32003R0044



Official Journal L 007 , 11/01/2003 P. 0058 - 0059


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 44/2003

Ta’ l-10 ta’ Jannar 2003

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2584/2000 li jistabbilixxi sistema għall-komunikazzjoni ta’ l-informazzjoni dwar ċerti provvisti ta’ ċanga, vitella u laħam tal-majjal bl-art lejn it-territorju tal-Federazzjoni Russa

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1254/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-laħam taċ-ċanga u l-vitella [1], kif emendati bl-aħħar Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2345/2001 [2] partikolarment l-Artikolu 33(12) u l-Artikolu 41 tiegħu, u d-disposizzjonijiet korrispondenti tar-regolamenti l-oħra fuq l-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti agrikoli,

Billi:

(1) L-Artikolu 2 tal-Protokoll 2 dwar l-assistenza amministrattiva reċiproka għall-applikazzjoni korretta tal-legislazzjoni doganali anness mal-Ftehim ta’ Sħubija u Koperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa waħda u l-Federazzjoni Russa, fuq in-naħa l-oħra [3], ż-żewg partijet għandhom jassistu lil xulxin biex jiżguraw illi l-legislazzjoni doganali tigi applikata korrettament, partikolarment bil-prevenzjoni, skoperta u investigazzjoni tal-kontravenzjonijiet ta’ dik il-legislazzjoni. Sabiex timplimenta dik l-assistenza amministrattiva, il-Kummissjoni, rappreżentata mill-Uffiċċju Ewropew ta’ kontra l-Frodi (hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejjah "OLAF"), u l-awtoritajiet Russi kkonkludew arrangament illi jistabillixxi mekkaniżmu għall-komunikazzjoni ta’ l-informazzjoni dwar it-trasferiment tal-merkanzija bejn il-Komunitaà u l-Federazzjoni Russa.

(2) Bħala parti minn dik l-assistenza amministrattiva, ir-Regolament (KE) Nru 2584/2000 [4] jistabbilixxi, speċifikament b’relazzjoni mat-trasport stradali taċ-ċanga, vitella u majjal dirett lejn il-Federazzjoni Russa, l-informazzjoni li għandha tintbagħat lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri u s-sistema sabiex tigi trasmessa dik l-informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri, l-OLAF u l-awtoritajiet Russi.

(3) Dik l-informazzjoni u s-sistema ta’ komunikazzjoni introdotta magħha jistgħu jagħmluha possibbli li jirrekordjaw l-esportazzjoni tal-prodotti koncernati lill-Federazzjoni Russa u, meta jkun approprjat jiskopru każijiet fejn ir-rifużjoni ma’ tkunx dovuta u għalhekk għandha tiġi rkuprata.

(4) Wara s-suċċess tas-sistema ntrodotta permezz tar-Regolament (KE) Nru 2584/2000, is-sistema ta’ komunikazzjoni ta’ l-informazzjoni għandha tigi estiża għall-esportazzjoni tal-prodotti koncernati b’kull mezz ta’ trasport, jinħoloq metodu sabiex jgħin l-esportatur jispeċifika kemm jista’ jkun aktar preċisament it-tip ta’ trasport użat, u jingħata valur legali ghall-informazzjoni miksuba b’dan is-sistema.

(5) L-Artikolu 16 [5] tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/1999 tal-15 ta’ April 1999 li jippreskrivi r-regoli dettaljati komuni li japplikaw għas-sistema ta’ ħlasijiet lura (rifużjonijiet) fuq l-esportazzjoni tal-prodotti agrikoli, kif l-ahħar emendat permezz tar-Regolament (KE) Nru 1253/2002 [6], jagħti d-dritt lill-Kummissjoni li f’certi każi speċifiċi titlob illi jintwerew provi ta’ l-importazzjoni permezz ta’ dokumenti speċifiċi jew b’xi mod ieħor. Għaldaqstant, sabiex issir l-esportazzjoni prevista taħt dan ir-Regolament, l-informazzjoni fornita mill-awtoritajiet Russi għandha titqies bħala għajn ta’ provi ġodda li jissuplimentaw l-għejun ta’ provi attwali.

(6) Għaldaqstant ir-Regolament (KE) Nru 2584/2000 għandu jiġi emendat kif xieraq.

(7) Il-miżuri previsti minn dan ir-Regolament jaqblu ma’ l-opinjonijiet tal-Kumitati ta’ Ħidma kkoncernati,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 2584/2000 huwa permezz tal-preżenti emendat kif ġej:

1. Fit-titolu, il-kliem "bl-art" jigu mħassra.

2. Fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 1, il-kliem "bi trakk" jigu mħassra.3.

3. L-Artikolu 2 jiġi mibdul b’dan li ġej:

"Artikolu 2

Dawk l-esportaturi li jixtiequ jibbenefikaw mid-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4(2) għandhom jagħtu lill-organu ċentrali nominat minn kull wieħed mill-Istati Membri tal-Komunità, l-informazzjoni segwenti, għal kull dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni, fi żmien għaxart ijiem utli mid-data ta’ l-iżbarkar tal-prodotti tagħhom fir-Russja:

(a) in-numru tad-dikjarazzjoni ta’ l-esportazzjoni, d-dikjarazzjoni ta’ l-esportazzjoni ta’ l-uffiċċju doganali u d-data ta’ meta l-klijent wettaq il-formalitajiet kollha mitluba għal-esportazzjoni;

(b) deskrizzjoni tal-merkanzija, li turi l-kowd ta’ tmien ċifri tal-prodott bin-nomenklatura magħquda;

(ċ) il-kwantità netta f’kilogrammi;

(d) in-numru tal-carnet tat-TIR jew in-numru ta’ riferenza tad-dokument tat-transitu intern Russu DKD, jew in-numru tat-TDI/IM40 dikjarazzjoni tar-rilaxx għall-użu domestiku fir-Russja;

(e) in-numru tal-kontejner, jekk applikabbli;

(f) in-numru ta’ identifikazzjoni u/jew l-isem tal-mezz tat-trasport meta daħlet il-kunsinna fir-Russja;

(g) in-numru tal-liċenzja tal-maħzen taħt s-sorveljanza tad-Dwana fejn il-prodott ġie mwassal fir-Russja;

(h) id-data tal-wasla tal-prodott fil-maħzen taħt s-sorveljanza tad-Dwana fir-Russja."

4. L-Artikolu 4(2) għandu jiġi mibdul b’dan li ġej:

"2. Fejn tkun posittiva, ir-risposta ta’ l-awtoritajiet Russi, kif mifhuma mill-Artikolu 3(3), għandha tkun meqjusa bħala prova li l-klijent wettaq il-formalitajiet ta’ l-importazzjoni skond l-Artikolu 16(1) tar-Regolament (KE) Nru 800/1999."

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Għandu jibda jgħodd għall-kunsinni li d-dikjarazzjoniet ta’ l-esportazzjoni tagħhom jiġu aċċettati mill-1 ta’ Ġunju 2003.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fl-10 ta’ Jannar 2003.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 160, tas-26.06.99, pġ. 21.

[2] ĠU L 315, ta’ l-01.12.01, pġ. 29.

[3] ĠU L 327, tat-28.11.97, pġ. 48.

[4] ĠU L 298, tal-25.11.00, pġ. 16.

[5] ĠU L 102, 17.04.99, pġ. 11.

[6] ĠU L 183, 12.07.02, pġ. 12.

--------------------------------------------------