32003R1642



Official Journal L 245 , 29/09/2003 P. 0004 - 0006


Ir-Regolament (KE) Nru 1642/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tat-22 ta' Lulju 2003

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 178/2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà ta' l-ikel

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 37, 95 u133 u l-Artikolu 152(4) tiegħu;

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Qorti ta' l-Awdituri [2],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekomomiku u Soċjali Ewropew [3],

Huma u jaġixxu skond il-proċedura imsemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat [4],

Billi:

(1) Ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji u l-ħtiġiet ġenerali tal-liġijiet ta' l-ikel, li jistabbilixxi Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà ta' l-ikel u li jistabbilixxi l-proċeduri fil-materji tas-sigurtà ta' l-ikel [5] għandu jinġieb f'linja mar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar il-Regolament Finanzjarju li japplika għall-budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej [6] (minn issa ‘l quddiem imsemmi bħal "ir-Regolament Finanzjarju ġenerali"), u b'mod partikolari l-Artikolu 185 tiegħu.

(2) Il-prinċipji ġenerali u l-limiti li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt ta' l-aċċess għad-dokumenti pprovvduti fl-Artikolu 225 tat-Trattat ġew stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 li jirrigwarda l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni [7]

(3) Meta kien adottat ir-Regolament (KE) Nru 1049.2001, tliet istituzzjonijiet ftiehmu f'dikjarazzjoni konġunta illi l-aġenziji u korpi simili għandu jkollhom regoli li jikkonformaw ma‘ dawk f'dan ir-Regolament.

(4) Għandhom għalhekk jiġu inklużi d-dispożizzjonijiet xierqa fir-Regolament (KE) Nru 178/2002 sabiex jagħmlu r-Regolament 1049/2001 applikabbli għall-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà ta' l-ikel, kif għandha tkun dispożizzjoni dwar l-appelli kontra rifjut għall-aċċess għad-dokumenti.

(5) Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 għandu għalhekk jiġi emendat kif mistħoqq,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 huwa hawnhekk emendat kif ġej:

1. L-Artikolu 25(9) għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"9. Ir-regoli finanzjarji li japplikaw għall-Awtorità għandhom jiġu adottati mill-Bord ta' Ġestjoni wara li tkun ġiet ikkonsultata l-Kummissjoni. Ma jistgħux jitilqu mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 td-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju qafas għall-korpi imsemmija fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li japplika għall-budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej [8] għajr jekk dan it-tluq ikun meħtieġ speċifikament għall-ħidma ta' l-Awtorità u għajr jekk il-Kummissjoni tkun tat il-kunsens tagħha bil-quddiem.";

2. L-Artikolu 26 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a) il-paragrafu 2(f) jiġi mibdul b'dan li ġej:

"(f) it-tħejjija ta' l-abbozz tal-prospett ta' l-Awtorità dwar l-estimi tad-dħul u tan-nefqa, u t-twettiq tal-budget tagħha;"

(b) il-paragrafu 3 għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"3. Kull sena d-Direttur Eżekuttiv għandu jissottometti lill-Bord ta' Ġestjoni għall-approvazzjoni:

(a) abbozz ta' rapport ġenerali li jkopri l-attivitajiet kollha ta' l-awtorità għas-sena ta' qabel;

(b) l-abbozz tal-programmi tax-xogħol.

Id-Direttur Eżekuttiv għandu, wara l-adozzjoni mill-Bord ta' Ġestjoni, jibgħat il-programmi tax-xogħol lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, u għandu jordna li jiġu ppubblikati.

Id-Direttur Eżekuttiv għandu, wara l-adozzjoni mill-Bord ta' Ġestjoni u sal-15 ta' Ġunju, jibgħat ir-rapport ġenerali ta' l-Awtorità lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti ta' l-Awdituri, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, u għandu jordna li jiġu ppubblikati.

Id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat kull sena lill-awtrorità tal-budget t-tagħrif kollu rilevanti dwar ir-riżultat tal-proċeduri tal-valutazzjoni.";

(ċ) il-paragrafu 4 għandu jiġi mħassar.

3. l-Artikolu 41 għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"L-Artikolu 41

L-aċċess għad-dokumenti

1. Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 li jirrigwarda l-aċċess għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni [9] għandu japplika għad-dokumenti miżmuma mill-Awtorità.

2. Il-Bord ta' Ġestjoni għandu jadotta l-arranġamenti prattiċi sabiex jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 fi żmien sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1642/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Lulju 2003 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 178/2002 li jistabbilixxi l-prinċipji u l-ħtiġiet prinċipali tal-liġijiet dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà ta' l-ikel u li jistabbilixxi l-proċeduri fil-materji tas-sigurtà ta' l-ikel [10]

3. Id-Deċiżjonijiet meħuda mill-Awtorità skond l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jistgħu jiffurmaw is-suġġett ta' lment lill-Ombudsman jew ta' azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 195 u 230 tat-Trattat rispettivament.";

4. l-Artikolu 43 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a) il-paragrafi 3, 4, 5 u 6 għandhom jiġu mibdula b'dan li ġej:

"3. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jfassal, fi żmien f'waqtu qabel id-data imsemmija fil-paragrafu 5, abbozz tal-prospett ta' l-estimi tad-dħul u n-nefqa ta' l-Awtorità għas-sena finanzjarja ta' wara u għandu jibgħatu lill-Bord ta' Ġestjoni, flimkien mal-pjan ta' l-istabbiliment.

4. Id-dħul u n-nefqa għandhom jibbilanċjaw lil xulxin.

5. Kull sena l-Bord ta' Ġestjoni, fuq il-bażi ta' abbozz tal-prospett ta' l-estimi dwar id-dħul u n-nefqa, għandu jipproduċi prospett ta' l-estimi tad-dħul u n-nefqa ta' l-Awtorità għas-sena finanzjarja ta' wara. Dan il-prospett tal-budget, li għandu jinkludi abbozz tal-pjan ta' l-istabbiliment flimkien mal-programmi proviżorji tax-xogħol, għandhom jiġu mibgħuta l-iktar tard sal-31 ta' Marzu mill-Bord ta' Ġestjoni lill-Kummissjoni u lill-pajjiżi li magħhom il-Komunità tkun ikkonkludiet ftehim skond l-Artikolu 49.

6. Il-prospett tal-budget għandu jintbagħat mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (minn issa ‘l quddiem imsemmija bħala l-awtorità tal-budget) flimkien ma’ l-abbozz preliminari tal-budget ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea.";

(b) għandhom jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

"7. Fuq il-bażi tal-prospett dwar l-budget, il-Kummissjoni għandha ddaħħal fl-abbozz preliminari tal-budget ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea l-budget li tqis meħtieġa għall-pjan ta' l-istabbiliment u l-ammont tas-sussidju li jrid jiġi impost fuq l-budget ġenerali, li l-Kummissjoni għandha tqiegħed quddiem l-awtorità tal-budget skond l-Artikolu 272 tat-Trattat.

8. L-awtorità tal-budget għandha tawtorizza l-approprjazzjonijiet għas-sussidju lill-Awtorità.

L-awtorità tal-budget finanzjari għandha tadotta l-pjan ta' l-istabbiliment għall-Awtorità.

9. L-budget għandhom jiġu adottati mill-Bord ta' Ġestjoni. Għandhom isiru finali wara l-adozzjoni finali tal-budget ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea. Meta xieraq, għandhom jiġu aġġustati kif jixraq.

10. Il-Bord ta' Ġestjoni għandu, malajr kemm jista’ jkun, jinnotifika lill-awtorità tal-budget finanzarji dwar l-intenzjoni tiegħu li jimplimenta kull proġett li jista jkollu implikazzjonijiet finanzjarji sinifikanti għall-finanzjament tal-budget, b'mod partikolari kull proġett li jkollu x'jaqsam mal-proprjetà bħalma huma l-kiri jew ix-xiri tal-bini. Għandu jgħarraf b'dan lill-Kummissjoni.

Meta fergħa ta' l-awtorità tal-budget tkun innotifikat l-intenzjoni tagħha li tagħti opinjoni, għandha tibgħat l-opinjoni tagħha lill-Bord ta' Ġestjoni f'perjodu taż-żmien ta' sitt ġimgħat mid-data tan-notifika tal-proġett."

5. l-Artikolu 44 għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"L-Artikolu 44

L-implimentazzjoni tal-budget ta' l-Awtorità

1. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jimplimenta l-budget ta' l-Awtorità.

2. L-iktar tard sa’ l-1 ta' Marzu wara kull sena finanzjarja, l-uffiċjal tal-kontijiet ta' l-Awtorità għandu jikkomunika l-kontijiet proviżorji lill-uffiċjal tal-kontijiet tal-Kummissjoni flimkien ma’ rapport dwar il-ġestjoni ta' l-budget ġenerali u finanzjarja għal dik is-sena finanzjarja. L-uffiċjal tal-kontijiet tal-Kummissjoni għandu jikkonsolida l-kontijiet proviżorji ta' l-istituizzjonijiet u tal-korpi ddeċentralizzati skond l-Artikolu 128 tar-Regolament Finanzjarju ġenerali.

3. L-iktar tard sa’ l-1 ta' Marzu wara kull sena finanzjarja, l-uffiċjal tal-kontijiet tal-Kummissjoni għandu jibgħat il-kontijiet proviżorji lill-Qorti ta' l-Awdituri, flimkien ma’ rapport dwar il-ġestjoni tal-budget u l-ġestjoni finanzjarja għal dik is-sena finanzjarja. Ir-rapport dwar il-ġestjoni tal-budget u l-ġestjoni finanzjarji għas-sena finanzjarja għandhom ukoll jintbagħtu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

4. Malli jirċievi l-osservazzjonijiet tal-Qorti ta' l-Awdituri dwar il-kontijiet proviżorji ta' l-Awtorità skond l-Artikolu 129 tar-Regolament Finanzjarju ġenerali, id-Direttur Eżekuttiv għandu jfassal il-kontijiet finali ta' l-Aworità fuq ir-responsabbiltà tiegħu nnifsu u jissottomettihom lill-Bord ta' Ġestjoni għal opinjoni.

5. Il-Bord ta' Ġestjoni għandu jagħti opinjoni dwar il-kontijiet finali ta' l-Awtorità.

6. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat, l-iktar tard sa’ l-1 ta' Lulju wara kull sena finanzjarja, il-kontijiet finali lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti ta' l-Awdituri, flimkien ma’ l-opinoni tal-Bord ta' Ġestjoni.

7. Il-kontijiet finali għandhom jiġu ppubblikati.

8. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat lill-Qorti ta' l-Awdituri tweġiba għall-osservazzjonijiet tagħha l-iktar tard sat-30 ta' Settembru. Għandu jibgħat ukoll it-tweġiba tiegħu lill-Bord ta' Ġestjoni.

9. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jissottometti lill-Parlament Ewropew, fuq it-talba ta' dan ta' l-aħħar, it-tagħrif kollu meħtieġ sabiex tiġi applikata bla xkiel il-proċedura tar-rilaxx għas-sena finanzjarja fil-kwistjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 146(3) tar-Regolament Finanzjarju ġenerali.

10. Il-Parlament Ewropew, fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill huwa u jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata, għandu, qabel it-30 ta' April tas-sena N +2, jagħti r-rilaxx lid-Direttur Eżekuttiv rigward l-implimentazzjoni tal-budget għas-sena N."

Artikolu 2

Dan ir-regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-22 ta' Lulju 2003.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

P. Cox

Għall-Kunsill

Il-President

G. Alemanno

[1] ĠU C 331 E, tal-31.12.2002, p. 79.

[2] ĠU C 285, tal-21.11.2002, p. 4.

[3] ĠU C 85, tat-8.4.2003, p. 64.

[4] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Ottubru 2002 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-3 ta' Ġunju 2003 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Ufiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-1 ta' Lulju 2003.

[5] ĠU L 31, ta' l-1.2.2002, p. 1.

[6] ĠU L 248, tas-16.9.2002, p. 1; corrigendum fil-ĠU L 25, tat-30.1.2003, p.43.

[7] ĠU L 145, tal-31.5.2001, p. 43.

[8] ĠU L 357, tal-31.12.2002, p. 72; corrigendum fil-ĠU L 2, tas-7.1.2003, p.39.

[9] ĠU L 145, tal-31.5.2001, p. 43.

[10] ĠU L 245, tad-29.9.2003, p. 4.

--------------------------------------------------