġoranza tal-membri, li l-partit politiku f'livell Ewropew ikompli jaderixxi ma' din il-kondizzjoni.

Qabel ma' jwettaq din il-verifika, il-Parlament Ewropew għandu jisma' r-rappreżentanti tal-partit politiku relevanti f'livell Ewropew u jistaqsi lil kumitat ta' persuni eminenti indipendenti biex jagħti opinjoni fuq is-suġġett f'perjodu xieraq.

Il-kumitat għandu jkun kompost minn tlett membri, bil-Parlament Ewropew, il-Kunsill u il-Kummissjoni li jaħtru membru wieħed kull wieħed. Is-segretarjat u l-finanzjament tal-kumitat għandhom ikunu pprovduti mill-Parlament Ewropew.

3. Jekk il-Parlament Ewropew isib li xi waħda mill-kondizzjonijiet msemmija fl-Artikolu 3(a), (b) u (ċ) m'għadiex tkun sodisfatta, il-partit politiku relevanti f'livell Ewropew, li għal din ir-raġuni tilef dan l-istatus, għandu jkun eskluż mill-fondi taħt dan ir-Regolament.

Artikolu 6

Obbligi li għandhom x'jaqsmu mal-finanzjament

Partit politku f'livell Ewropew għandu:

(a) jippubblika kull sena l-introjtu u l-ispiża tiegħu u prospett ta' l-attiv u l-passiv tiegħu;

(b) jiddikkjara l-egħjun tal-finanzjament tiegħu billi jipprovdi lista tad-donaturi u tad-donazzjonijiet li rċieva minn kull donatur, minbarra d-donazzjonijiet ta' mhux iżjed minn EUR 500;

(ċ) ma jaċċettawx:

- donazzjonijiet anonimi,

- donazzjonijiet mill-baġit ta' gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew,

- donazzjonijiet minn xi impriża li fuqha l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jeserċitaw direttament jew indirettament influwenza dominanti bis-saħħa tal-fatt li huma l-proprjetarji tagħha, li huma jipparteċipaw fiha finanzjarjament, jew bis-saħħa tar-regoli li jirregolawha,

- donazzjonijiet ta' aktar minn EUR 12000 kull sena għal kull donatur mingħand xi persuna naturali jew legali li m'hix xi impriża msemmija fit-tielet inċiż u mingħajr preġudizzju għat-tieni subparagrafu.

Kontribuzzjonijiet mingħand partiti politiċi li huma membri ta' partit politiku f'livell Ewropew huma ammissibbli. Ma jistgħux ikunu ta' aktar minn 40 % tal-baġit ta' kull sena ta' dak il-partit.

Artikolu 7

Projbizzjoni ta' finanzjament

Il-finanzjament ta' partiti politiċi f'livell Ewropew mill-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea jew minn xi għajn oħra ma jistax jintuża għall-finanzjament dirett jew indirett ta' partiti politiċi oħra, u partikolarment partiti politiċi nazzjonali, li jkomplu jkunu rregolati minn regoli nazzjonali.

Artikolu 8

Natura ta' l-approprjazzjoni

L-approprjazzjonijiet irċevuti mill-baġit ġenerali ta l-Unjoni Ewropea skond dan ir-Regolament jistgħu jintużaw biss biex jitħallsu l-ispejjeż li għandhom x'jaqsmu direttament ma' l-għanijiet stipulati fil-programm politiku imsemmi fl-Artikolu 4(2)(b).

Din l-ispiża tinkludi spejjeż amministrattivi u spejjeż li għandhom x'jaqsmu ma' assistenza teknika, laqgħat, riċerka, eventi li jaqsmu l-fruntieri, studji, informazzjoni u pubblikazzjonijiet.

Artikolu 9

Implimentazzjoni u kontroll

1. L-approprjazzjonijiet għall-finanzjament ta' partiti politiċi f'livell Ewropew għandhom ikunu determinati taħt il-proċedura tal-baġit ta' kull sena u għandhom jiġu implimentati skond ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej [2].

2. Il-valutazzjoni tal-proprjetà mobbli u immobbli u d-deprezzament tagħha għandha ssir skond ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2909/2000 tad-29 ta' Diċembru 2000 dwar it-tmexxija tal-kontabilità ta' l-assi fissi mhux finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej [3].

3. Il-kontroll tal-finanzjament mogħti skond dan ir-Regolament għandu jiġi eżerċitat skond ir-Regolament Finanzjarju u r-regoli ta' l-implimentazzjoni tiegħu.

Għandu jiġi eżerċitat ukoll kontroll fuq il-bażi ta' ċertifikazzjoni ta' kull sena permezz ta' verifika esterna u indipendenti. Din iċ-ċertifikazzjoni għandha tintbagħat fi żmien sitt xhur mit-tmiem tas-sena finanzjarja kkonċernata, lill-Parlament Ewropew.

4. Bl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, il-fondi indebitament irċevuti minn partiti politiċi f'livell Ewropew mill-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea għandhom ikunu mħallsin lura għal dak il-baġit.

5. Kull dokument jew informazzjoni meħtieġa mill-Qorti ta' l-Awdituri sabiex twettaq il-kompitu tagħha għandu jkun fornit fuq it-talba tagħha mill-partiti politiċi f'livell Ewropew li jirċievu l-fondi mogħija skond dan ir-Regolament.

Fejn l-ispiża hija kommessa minn partiti politiċi f'livell Ewropew flimkien ma' partiti politiċi nazzjonali u organizzazzjonijiet oħra, xiehda ta' l-ispiża li ntefqet mill-partiti politiċi f'livell Ewropew għandha tkun imqiegħda għad-dispożizzjoni tal-Qorti ta' l-Awdituri.

6. Il-finanzjament ta' partiti politiċi f'livell Ewropew fil-kapaċità tagħhom bħala korpi li jsegwu għan ta' interess ġenerali Ewropew ma jkunx suġġetti għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 113 tar-Regolament Finanzjarju dwar it-tnaqqis tal-finanzjament.

Artikolu 10

Distribuzzjoni

1. L-approprjazzjonijiet disponibbli għandhom jitqassmu kull sena kif ġej bejn il-partiti politiċi f'livell Ewropew li kisbu deċiżjoni posittiva dwar l-applikazzjoni tagħhom għall-finanzjament kif imsemmi fl-Artikolu 4:

(a) 15 % jitqassmu f'ishma ndaqs;

(b) 85 % jitqassmu bejn dawk li għandhom membri eletti fil-Parlament Ewropew, approporzjon tan-numru ta' membri eletti.

Għall-applikazzjoni ta' dawn id- dispożizzjonijiet, Membru tal-Parlament Ewropew jista' jkun membru biss ta' partit politiku wieħed f'livell Ewropew.

2. Il-finanzjament imħallas mill-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea m'għandux ikun ta' iktar minn 75 % tal-baġit ta' partit politiku f'livell Ewropew. Il-piż tal-prova huwa fuq il-partit politiku relevanti f'livell Ewropew.

Artikolu 11

Sostenn tekniku

Is-sostenn tekniku kollu mill-Parlament Ewropew lil partiti politiċi f'livell Ewropew għandu jsir skond il-prinċipju ta' aċċess ugwali. Għandu jingħata fuq kondizzjonijiet xejn inqas favorevoli minn dawk li jgħoddu għall-organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet esterni oħrajn li jistgħu jingħataw faċilitajiet simili u għandu jingħata kontra l-fornitura ta' fattura u l-pagament.

Il-Parlament Ewropew għandu jippubblika d-dettalji tas-sostenn tekniku pprovdut lil kull partit politiku f'livell Ewropew permezz ta' rapport ta' kull sena.

Artikolu 12

Rapport

Il-Parlament Ewropew għandu jippubblika rapport sa mhux iktar tard mill-15 ta' Frar 2006 dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u l-attivitajiet finanzjati. Ir-rapport għandu jindika, meta approprjat, emendi li jistgħu isiru fis-sistema tal-finanzjament.

Artikolu 13

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ tlett xhur wara li jkun ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

L-Artikoli 4 sa 10 għandhom jgħoddu mid-data tal-ftuħ ta' l-ewwel sessjoni wara l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f'Ġunju 2004.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fl-4 ta' Novembru 2003.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

P. Cox

F'isem il-Kunsill

Il-President

G. Tremonti

[1] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Ġunju 2003 (li għadha m'hix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tad-29 ta' Settembru 2003.

[2] Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li japplika għall-budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 248, tas-16.9.2002, p. 1).

[3] ĠU L 336, 30.12.00, p. 75.

--------------------------------------------------