32003L0120



Official Journal L 333 , 20/12/2003 P. 0051 - 0051


Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2003/120/KE

tal-5 ta' Diċembru 2003

li temenda d-Direttiva 90/496/KEE dwar it-tikketti ta' nutriment għal oġġetti ta' l-ikel

(Test b'relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE ta' l-24 ta' Settembru 1990 dwar it-tikkettjar ta' nutriment għal oġġetti ta' l-ikel [1], u b'mod partikolari l-Artikolu 5 [2] tagħha,

Wara li kkonsultat il-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel,

Billi:

(1) It-tqegħid fis-suq ta' salatrims bħala ingredjenti ġodda għall-użu fi prodotti moħmija b'enerġija mnaqqsa u ħlewwiet kien awtorizzat bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/867(2), taħt ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [3], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 [4].

(2) Il-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel fl-opinjoni tiegħu dwar l-istima ta' sigurezza tas-salatrims għall-użu bħala alternattivi ta' kaloriji mnaqqsa ta' xaħam bħala ingredjenti ġodda ta' l-ikel, mogħtija fit-13 ta' Diċembru 2001, innota li l-enerġija provduta mis-salatrims tinsab bejn 5 u 6 kcal/gramma.

(3) Taħt ir-regoli kurrenti, l-enerġija provduta mis-salatrims, meqjusa bħala xaħam, għandha tiġi kalkolata bl-użu tal-fattur ta' konverżjoni għax-xaħam, kif hemm provvidiment għal dan fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 90/496/KEE, jiġifieri 9 kcal/gramma. L-użu ta' dan il-fattur ta' konverżjoni għall-kontenut dikjarat ta' enerġija ta' prodott jagħti stampa ħażina tal-kontenut tiegħu imnaqqas ta' enerġija miksub bl-użu tas-salatrims fil-manifattura tiegħu u għalhekk dan iwassal għal nuqqas li l-konsumatur ikun infurmat għall-kollox. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġi adottat il-fattur proprju ta' konverżjoni biex is-salatrims jintużaw għall-kalkolu tal-valur dikjarat ta' enerġija ta' oġġeti ta' l-ikel.

(4) Il-miżuri li hemm provvidiment dwarhom f'din id-Direttiva huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina ta' l-Ikel u s-Saħħa ta' l-Annimali,

ADDOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Dan li ġej għandu jiżdidied fl-aħħar ta' l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 90/496/KEE:

"—salatrims | 6 kcal/g-25J/g" |

Artikolu 2

1. L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġifiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva l-aktar tard sal-31 ta' Lulju 2004. Huma għandhom minnufih jikkomonikaw lill-Kummissjoni t-test ta' dawk id-disposizzjonijiet u tabella ta' korrelazzjoni bejn bejn dawk id-disposizzjonijiet u din id-Direttiva.

Fejn l-Istati Membri jadottaw dawk id-disposizzjonijiet, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpnajati b'dik ir-referenza fl-okkażżjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir dik ir-referenza.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-disposizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-20 jum mill-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

magħmula fi Brussel,

fil-5 ta' Diċembru 2003.

Għall-Kummissjoni

David Byrne

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 276, tas-6.10.1990, p. 40.

[2] ĠU L 326, tat-13.12.2003, p. 32.

[3] ĠU L 43, ta' l-14.2.1997, p. 1.

[4] ĠU L 284, tal-31.10.2003, p. 1.

--------------------------------------------------