32003L0110



Official Journal L 321 , 06/12/2003 P. 0026 - 0031


Id-Direttiva tal-Kunsill Nru 2003/110/KE

tal-25 ta' Novembru 2003

fuq l-għajnuna f'każijiet ta' transitu għal raġunijiet ta' tneħħija bl-ajru

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkonsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej, u partikolarment l-Artikolu 63(3)(b) tiegħu,

Wara li kkonsidra l-inizjattiva tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja,

Wara li kkonsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1) L-assistenza reċiproka għal skopijiet ta' tneħħija tieħu in konsiderazzjoni l-objettiv komuni li tiġi mitmuma r-residenza illegali ta' ċittadini minn terzi pajjiżi li huma suġġetti għal ordnijiet ta' tneħħija. Regoli li jorbtu fuq l-Istati Membri kollha barra minn hekk jikkontribwixxu għal ċertezza legali u għal standardizzazzjoni tal-proċeduri.

(2) It-tneħħija bl-ajru qiegħda dejjem iżżid fl-importanza bl-iskop li tiġi mitmuma r-residenza ta' ċittadini minn terzi pajjiżi. Minkejja l-isforzi ta' l-Istati Membri biex, bħala prijorita jużaw, titjiriet diretti, jista' jkun neċessarju, minn lenti ekonomika jew minħabba nuqqas ta' titjiriet diretti disponibbli, li jintużaw titjiriet li jorbtu minn ajruporti ta' transitu ta' Stati Membri oħra.

(3) Ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Diċembru 1995 fuq koperazzjoni u azzjoni miftehma fit-twettiq ta' miżuri ta' tneħħija [1] u d-deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tal-21 ta' April 1998 fuq koperazzjoni bejn il-Partijiet Kontraenti fir-ritorn bl-ajru ta' ċittadini minn terzi pajjizi, (SCH/Com-ex (98) 10) [2] diġà tindirizza il-ħtieġa ta' koperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-qasam tat-tneħħija bl-ajru ta' ċittadini minn terzi pajjiżi.

(4) Is-sovranità ta' l-Istati Membri, partikolarment rigward l-użu ta' forza diretta kontra ċittadini ta' terzi pajjiżi li jirreżistu t-tneħħija għandha tibqa mhux mittiefsa.

(5) Il-Konvenzjoni ta' l-14 ta' Settembru 1963 fuq Atti Offensivi u Oħrajn li jitwettqu fuq Ajruplani (Konvenzjoni ta' Tokjo), partikolarment rigward il-poteri tal-bdoti responsabbli fuq l-ajruplani u materji ta' responsabbilità għandhom jibqgħu mhux mittiefsa.

(6) Rigward il-istruzzjonijiet qosra tal-linji ta' l-ajru dwar kif isiru t-tneħħijiet skortati u mhux skortati, issir referenza għall-Anness 9 tal-Konvenzjoni ta' l-Organizzazzjoni Internazzjonali ta' l-Avjazzjoni Ċivili (ICAO) tas-7 ta' Diċembru 1944.

(7) L-Istati Membri għandhom jimplimentaw din id-Direttiva bir-rispett dovut għad-drittijiet umani u għal-libertajiet fundamentali, partikolarment il-Konvenzjoni ta' Ġinevra relatata ma' l-istatus tar-refuġjati tat-28 ta' Lulju 1951, kif emendata mill-Protokoll ta' New York tal-31 ta' Jannar 1967 u l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet Umani u tal-Libertajiet Fundamentali. Skond l-obbligi internazzjonali applikabli, it-transitu bl-ajru m'għandux ikun mitlub u lanqas mogħti jekk fit-terz pajjiż ta' destinazzjoni jew ta' transitu iċ-ċittadin tat-terz pajjiż ser jiltaqgħa mat-theddida ta' trattament inuman jew umiljanti, tortura jew il-piena tal-mewt, jew jekk il-ħajja jew il-liberta' tiegħu ikunu f'riskju minħabba raġunijiet ta' razza, reliġjon, nazzjonalità, appartenenza f'xi grupp soċjali partikolari jew konvinzjoni politika.

(8) Il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva għandhom ikunu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li telenka l-proċeduri għall-eserċitazzjoni tal-poteri implimentattivi mogħtija lill-Kummissjoni [3].

(9) Skond l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-posizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka mhix tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Direttiva u għalhekk mhix marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Fid-dawl li din id-Direttiva tibni fuq l-acquis ta' Schengen taħt id-disposizzjonijiet ta' Titolu IV tat-Tielet parti tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea sal-punt li tapplika għal ċittadini ta' terzi pajjiżi li ma jaderixxux jew m'għadhomx jaderixxu l-kondizzjonijiet għal żjara qasira applikabbli f'territorju ta' Stat Membru bis-saħħa tad-disposizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen, skond l-Artikolu 5 tal-Protokoll imsemmi hawn fuq, id-Danimarka għandha tiddeċiedi f'perjodu ta' sitt xhur wara li l-Kunsill ikun adotta din id-Direttiva, jekk hux ser timplimintha jew le fil-liġi nazzjonali tagħha.

(10) Rigward ir-Repubblika ta' l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja, din id-Direttiva tikkonstitwixxi żvilupp tad-disposizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż fit-18 ta' Mejju 1999 mill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja li jikkonċerna l-assoċjazzjoni ta' dawn Iż-żewġ Stati ma' l-implimentazzjoni, applikazzjoni u żvilupp ta' l-acquis ta' Schengen [4], sal-punt li jkun japplika għal ċittadini ta' terzi pajjiżi li ma jaderixxux jew m'għadhomx jaderixxu l-kondizzjonijiet għal żjara qasira applikabbli f'territorju ta' Stat Membru bis-saħħa tad-disposizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen, li huma parti miż-żona indikata fl-Artikolu 1, punt Ċ, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 fuq ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta' dak il-Ftehim [5].

(11) Skond l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-posizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda anness mat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, dawn l-Istati Membri m'humiex jipparteċipaw fl-adozzjoni ta' din id-Direttiva u għalhekk, bla ħsara għall-Artikolu 4 ta' dak il-Protokoll, m'humiex marbuta bih jew suġġetti għall-applikazzjoni tiegħu.

(12) Din id-Direttiva tikkonstitwixxi att li jibni fuq jew jirrelata ma' l-acquis ta' Schengen fis-sens ta' l-Artikolu 3(1) ta' l-Att t' Adeżjoni ta' l-2003,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Din id-Direttiva għandha l-għan tistabbilixxi l-miżuri ta' assistenza bejn l-awtoritajiet kompetenti fl-ajruporti ta' transitu ta' l-Istati Membri fuq it-tneħħijiet skortati u mhux skortati bl-ajru.

Artikolu 2

Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva:

(a) "Ċittadin ta' terz pajjiż" tfisser kwalunkwe persuna li mhix ċittadin ta' Stat Membru ta' l-Unjoni Ewropea, tar-Repubblika ta' l-Islanda jew tar-Renju tan-Norveġja;

(b) "Stat Membru li qed jippreżenta t-talba" tfisser l-Istat Membru li jinforza ordni ta' tneħħija fil-każ ta' ċittadin ta' terz pajjiż u jitlob transitu mill-ajruport ta' transitu ta' Stat Membru ieħor;

(ċ) "Stat Membru mitlub" jew "Stat Membru fi transitu" tfisser l-Istat Membru li permezz l-ajruport ta' transitu tiegħu ikun irid isir it-transitu;

(d) "Skorta" tfisser il-persuni kollha mill-Istat Membru li qed jippreżenta t-talba li huma responsabbili biex jakkumpanjaw iċ-ċittadin tat-terz pajjiż, inklużi persuni responsabbili mill-kura medika u l-interpreti;

(e) "Transitu bl-ajru" tfisser il-passaġġ taċ-ċittadin tat-terz pajjiż u, jekk meħtieġ, l-iskorta fiż-żona ta' l-ajruport ta' l-Istat Membru li qed jippreżenta t-talba għal skopijiet ta' tneħħija bl-ajru.

Artikolu 3

1. Stat Membru li jkun jixtieq jibgħat lura bl-ajru ċittadin ta' terz pajjiż għandu jeżamina l-possibilita li tiġi użata titjira diretta lejn il-pajjiż ta' destinazzjoni.

2. Jekk Stat Membru li jkun jixtieq jibgħat lura ċittadin ta' terz pajjiż ma jkunx jista' juża titjira diretta lejn il-pajjiż ta' destinazzjoni minħabba ċirkostanzi prattiċi u razzjonali, jista' jitlob transitu bl-ajru minn Stat Membru ieħor. Applikazzjoni għall-transitu bl-ajru fil-prinċipju m'għandiex issir jekk il-miżura ta' tneħħija tirrikjedi bidla ta' l-ajruport fit-territorju ta' l-Istat Membru mitlub.

3. Mingħajr preġudizzju għall-obbligazzjonijiet ta' l-Artikolu 8, l-Istat Membru mitlub jista' jiċħad transitu bl-ajru jekk:

(a) iċ-ċittadin tat-terz pajjiż skond il-leġislazzjoni nazzjonali fl-Istat Membru mitlub huwa akkużat b'reati kriminali jew mfittex biex jiskonta xi sentenza;

(b) it-transitu minn Stati oħra jew id-dħul fl-Istat ta' destinazzjoni m'huwiex possibbli;

(ċ) il-miżura ta' tneħħija tirrikjedi bidla ta' l-ajruport fit-territorju ta' l-Istat Membru mitlub;

(d) l-għajnuna mitluba hija impossibli f'xi mument partikolari minħabba raġunijiet prattiċi, jew

(e) iċ-ċittadin tat-terz pajjiż ser ikun ta' theddida għall-politika pubblika, sigurtà pubblika, saħħa pubblika jew għar-relazzjonijiet internazzjonali ta' l-Istat Membru mitlub.

4. Fil-każ ta' paragrafu 3 (d), l-Istat Membru mitlub għandu jinforma minnufih lill-Istat Membru li qed jippreżenta t-talba b'data qrib kemm jista' jkun għad-data oriġinarjament mitluba meta t-transitu bl-ajru ikun jista' jiġi assistit, sakemm il-kondizzjonijiet l-oħra jiġu mħarsa.

5. L-awtorizzazzjonijiet għal transitu bl-ajru li jkunu diġa' inħarġu jistgħu jiġu revokati mill-Istat Membru mitlub jekk ċirkostanzi fis-sens ta' paragrafu 3 sussegwentement joħorġu fid-deher, b'hekk tiġi ġustifikata ċ-ċaħda għat-transitu.

6. L-Istat Membru mitlub għandu jinforma lill-Istat Membru li qed jippreżenta t-talba minnufih biċ-ċaħda u r-revokazzjoni ta' l-awtorizzazzjoni għal transitu bl-ajru skond paragrafu 3 jew 5 jew b'xi raġuni oħra għala t-transitu ma jkunx possibli, u għandu jipprovdi spjegazzjoni tar-raġunijiet.

Artikolu 4

1. It-talba għal transitu bl-ajru skortat jew mhux skortat u l-miżuri ta' assistenza assoċjati skond l-Artikolu 5(1) għandhom isiru bil-miktub mill-Istat Membru li qed jippreżenta t-talba. Għandha tasal għand l-Istat Membru mitlub mill-aktar fis possibli, u f'kull każ mhux aktar tard minn jumejn qabel it-transitu. Dan il-limitu ta' żmien jista' ma jiġix rispettat f'każijiet ta' urġenza partikolari li jkunu ġustifikabbili.

2. L-Istat Membru mitlub għandu jinforma lill-Istat Membru li jippreżenta t-talba bid-deċiżjoni tiegħu immedjatament fi żmien jumejn. Dan il-limitu ta' żmien jista' jiġi estiż f'każijiet ġustifikati għal mhux aktar minn 48 siegħa. It-transitu bl-ajru m'għandux jibda mingħajr l-approvazzjoni ta' l-Istat Membru mitlub.

Fejn l-Istat Membru mitlub ma jipprovdix risposta sat-terminu perentorju msemmi fl-ewwel subparagrafu, l-operazzjonijiet ta' transitu jistgħu jiġu mibdija permezz ta' notifikazzjoni mill-Istat Membru li qed jippreżenta t-talba.

L-Istati Membri jistgħu jipprovdu fuq bażi ta' l-arranġamenti u l-ftehim bilaterali u multilaterali li l-operazzjonijiet ta' transitu jistgħu jiġu mibdija permezz ta' notifikazzjoni mill-Istat Membru li qed jippreżenta t-talba.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni fuq il-ftehim u l-arranġamenti msemmija fit-tielet subparagrafu. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta regolarment lill-Kunsill fuq dawn il-ftehim u l-arranġamenti.

3. Għal skopijiet biex tiġi trattata t-talba fil-paragrafu 1, l-informazzjoni fuq il-formola li tintuża biex tintalab l-awtorizzazzjoni għall-transitu bl-ajru skond l-Anness għandha tintbgħat lill-Istat Membru mitlub.

Il-miżuri neċessarji għall-aġġornament u l-modifikazzjoni tat-talba għat-transitu kif stabbilit fl-Anness kif ukoll il-metodi tagħha ta' trasmissjoni għandhom jitwettqu skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 9(2).

4. B'rispett għal kwalunkwe talba għat-transitu, l-Istat Membru li qed jippreżenta t-talba għandu jipprovdi lill-Istat Membru mitlub id-dettalji kif previsti fl-Anness.

5. Kull wieħed mill-Istati Membri għandhom jaħtru awtorità ċentrali lil min għandhom jintbagħtu t-talbiet taħt paragrafu 1.

L-awtoritajiet ċentrali għandhom jaħtru postijiet ta' kuntatt f'kull ajruport relevanti ta' transitu li jistgħu jiġu milħuqa waqt l-operazzjonijiet ta' transitu.

Artikolu 5

1. L-Istat Membru li qed jippreżenta t-talba għandu jagħmel l-arranġamenti xierqa biex jassigura li l-operazzjoni ta' transitu titwettaq fl-iqsar żmien possibli.

L-operazzjoni ta' transitu għandha titwettaq f'massimu ta' 24 siegħa.

2. L-Istat Membru mitlub, suġġett għall-konsultazzjonijiet reċiproki mal-Istati Membri li qed jippreżentaw it-talba b'mezzi disponibbli u li huma konformi ma' standards internazzjonali, għandu jipprovdi l-miżuri neċessarji kollha ta' assistenza mill-inżul u l-ftuħ tal-bibien ta' l-ajruplan sakemm ikun assigurat li ċ-ċittadin tat-terz pajjiż telaq. Madankollu, konsultazzjonijiet reċiproki m'humiex meħtieġa f'każi msemmija f'punt (b).

Dan jirreferi għal miżuri ta' assistenza li ġejjin partikolarment:

(a) laqgħa maċ-ċittadin tat-terz pajjiż fl-ajruport u l-iskortar tiegħu/tagħha sal-konfini ta' l-ajruport ta' transitu, partikolarment għat-titjira tiegħu/tagħha li jkun imiss;

(b) il-provvediment ta' kura medika ta' emerġenza liċ-ċittadin tat-terz pajjiż u, jekk ikun neċessarju, l-iskortar tiegħu/tagħha;

(ċ) il-provvediment ta' sustenanza għaċ-ċittadin tat-terz pajjiż u, jekk neċessarju, l-iskortar tiegħu/tagħha;

(d) ir-riċeviment, iż-żamma u l-għotja tad-dokumenti ta' l-ivvjaġġar, partikolarment f'każi ta' tneħħijiet mhux skortati;

(e) f'każi ta' transitu mhux skortat, l-informar ta' l-Istat Membru li qed jippreżenta t-talba bil-post u l-ħin tat-tluq taċ-ċittadin tat-terz pajjiż mit-territorju ta' l-Istat Membru kkonċernat;

(f) l-informar ta' l-Istat Membru li qed jippreżenta t-talba f'każ li jkunu seħħew xi inċidenti serji waqt it-transitu taċ-ċittadin tat-terz pajjiż.

3. L-Istat Membru mitlub jista', skond il-liġi nazzjonali tiegħu:

(a) ipoġġi u jakkomoda ċ-ċittadini tat-terz pajjiżi f'faċilita' ta' sigurtà;

(b) juża mezzi leġittimi biex ma jħallix jew biex iwaqqaf kull tentattiv ta' reżistenza għat-transitu miċ-ċittadin tat-terz pajjiż.

4. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6(1), f'każi fejn it-twettieq tal-operazzjonijiet ta' transitu ma jistgħux jiġu żgurati, minkejja l-assistenza provduta skond paragrafi 1 u 2, l-Istat Membru mitlub jista', fuq talba minn u b'konsultazzjoni mal-Istat Membru li qed jippreżenta t-talba, jieħu l-miżuri kollha neċessarja ta' assistenza biex ikompli l-operazzjoni ta' transitu.

F'dawn il-każi, il-limitu ta' żmien imsemmi fil-paragrafu 1 jista' jiġi estiz b'massimu ta' 48 siegħa.

5. L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru mitlub taħt min taqa' r-responsabbilità għall-miżura għandu jiddeċiedi n-natura u sakemm għandha tiġi pprovduta l-assistenza skond paragrafi 2, 3 u 4.

6. L-ispejjeż tas-servizzi provduti skond paragrafu 2(b) u (ċ) għandhom jiġu mħallsa mill-Istat Membru li qed jippreżenta t-talba.

L-ispejjeż li jifdal għandhom jitħallsu wkoll mill-Istat Membru li qed jippreżenta t-talba sakemm huma attwali u kwantifikabbli.

L-Istati Membri għandhom jipprovdu informazzjoni xierqa rigward il-kriterji fuq il-kwantifikazzjoni ta' l-ispejjeż indikati fit-tieni subparagrafu.

Artikolu 6

1. L-Istat Membru li qed jippreżenta t-talba għandu jintrabat li jerġa jaċċetta minnufih iċ-ċittadin tat-terz pajjiż sakemm:

(a) l-awtorizzazzjoni għat-transitu bl-ajru kienet ġiet miċħuda jew revokata skond l-Artikolu 3(3) jew (5);

(b) iċ-ċittadin tat-terz pajjiż daħal fl-Istat Membru mitlub mingħajr awtorizzazzjoni waqt it-transitu;

(ċ) it-tneħħija taċ-ċittadin tat-terz pajjiż għall-pajjiż ta' transitu ieħor jew għall-pajjiż destinatarju, jew it-tlugħ fuq it-titjira kkonnettjata ma rnexxietx; jew

(d) it-transitu bl-ajru mhux possibli għall-raġuni oħra.

2. L-Istat Membru mitlub għandu jgħin fid-dħul mill-ġdid taċ-ċittadin tat-terz pajjiż lill-Istat Membru li qed jippreżenta t-talba fil-każi msemmija fil-paragrafu 1. L-Istat Membru li qed jippreżenta t-talba għandu jħallas l-ispejjeż li jintefqu fir-ritorn taċ-ċittadin tat-terz pajjiż.

Artikolu 7

1. Waqt li titwettaq l-operazzjoni ta' transitu, il-poteri tal-iskorta għandhom ikunu limitati għad-difiża personali. Barra minn hekk, fl-assenza ta' uffiċjali ta' l-infurzar tal-liġi mill-Istat Membru ta' transitu jew bi skop biex jiġu mgħejjuna l-uffiċjali ta' l-infurzar tal-liġi, l-iskortaturi jistgħu jużaw azzjoni razzjonali u proporzjonata bħala rispons għal risklu serju u immedjat biex jipprevenu ċ-ċittadin tat-term pajjiż milli jaħrab/taħrab, jikkawża/tikkawża ħsara lilu/lilha jew terzi persuni jew dannu lill-proprjeta.

Taħt kull ċirkostanza l-iskortaturi għandhom jikkonformu mal-leġislazzjoni ta' l-Istat Membru mitlub.

2. L-iskortaturi m'għandhomx iġorru armi waqt transitu bl-ajru u għandhom jilbsu ħwejjeġ pajżana.. Għandhom jipprovdu mezzi xierqa ta' identifikazzjoni inkluż l-awtorizzazzjoni ta' transitu miġjub mill-Istat Membru ta' transitu, jew fejn applikabbli, n-notifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(2), fuq talba ta' l-Istat Membru mitlub.

Artikolu 8

Din id-Direttiva għandha tkun bla ħsara għall-obbligi li joħorġu mill-Konvenzjoni ta' Ġinevra li għandhom x'jaqsmu ma' l-istatus tar-refuġjati tat-28 ta' Lulju 1951, kif emendat mill-Protokoll ta' New York tal-31 ta' Jannar 1967, mill-konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fondamentali u mill-konvenzjonijiet internazzjonali dwar l-estradizzjoni tal-persuni.

Artikolu 9

1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat.

2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 sa 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

Il-perjodu taż-żmien preskritt fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun stabbilit għal xahar.

3. Il-Kumitat għandu jadotta r-Regoli tiegħu ta' Proċedura.

Artikolu 10

1. L-Istati Membri għandhom jinfurżaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformu ma' din id-Direttiva qabel is-6 ta' Diċembru 2005 Huma għandhom jinformaw minnufih lill-Kummissjoni tagħhom.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikollhom magħhom referenza simili fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi dwar kif issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni it-test tad-disposizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fis-settur kopert b'din id-Direttiva.

Artikolu 11

Id-deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tal-21 ta' April 1998 dwar il-koperazzjoni bejn il-Partijiet Kontraenti fir-ritorn ta' ċittadini barranin bl-ajru (SCH/Com-ex (98) 10) għandha tiġi revokata.

Artikolu 12

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-ġurnata tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 13

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Magħmula fi Brussel, fil-25 ta' Novembru 2003.

Għall-Kunsill

Il-President

G. Tremonti

[1] ĠU C 5, ta' l-10.1.1996, p. 3.

[2] ĠU L 239, tat-22.9.2000, p. 193.

[3] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

[4] ĠU L 176, ta' l-10.7.1999, p. 36.

[5] ĠU L 176, ta' l-10.7.1999, p. 31.

--------------------------------------------------

ANNESS

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------